It-Tnejn 5 ta’ Diċembru 2016. Omelija tal-Papa Franġisku fid-Dar Santa Marta.
Inħallu li Ġesù jibdilna, jaħlaqna mill-ġdid billi jeħlisna minn dnubietna, qal il-Papa Franġisku waqt l-omelija tal-quddiesa li qaddes dalgħodu fil-kappella tad-Dar Santa Marta.
Id-deżert jinfirex, l-għomja jaraw, it-torox jisimgħu. L-ewwel qari tal-quddiesa tal-lum, it-Tnejn 5 ta’ Diċembru, meħud mill-Profeta Iżaija, ikellimna dwar it-tiġdid, beda jgħid il-Papa. Kollox għad jinbidel, minn ikrah isir sabiħ, minn ħażin isir tajjeb. Tibdil għall-aħjar. Il-poplu ta’ Iżrael dan kien qed jistenna mill-Messija.
Fil-Vanġelu naqraw li Ġesù kien ifejjaq: kien juri lin-nies it-triq tal-bidla, u kien għalhekk li l-folla kienet tmur warajh. Ma kinux imorru warajh, osserva l-Papa, għax kien attwali, imma għax il-messaġġ tiegħu kien jolqot il-qalb. Il-poplu kien jara lil Ġesù jfejjaq u kien imur warajh għalhekk ukoll.
Imma dak li kien jagħmel Ġesù ma kienx bidla mill-ikrah għas-sabiħ, mill-ħażin għat-tajjeb; Ġesù għamel trasformazzjoni. Din ma kinitx problema ta’ ‘make-up’, għax fil-fatt Hu bidel kollox minn ġewwa. Bidel għax ħalaq mill-ġdid: Alla kien ħalaq id-dinja, il-bniedem waqa’ fid-dnub, ġie Ġesù biex jerġa’ jaħlaq id-dinja.
Dan hu l-messaġġ ċar tal-Vanġelu: qabel ma jfejjaq lill-bniedem, Ġesù jaħfirlu dnubietu. Lill-bniedem joħolqu mill-ġdid u minn midneb jagħmlu bniedem ġust. Iġeddu mill-qiegħ. U dan kien skandlu!
Kien għalhekk li d-Dutturi tal-Liġi bdew jiddiskutu bejniethom, igemgmu, għax ma setgħux jaċċettaw l-awtorità tiegħu. Ġesù jibdilna u minn midinbin jagħmilna bnedmin ġodda.
Hekk fehmet il-Madalena, li kienet persuna f’saħħitha imma kellha ġerħa ġo fiha: kienet midinba. Hi fehmet li dak ir-raġel seta’ jfejjaq, mhux il-ġisem, imma l-ġerħa tar-ruħ. Seta’ joħloqha mill-ġdid. Għal dan hemm bżonn ta’ ħafna fidi.
Il-Mulej jgħinna biex inħejju ruħna għall-Milied b’fidi kbira, għax biex ruħna titfejjaq u tkun lesta għall-fejqan eżistenzjali li jġibilna Ġesù, hemm bżonn li jkollna fidi kbira.
Hemm bżonn ukoll li negħelbu t-tentazzjoni li naqtgħu qalbna, imma minflok inħallu lilu jittrasformana. Il-kelma ta’ Alla hi: ‘kuraġġ’.
Ilkoll kemm aħna midinbin, imma Hu jħares lejn l-għeruq tad-dnub tiegħek u joħolqok mill-ġdid. B’hekk dak l-għerq morr iwarrad, iwarrad bl-opri tal-ġustizzja, u int issir bniedem ġdid.
Imma jekk aħna noqogħdu nittitubaw…. immorru nqerru u kollox jibqa’ kif kien qabel, ma nkunux qed inħallu lill-Mulej jibdilna. Inkun tajt lagħqa żebgħa u naħseb li b’daqshekk temmejt l-istorja!
Le. Dnubieti nistqarrhom sewwa u nħoss mistħija f’qalbi. Niftaħ qalbi: ‘Mulej, int il-Mulej waħdieni tiegħi. Oħloqni mill-ġdid, oħloqni mill-ġdid!’ B’hekk insibu fina l-kuraġġ tal-fidi vera li tmexxina lejn il-Milied….
Għax aħna dejjem nippruvaw innaqqsu l-gravità ta’ dnubietna bħal meta nippruvaw niġġustifikaw l-għira, li hi ħaġa kerha ħafna. Hi bħall-velenu tas-serpent, li jeqred.
Il-Papa għalhekk ħeġġiġna biex nidħlu fil-fond tad-dnubiet tagħna u ntuhom lill-Mulej biex iħassarhomlna u jgħinna nibqgħu mexjin ‘il quddiem bil-fidi.
Il-Papa semma eżempju ta’ qaddis, studjuż tal-Bibbja, li kellu karattru qawwi u malajr jisbel, imma kien jitlob maħfra lill-Mulej u jagħmel ħafna penitenza u sagrifiċċji.
Meta kien jitkellem mal-Mulej, kien jgħidlu: ‘Tajtek kollox. Tajjeb?’ Le. Jonqos xi ħaġa: għadek ma tajtnix dnubietek, tihomli.
Dan qed jitlob minna llum il-Mulej: il-kuraġġ. Qed jgħidilna: ‘Tini dnubietek u jien nagħmlek bniedem ġdid.’ Jalla l-Mulej itina biżżejjed fidi biex dan nemmnuh, temm il-Papa.
Ħajr lill-Kamra tal-Aħbarijiet ta’ Radju Marija