Il-Ħamis 1 ta’ Diċembru 2016. Omelija tal-Papa Franġisku fid-Dar Santa Marta.
Dalgħodu, fil-kappella tad-Dar Santa Marta fil-Vatikan, il-Papa għamel omelija mibnija fuq din it-talba li nsibu fil-kolletta tal-quddiesa tal-jum.
Fil-ħajja n-Nisrani dejjem se jsib xi ħaġa li tfixklu u ma tħallihx jimxi ‘l quddiem. Il-Papa qal li hemm diversi tipi ta’ reżistenza: dik miftuħa, li minnha nfisha tinbet mir-rieda tajba – bħal dik ta’ Sawlu li kien jirreżisti l-grazzja imma kien konvint li qed jagħmel ir-rieda t’Alla, u jkun Ġesù stess li jgħidlu biex jieqaf u jikkonverti. Sawlu jobdi: hu miftuħ għall-grazzja.
Imma hemm ukoll ir-reżistenza moħbija, kompla jgħid. Kull wieħed u waħda minna għandu l-mod tiegħu kif jirreżisti l-grazzja. Imma jeħtieġ li nagħrfu dan u nqiegħdu ruħna quddiem il-Mulej biex isaffina.
Din hi r-reżistenza li Stiefnu kien qed jakkuża biha lill-Imgħallmin tal-Liġi: kienu jirreżistu lill-Ispirtu s-Santu waqt li riedu jidhru li qed ifittxu l-glorja t’Alla. Lil Stiefnu din l-akkuża swietlu ħajtu.
Din ir-reżistenza moħbija li lkoll kemm aħna għandna, hi ostakolu fil-mixja tagħna lejn il-konverżjoni.
Din il-kwalità ta’ reżistenza jiżragħha x-xitan, biex ma jħallix lill-Mulej imexxina ‘l quddiem.
Il-Papa Franġisku qal li hemm tliet tipi ta’ reżistenza moħbija. Hemm dik tal-‘kliem vojt’. Biex nifhmuha tajjeb irridu nifhmu dak li jgħid Ġesù fil-Vanġelu tal-lum: ‘Mhux kull min jgħid Mulej, Mulej, jidħol fis-saltna tas-smewwiet.’ Dejjem ngħidu iva għal kollox, tant kliem, imbagħad ma nibdlu xejn. Ir-reżistenza tal-kliem biss, kliem vojt.
Tip ieħor ta’ reżistenza hu dak tal-‘ġustifikazzjoni’ – persuna li ssib skuża għal kollox, dejjem hemm raġuni għal dak li nagħmlu. Din hi sitwazzjoni li fiha m’hemmx il-fwieħa ta’ Alla, qal il-Papa, imma r-riħa tinten tax-xitan. In-Nisrani m’għandux għalfejn jiġġustifika ruħu għax diġà kien ġustifikat mill-kelma t’Alla.
Hemm imbagħad ir-reżistenza tal-‘akkużi’, meta nakkużaw lil ħaddieħor biex ma nħarsux sew lejna nfusna. Naħsbu li m’għandniex għalfejn nikkonvertu u b’hekk nirreżistu l-grazzja, kif naraw fil-parabbola tal-Fariżew u l-pubblikan.
Ir-reżistenza tinsab fina, fi qlubna kuljum. Ir-reżistenza tista’ tkun sinjal tajjeb għax turina li l-Mulej qed jaħdem fina. Għalhekk irridu nċedu, ħalli l-grazzja taħdem fina. Infatti r-reżistenza dejjem tipprova tinħeba wara kliem vojt, ta’ ġustifikazzjoni jew ta’ akkuża, biex ma tħallix lill-Mulej imexxina, għax hemm xi salib.
Kull fejn hemm il-Mulej, issokta l-Papa, hemm is-salib. Għalhekk kull meta nħossu fina r-reżistenza m’għandniex nibżgħu imma għandna nitolbu lill-Mulej itina l-għajnuna u nistqarru li aħna midinbin.
Jien ma ngħidilkomx biex ma tħossux xi ftit tal-biża’ meta tindunaw li qed toffru reżistenza, temm l-omelija l-Papa, imma għandna ngħidu ċar lill-Mulej: ‘Ara, qed nipprova ninħeba biex ma nħallix kelmtek tidħol fija, għinni. Il-grazzja tiegħek tgħinni negħleb id-dnub,’ li hu dejjem frott tad-dnub oriġinali li lkoll inġorru fina.
Hu normali li nħossu fina r-reżistenza imma għandna dejjem nitolbu hekk: ‘Mulej għinni għax jiena midneb.’ Ejjew inħejju ruħna għall-Milied b’din ir-riflessjoni.
Ħajr lill-Kamra tal-Aħbarijiet ta’ Radju Marija