Home > Il-Papa Franġisku minn Dar Santa Marta > Min jaf x’inhi t-tenerezza ta’ Alla, jaf id-duttrina Nisranija

Min jaf x’inhi t-tenerezza ta’ Alla, jaf id-duttrina Nisranija


It-Tlieta 6 ta’ Diċembru 2016. Omelija tal-Papa Franġisku fid-Dar Santa Marta.

L-omelija li għamel dalgħodu l-Papa Franġisku fil-kappella tad-Dar Santa Marta, kienet dwar il-parabbola tan-nagħġa l-mitlufa li tfisser il-ferħ u l-faraġ li jtina l-Mulej li qatt ma jehda jfittixna.

 

Hu jiġi bħala mħallef, qal Franġisku, imma mħallef li jmelles, imħallef mimli tenerezza.

Ma jiġix biex jikkundanna imma biex isalva; ifittex lil kull wieħed u waħda minna, iħobbna personalment, mhux bħala numru f’massa ta’ nies bla wiċċ, imma jħobbna kif aħna, b’isimna.

In-nagħġa l-mitlufa ma ntilfitx għax ma kellhiex boxxla f’idejha. Kienet tafha tajjeb it-triq. Intilfet għax qalbha kienet marida, mogħmija minn ‘firda interjuri’, u ħarbet mill-Mulej biex tpaxxi d-dlam li kellha ġewwa fiha li ġiegħelha tgħix ħajja doppja: ħajja li, filwaqt li tkun fil-merħla, taħrab lejn id-dlam.

Il-Mulej jafhom dawn l-affarijiet u jmur ifittixha. Il-persuna li tgħinni nifhem aktar l-atteġġjament tal-Mulej man-nagħġa l-mitlufa hu l-mod kif iġib ruħu Ġesù ma’ Ġuda.

In-nagħġa l-mitlufa l-aktar perfetta fil-Vanġelu hi Ġuda: bniedem li dejjem kien iġorr il-morr f’qalbu, dejjem kellu xi ħaġa x’jikkritika fl-oħrajn, dejjem distakkat. U allura, minħabba li din in-nagħġa qatt ma kienet sodisfatta….. Ġuda qatt ma kien iħossu sodisfatt – kien jaħrab.

Kien jaħrab għax kien ħalliel, kompla l-Papa, dak kien l-iżball tiegħu….. oħrajn huma żienja…. Hi dik il-ħajja doppja ta’ tant Insara, li b’niket ta’ qalb jgħoddu fosthom anke isqfijiet u saċerdoti….. U Ġuda kien isqof, kien wieħed mill-ewwel isqfijiet, mhux hekk? In-nagħġa l-mitlufa, miskin!

Miskin dan ħuna Ġuda, kif kien isejjaħlu Don Mazzolari, f’dik il-prietka tant sabiħa: ‘Ħija Ġuda, x’qed jiġri f’qalbek?’

Lin-nagħaġ miltufa aħna rridu nifhmuhom. Aħna wkoll dejjem għandna xi biċċa żgħira jew kbira minn dan-nagħaġ mitlufin.

Dak li tagħmel in-nagħġa l-mitlufa, spjega l-Papa, mhux tant żball daqskemm marda fil-qalb li tkun sfruttata mix-xitan. B’hekk, Ġuda, b’qalbu mifruda, distakkat, hu l-ikona tan-nagħġa l-mitlufa, li r-ragħaj imur ifittixha.

Imma Ġuda ma jifhimx, u wara li ra dak li ġabet fis-soċjetà dik il-ħajja doppja tiegħu – il-ħażen li kien żera’ bid-dlam li kellu ġewwa fih, li kien iġiegħlu jaħrab dejjem, ifittex dwal li ma kinux id-dawl tal-Mulej imma dawl bħalma jkun it-tiżjin tal-Milied, dawl artifiċjali – iddispra.

Hemm kelma fil-Bibbja, kompla l-Papa, …. Il-Mulej hu tajjeb anke ma’ dawn in-nagħaġ, qatt ma jehda jfittixhom. Hemm kelma li tgħid li Ġuda tgħallaq imma nidem. Jien nemmen li l-Mulej jagħmel tiegħu din il-kelma, jeħodha miegħu. Jista’ jkun, ma nafx, imma dik il-kelma ġġiegħelna niddubitaw.

Imma xi tfisser dik il-kelma? Tfisser li, fl-aħħar mill-aħħar, l-imħabba t’Alla kienet qed taħdem f’dik il-qalb, sal-waqt tad-disperazzjoni. U dan hu l-atteġġjament tar-ragħaj it-tajjeb man-nagħaġ mitlufa.

Din hi t-tħabbira, l-aħbar sabiħa li twassalna lejn il-Milied, li titlob minna dan il-ferħ sinċier illi jibdel il-qalb, li bih inħallu lill-Mulej ifarraġna. Dan hu l-ferħ, u mhux il-faraġ li mmorru nfittxu biex nisfugaw, biex naħarbu mir-realtà, biex naħarbu mit-turment interjuri, mill-‘firda’ li nħossu f’qalbna.

Meta jsib in-nagħġa l-mitlufa, Ġesù ma jibdiex jinsulentaha anke jekk tkun offendietu ħafna. Fil-ġnien taż-żebbuġ, lil Ġuda jsejjaħlu ‘ħabib’. Dan hu t-tmellis ta’ Alla.

Min ma jagħrafx it-tmellis ta’ Alla ma jafx id-duttrina Nisranija!, issokta l-Papa Franġisku. Min ma jħallix lill-Mulej imellsu, hu mitluf!

Din hi l-aħbar it-tajba, dan hu l-ferħ sinċier li rridu aħna llum. Din hi l-hena, dan
hu l-faraġ li qed infittxu: li l-Mulej jiġi bil-qawwa tiegħu li huma l-karezzi, jiġi jfittixna bħal nagħaġ mitlufa u jreġġagħna lura lejn il-merħla tal-Knisja tiegħu.

Jalla l-Mulej itina din il-grazzja, li nistennew il-Milied bil-ġrieħi tagħna, bi dnubietna, nistennew il-qawwa ta’ dan Alla li jiġi biex ifarraġna, li jiġi bil-qawwa imma l-qawwa tiegħu hi t-tenerezza, it-tmellis li jinbet minn qalbu, qalb ta’ tjubija liema bħalha, tant li Hu ta ħajtu għalina, temm il-Papa.

Ħajr lill-Kamra tal-Aħbarijiet ta’ Radju Marija

  1. No comments yet.
  1. No trackbacks yet.

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out / Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out / Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out / Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out / Change )

Connecting to %s

%d bloggers like this: