Dik\dak biss isemmuli!


Patri Mario Attard OFM Cap

Fil-ħajja kulħadd ikollu t-tlajja’ u l-inżul tiegħu. Kulħadd jiżbalja. L-għaliex kulħadd, hu min hu u hi min hi, jibqa’ u tibqa’ bniedem. Bniedma. Mela ejja ma nkabbarx id-difetti jew l-iżbalji ta’ ħaddieħor jekk ma rridx li l-Mulej, ta’ Alla ġust li hu, malajr jippermetti li d-difett tiegħi, li jien nikkunsidrah b’tibna, malajr jaf iġibu jidher muntanja!

Ħafna huma dawk li bihom il-Mulej jagħmel ħafna ġid. Ġeneralment dawn huma nies li jafu jkunu magħrufa. Inkella midfuna fis-skiet u l-ġabra. Ħaġa waħda hija mportanti: ilkoll għandhom bażi waħda: is-sempliċità u l-umiltà. U tifimha. Għax il-Mulej x’jista’ jagħmel b’qalb imkabbra u mxammra? X’jista’ jagħmel b’qalb li tikkategorizza lin-nies? Li tikkundanna bla ħniena ta’ xejn? Proprju … xejn!

Dawn in-nies li, għall-Mulej, huma tant għeżież, huma nies li jegħrqu l-għaraq fil-ħajja. Huma nies li jitħabtu kemm jifilħu. Fis-skiet. Fejn ma jarahom ħadd. Għalkemm, fil-moħbi, huma dejjem għandhom fuqhom l-għajnejn tal-Mulej. Dawn huma nies li ma jgħidux le. Akkost li jissagrifikaw saħħithom. Għalhekk, kontra l-political correctness ta’ wħud, dawn dejjem ħatja. L-għaliex il-kelma “le” ma jafu jgħiduha qatt. Iżda, għall-grazzja t’Alla, hemm xi ħadd li jmur lil hinn mill-moħħ kburi uman. Hemm xi ħadd li l-ġudizzju tiegħu huwa finali. Huwa l-ġudizzju li fuqu jiddependi d-destin dejjiemi tiegħi u tiegħek, ta’ bnedmin. Hemm xi ħadd li l-ġudizzju tiegħu ma jitbiddel qatt. L-għaliex huwa msejjes fuq is-sewwa.

Ġieli, wħud minn dawn il-persuni, ħabtu se jaqtgħu qalbhom. L-għaliex xi ħadd, biex jaqtagħlhom qalbhom, weħel ma xi żball li wettqu. U, dak li jkun, baqa’ jħuf u jdur mal-iżball. Baqa’ jkabbarhulhom sal-punt li jġalgħhom jaqtgħu qalbhom. Din hija tattika ta’ għadu ferm antik tagħna l-bnedmin. Din hija t-tattika ta’ dak li, il-Bibbja, tfissru bħala “dak li jixli ‘l ħutna, li lejl u nhar jixlihom quddiem Alla tagħna” (Apk 12:10). Dak ix-xellej, l-akkużatur, jixlihom fuq il-verità u mhux verità. Fuq il-verità tan-nuqqas. Kollox sew. Iżda, dan ix-xi ħadd, li l-Kelma ta’ Alla issejjaħlu ċar u tond “id-Dragun il-kbir, is-Serp tal-qedem, li hu msejjaħ id-Demonju u x-Xitan, il-qarrieq tad-dinja kollha” (Apk 12:9), x’jagħmel? Ineffaħ. Ħa jnassas kemm jiflaħ. U jneffaħ sal-punt li, bil-qerq kollu tiegħu, jipprova jwaqqa’ l-fiduċja fit-tali u fit-talija. U fit-talin.

Li kieku kulħadd jieħu l-attitudni qarrieqa tiegħu u, jiffoka fuqha biss, allura jkollna raġun nilmentaw kemm il-ħajja saret diffiċli. Iebsa. Bla sens. Mimlija toqol. Bla ferħ. Insomma, ħajja iddisprata! Kif nista’ ngħix fil-paċi meta nibda’ nara lil kulħadd ħażin? Meta, fil-paġni tal-ktieb ta’ ħajti, jiena nimliehom b’litanija ta’ nies li għandi nwarrab? Għax dak hekk! U l-oħra hekk! Tgħid għalhekk li, meta nersaq lejn in-nies, ikun hemm min iħossni diffiċli? Iħossni iva bħal balla’ fuq l-istonku tiegħu u tagħha? X’nippretendi jekk moħħi u qalbi huma mħassra b’tant paġni mimlija b’nies li jiena warrabt u qaċċatt minn ħajti? Nies li m’għandix inkellem? Qishom ma jeżiżtux? Anki jekk jaħbtu ma’ wiċċi? U jiġu lampa stampa miegħi? Għalfejn nagħmilha li ma jeżiżtux? Għalfejn lanqas nindenja ruħi nħares lejhom? Jiena bniedem u bniedem jew sirt mostru?

Il-ħajja nagħmluha festa jew funeral aħna. Bil-mod ta’ kif nittrattaw ma’ xulxin. Jekk m’aħniex se napprezzaw it-tajjeb li jagħmel ħaddieħor, minkejja d-dgħjufijiet tiegħu, u se nkomplu neħlu fuq żball li għamel dak, dik jew dawk, allura se jkollna ħajja tal-iskossi. Fil-mument li nibdew induqu l-ferħ tagħha ikun, sewwasew, il-mument li noqtlu l-ferħ kollu li jibda’ jinbet fiha. M’aħniex nindunaw li, f’dan il-ġudizzju kollu, hemm l-id tal-qarrieq li ma jridniex inkunu ferħanin? L-għaliex iridna bħalu, telliefa u ndannati?
Le! Millum ‘il hemm irrid insemmilek il-ġid li tagħmel. Mhux biex inwarrab id-difetti tiegħek. Iżda biex tagħmel kuraġġ ħa tissokta tagħmel il-ġid. U fejn tiżbalja, b’mod ħelu u umli, u mhux umiljanti ħa nċekknek ma’ kulħadd, nurik.

Imbagħad bilfors li taħdem aktar minn qalbek l-għaliex, fil-verità, inkun bżajt għalik.