Il-Banda tal-Forzi Armati uriet il-qawwa tal-imħabba u tas-solidarjetà


Il-Ħamis 1 ta’ Diċembru 2016: L-Arċisqof Charles J. Scicluna ippresieda kunċert mill-Banda tal-Forzi Armati, organizzat mid-Dar tal-Providenza.

Fil-kunċert, il-Premju ‘Dun Mikiel Azzopardi’ għas-sena 2016 ingħata lil Dar il-Kaptan bħala turija ta’ rikonoxximent u apprezzament tad-Dar tal-Providenza għall-25 sena ta’ ħidma u impenn fil-komunità mit-twaqqif tagħha fl-10 ta’ Novembru 1991. Is-Sur Marcel Pisani irċieva l-premju f’isem Dar il-Kaptan.

Messaġġ tal-Arċisqof Charles J. Scicluna
Katidral tal-Imdina
Eċċellenza, Għażiża President u s-Sur Preca,
Sħabi saċerdoti,

Insellem b’mod speċjali lill-Ministru Abela u l-Kap Kmandant filwaqt li nirringrazzjahom ta’ din l-opportunità li aħna nisimgħu il-Banda tal-Forzi Armati li tawna l-melodiji straordinarji li jispirawna. Jiena se nagħmel ħsieb qasir ispirat propju minn din l-esperjenza ta’ sbuħija li għandna kif għaddejna minna.

Insellem ukoll lill-Onorevoli Membri Parlamentari, persuni distinti b’mod speċjali anke l-Kapitlu Metropolitan.

Ħin minnhom smajna armata ġejja mill-bogħod u tasal bil-frakass u bil-qawwa tagħha, dak li pprova jesprimi Ottorino Respighi f’waħda mix-xeni taI-Pini di Roma. Ruma, kif tafu, hija mdawwra b’ħafna siġar taċ-ċipress u anke tal-prinjol bħal ma għandna aħna u telgħin is-Saqqajja, per eżempju, u l-Via Appia hija waħda minn dawn il-mumenti sbieħ ta’ arkeoloġija u pajjesaġistika Rumana li għandha dawn is-siġar u Ottorino Respighi jimmaġina l-armata ġejja mill-bogħod u tasal hemm bil-qawwa tagħha.

Il-Forzi Armati tagħna hija Banda simili u llum uriet il-qawwa tal-imħabba, il-qawwa tas-solidarjeta’. Mhix armata li ġejja biex timponi r-rieda tagħha, wara kollox diġà l-armata Rumana tfakkarna fi żmien it-twelid ta’ Ġesù, imma l-Forzi Armati tagħna b’dan il-ġest ta’ solidarjetà ta’ kull sena jurina wkoll il-qawwa tal-imħabba li tirbaħ kull vjolenza u kull mibgħeda. Jien nsellem ukoll il-Forzi Armati għal dak kollu li jagħmlu fil-Mediterran u fil-protezzjoni ċivili li huwa verament sinjal konkret ta’ solidarjetà.

Mill-vuċi sabiħa tal-Gunner Georg Zammit smajna dik l-aħħar frażi: “Canto alla Vita.” Mument ta’ disperazzjoni mit-Tosca ta’ Puccini. Dan l-imbierek ikkundannat għall-mewt jaħseb fl-imħabba, fil-fatt ikkundannat għall-mewt imma jibqa’ jgħanni l-għanja tal-ħajja.

Ngħalaq billi nsellem b’mod speċjali lil Annabelle Xerri u l-messaġġ qawwi li tatna. Għaliex Annabelle, fil-persuna tiegħek inti l-isbaħ preparazzjoni għall-Milied din is-sena għax inti wkoll qed tistenna tarbija.

Fl-Avvent nitkellmu ħafna fuq li nisimgħu il-Kelma ta’ Alla imma inti għallimtna li s-smigħ tal-Kelma hija xi ħaġa tal-qalb, mhux tas-sensi imma tal-qalb! Kif aħna nisimgħu il-Kelma ta’ Alla inti wkoll tisma’ il-Kelma ta’ Alla mhux bis-sensi imma bil-qalb.

Dan hu l-awguri tiegħi. Jalla, bħal Annabelle, aħna u nistennew lil Ġesù, nitgħallmu nisimgħu bil-qalb. Nirringrazzjakom ukoll tad-donazzjoni li se tagħtu. Hemm persuna li tirringrazzja lil kulħadd għax dak xogħolha u ħadd forsi ma jirringrazzjah. Jien nixtieq nirringrazzjak Tonio Bonello għax inti parti mill-promozzjoni tad-Dar tal-Providenza. Jekk immur xi ħaġa tad-Dar tal-Providenza u ma narakx ngħid hawn xi ħaġa li mhix sew illum. Nixtieq ngħidlek grazzi tad-dedikazzjoni kollha u anke permezz tiegħek lil Radju RTK u lil ħafna sponsors.

Fl-aħħar tal-programm hemm l-appuntament li jmiss għall-ewwel ta’ Jannar imma qabel l-ewwel ta’ Jannar hemm l-Istrina. Dawn huma mumenti ta’ solidarjetà li juru verament il-qawwa sabiħa tal-imħabba. Inkompluhom.

Mill-qalb nawguralkom, l-Avvent sabiħ, fl-ispirtu sabiħ anke ta’ Annabelle u l-Milied ħieni u sena ġdida mimlija risq. Grazzi.

✠ Charles J. Scicluna
Arċisqof ta’ Malta

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s

This site uses Akismet to reduce spam. Learn how your comment data is processed.