Ġlieda sal-aħħar!


Patri Mario Attard OFM Cap

Fil-ħajja l-Mulej ġieli ilaqqgħek ma’ persuni li, aktar ma jgħaddi ż-żmien minn mindu tkun iltqajt jew għext magħhom, aktar tiżżih ħajr għalihom. Mhux l-għaliex ma timmisjhomx tafux! L-aktar jekk ikunu telqu qablek u qabli “bis-sinjal tal-fidi li jkunu ħadu fil-magħmudija u issa qiegħdin jistrieħu fir-rabta tas-sliem!” Dawn kienu u jibqgħu nies speċjali. U tant mhux tas-soltu li, l-kelma fuqhom li imqar tittanta tfissirhom, proprju tinħall bħas-silġ. Tisfuma fix-xejn. L-għaliex qatt ma jseħħilha iġġibha żewġ biex tabilħaqq tiddeskriviehom!

F’wieħed mill-pellegrinaġġi tiegħi fil-Polonja, l-Art Imqaddsa tal-Ħniena Divina, il-Mulej riedni li niltaqa’ sewwasew magħha. Niftakarha tajjeb! Ma kinitx żgħira fl-età. Iżda lanqas xi waħda mgħobbija biż-żmien. Meta wieħed jikkonsidra t-tul ta’ ħajja li ħafna minna qiegħdin jgħixu illum. Għadni qed naraha quddiem għajnejja lesta, imbiddla u pulita, biex titla’ magħna fl-ajruplan. Dak l-ajruplan li għaliha tant kien ifisser. “Kif ħa ntellgħuha fuq l-ajruplan?” bdejt nistaqsi bejni u bejn ruħi mifxul għall-aħħar. Nofs ras li jien! Ma ntbaħtx li l-linja nazzjonali tal-ajru, bħal kull kumpanija tal-ajru oħra, toffri s-servizz li persuni fis-siġġu tar-roti jtellgħuhom qabel it-titjira minn post ieħor! Eh! Tgħallimt waħda issa! Mela għandna waħda ġewwa!

Qbadna l-karozza lejn l-ajruplan, mimlija passiġieri, u, kif eżatt nitla’ mit-taraġ għall-ġo l-għasfur tal-metall, sibtha quddiemi! Ħassejtha li donnha kienet qiegħdha hemm, tistennieni! Tbissmitli minn qalbha. Aktar tard kelli nkun naf li lis-saċerdoti u lill-persuni ikkonsagrati lill-Mulej tgħidx kemm kienet tħobbhom! Bilfors! Daqskemm kienet titlob għalina! Mela, grazzi ħafna sinjura!

X’ħin inżilna fil-Polonja, wara vjaġġ fejn kollox mar ħarir, mar rajthiex aktar. L-għaliex, hekk kif l-ajruplan ġie ipparkjat, l-istaff tal-ajruport ġew biex jgħinuha tinżel ħa jwassluha sal-coach. X’ħin wasalna biex nidħlu fuq il-coach erġajt rajtha mill-ġdid. Fraħt bil-bosta x’ħin rajtha! Qisni sibt xi ħaġa prezzjuża li kienet intiftili. Għalkemm qatt ma daħalli l-iċken dubju li konna se nħalluha warajna!

Wasalna l-lukanda wara xi għoxrin minuta sewqan. Inżilna. U bdejna ndaħħlu l-bagalji tagħna ġewwa. Stenna ftit ħej! U lilha min kien se jsuqha? Issa sew! Imbagħad għaddhieli l-ħsieb mis-sema li mlieni b’ħafna ferħ u kuraġġ. U mela jien, imbilli Patri, ħa nħalli mara fis-siġġu tar-roti tiġi mbutatha minn bintha b’tifla magħha? Mela dawk se jifilħu għal dawk il-kedded kollha? Għall-grazzja t’Alla, tajjeb u ħażin, jien għandi niflaħ. Le! B’idejja fuq qalbi għedt: “Huwa unur għalija li nkun ix-xuffier tagħha!” Għaliex hija persuna fil-bżonn! Bħal dawk li nara ta’ kuljum f’Mater Dei.

Biex ma ntawwalx hekk sar! U tant kemm fil-ħaġa rajt l-ispirtu ta’ Ġesù mimli mħabba u ħniena fiha li, minn dakinnhar ‘l hemm, qtajtha li nibda’ insuqha jien! U hekku li bdiet l-avventura. Kemm ħadt gost indawwarha l’ hemm u l’hawn! U naraha titbissem! Anzi ferħana! Iva! Eżatt kif kienu qaluli l-għeżież uliedha: xewqitha kienet qategħtha li titla’ l-Polonja! U mela issa, la qiegħdin hawn, ejja ħa nifirħu! Ħa nagħmlu l-aħjar fis-sitwazzjoni!

Bħalissa, tiġini f’moħħi l-esperjenza ħelwa li għamilna f’Wieliczka. Jew aħjar fil-mina tal-melħ fi Krakovja. Il-grupp kellu jistenna biex jidħol fil-lift tal-ħadid. Imma, jiena u hi, le! Qbiżniehom kollha! U fraħna li qbiżniehom tafux! L-għaliex, minħabba s-siġġu tar-roti, aħna kellna d-dritta kollha li ninżlu l-ewwel. X’ħin wasalna fis-sitt sular taħt l-art u ħriġna mill-lift stajna nbierku l-pulmuni tagħna b’dik l-arja tajba ta’ din il-mina tal-melħ. Ħbieb tiegħi! X’arja friska u fejqana hemm iddur f’dak il-post tal-għaġeb! Mhux ta’ b’xejn li hemm min iħallas fuq li jħallas biex jinżel hemm ħa jieħu t-terapija bil-għan li jieħu n-nifs aħjar! Kemm ħassejt il-pulmuni tiegħi jieħdu repair mill-kbar nett hemm isfel! Iżda, l-intern tiegħi, safa’ aktar kuntent li rahah tidħak. Titbissem. U tittama. Għaliex il-ħajja, anki jekk kienet qed tagħtiha fuq wiċċha bil-ħarta minħabba l-marda li kellha fuqha, f’Wieliczka dak il-wiċċ sabiħ reġa’ beda jimtela’ bil-ħajja mill-ġdid.

Iżda l-kbir tal-pellegrinaġġ kien għadu ġej! Kien, sewwasew, meta morna f’Łagiewniki, fid-distrett ta’ Krakovja, fejn hemm il-Knisja flimkien mal-Kunvent iddedikati lill-Ħniena Divina, li hemmhekk rajtha letteralment tieħu saħħitha mill-ġdid. Niftakar! Kien il-Ħadd, wara nofsinnhar. Fuq l-ajruplan kienet qagħdet tirrakkuntali kemm kienet tħobbha l-Ħniena Divina. Kemm kienet qed tistenna l-mument li tmur iżżur il-fdalijiet imqaddsa ta’ Santa Fawstina. Il-ħolma ta’ ħajjitha kienet din biss: li tmiss il-fdalijiet tal-qaddisa li l-Mulej Ġesù kien għażel bħala s-segretarja tal-ħniena tiegħu għalina l-bnedmin.

Dakinnhar, minħabba li kienet l-ewwel ġurnata tal-pellegrinaġġ, ma stajtx ma nibdihiex nitlob mal-ġemgħa. Ġaladarba, f’dak il-grupp ta’ pelligrini, ġejt maħtur bħala d-direttur spiritwali tagħhom. Tlabna l-Kurunella u r-Rużarju fil-Knisja ta’ isfel. U hi, b’ħarsitha ‘l fuq, lejn l-istampa mill-isbaħ ta’ Ġesù, il-Ħniena Divina, stħajjiltha li kienet qisha diġà qed tara s-sema miftuħ quddiemha. Kemm talbet bil-ħrara f’dik il-quddiesa! U, tant kemm talbet minn qalbha, li minkejja daqshekk xhur li għaddew minn mindu ħallietna, għalkemm donnu l-ġrajja seħħet il-bieraħ, jiena u nħarbex dawn il-kelmtejn għadni qiegħed nisma’ leħinha. Ġej mill-bogħod. Dak leħinha li qiegħed idawwarni ħa nkompli niftakarha b’tant apprezzament, imħabba u rispett.

Il-fulkru tal-mixja tagħna kienet il-quddiesa li għamilna biex biha nagħlqu l-pellegrinaġġ, fis-Santwarju tal-Ħniena Divina. Dakinnhar ħassejt li l-mazz nagħtih f’idejha. Ħassejt li nħalli lilha twassal imħabbet Ġesù fiha għall-oħrajn. Il-fidi kbira li biha talbet f’dik il-quddiesa, it-talba li għamlet meta konna qiegħdin nitolbu t-talbiet tal-ġemgħa, urietni kemm il-bniedem maqgħud mal-Mulej, jgħaddi minn xiex jgħaddi, dejjem se joħroġ rebbieħ.

U hi baqgħet tirbaħ anki meta, wara li wasalna, bdiet tħossha, aktar u aktar, ma tiflaħx. Issuktat tirbaħ anki meta ġiet is-siegħa tal-għawġ fuqha. Il-quddiesa tal-anniversarju taż-żwieġ tagħha kienet l-għajta tagħha li fil-ħajja, anki jekk mhedda mill-mard, jinħtieġ li tibqa’ tiġi iċċelebrata. U tingħex fil-milja kollha tagħha!

Imħabbitha lejn iż-żewġha, iż-żewġ uliedha flimkien mal-irġiel tagħhom u n-neputijiet tagħha, fakkruni li l-qalb tal-omm hija tabilħaqq unika. Hija qalb li dejjem tibqa’ tittama. U tara s-sabiħ. Meta waslet lejn l-aħħar ta’ ħajjitha, u jien kelli x-xorti li mmur inżurha, stajt nara li l-mara li kont naf baqgħet hemm. Tiġġieled għall-aħħar nifs tagħha! L-għaliex min f’ħajtu ħenn, ħafer u agħder bilfors li jibqa’ ilaqqat sal-aħħar f’din id-dinja ħalli jkompli jħalli l-Ispirtu tal-ħniena, tal-maħfra u tal-mogħdrija li hemm fih isaltan madwaru.

Bħal kulħadd kien waslilha l-waqt li titlaq minn dan il-Wied tad-Dmugħ. U, bħal suldat tajjeb u lejali lejn sidu, hija wkoll kienet imsieħba mit-talba li dejjem ħabbet. U dejjem ħeġġet lil ħaddieħor li jitlob: il-Kurunella tal-Ħniena Divina. In-nifsijiet tagħha ma kienu xejn għajr it-tweġiba qalbiena li għalmittna wkoll b’ħajjitha, u, wisq aktar, b’mewtha: Ġesù, jiena nafda fik!

Grazzi li bqajt tiġġieled sal-aħħar it-taqbida t-tajba! Grazzi Carm!