Il bello della diretta


Patri Mario Attard OFM Cap

Mhux l-ewwel darba li nkun mistieden fuq it-televiżjoni, fil-programm li jippreżenta b’tant majestrija Karl Bonaċi, F’Living Show. Il-programm ikun fuq Favourite Channel.

Flimkien ma’ Karl inkun hemm ukoll Natius Farruġia, is-Sindku taż-Żurrieq. Waqt it-taħdita li jkollna, ta’ tlett iħbieb li aħna, xi ħaġa li tassew tolqotni f’dan il-program televiżiv, mill-poplu għall-poplu, hija frażi Taljana li tant naraha tispikka fih: Il bello della diretta. Jew aħjar, is-sabiħ tad-diretta. Biex inkun eżatt din il-frażi tfakkarni f’dak il-programm televiżiv Taljan li kien beda nhar it-13 ta’ Marzu 1986, sewwa sew kull nhar ta’ Ħamis fil-għaxija. Dan il-programm kien sar fuq medda ta’12-il ġimgħa. U kien imexxi minn Loretta Goggi, taħt it-tmexxija ta’ Gianni Brezza. Loretta kienet il-protagonista ta’ dan il-programm. Kienet tkanta, tiżfen u timita. Dan kienet tagħmlu ukoll flimkien ma’ tmien atturi oħra li kienu Marina Bellini, Rosalba Bongiovanni, Laura D’Angelo, Germana Pasquero, Mario Brusa, Franco Chirico, Mario Marchetti, Santo Versace u Alessandro Bergonzoni. Kienet l-għaxqa ta’ Loretta Goggi li iddaħħal il-pubbliku preżenti għall-programm permezz ta’ logħob u żfin komuni. Dan biex ma nsemmix ir-rokna tad-diskussjoni li kien imexxi l-ġurnalista Alessandro Cecchi Paone. Tiftakruh il-quiz psikoloġiku li kien iħejji għall-pubbliku? Insomma, taħlita sabiħa tar-rejaltà bejn ħsieb, logħob u divertiment. Dejjem all’italiana!

Din il-frażi li tisraqlek l-attenzjoni, il bello della diretta, ġagħlitni nfittex aktar fil-fond dwarha. U fl-aħħar, wara ħafna tiftix, seħħli, bl-għajnuna tal-Mulej, insib dan li ġej: “Għalija li naf li ma nafux u li qatt mhu ħa nkunu nafu dak li se jseħħ sekonda oħra hu il bello della diretta. Jista’ jseħħ minn kollox. Mit-tajjeb għall-ħażin. Telefonata mhux mistennija, email tant mistennija, ħabta, fuq ir-radju jdoqqu dik il-kanzunetta li iġġiegħel il-qalb tħabbat sitta sitta, iddur il-kantuniera u tiltaqa’ mar-raġel jew il-mara ta’ ħajtek mingħajr ma kont tobsor f’seba’ mitt sena, inkella xi żelqa tajba”. U tant u tant ħwejjeġ oħra!

Tissokta l-kitba: “U dan kollu ma jistax u qatt ma jista’ ikun ipprogrammat. Hekk hu. L-impossibiltà li tipprogramma dejjem u kollox għandha s-sbuħija tagħha. U, probabbilment, hu, sewwasew, fis-sbuħija ta’ dak li ma tkunx qed tistenna li qiegħed il bello della diretta”.

M’għandi xejn kontra x-xjenza. Anzi! Għandna bżonnha. U nagħmlu ħażin ħafna jekk ma nagħtuhiex l-importanza tagħha. Iżda l-ħajja ma nistgħux le ngħixuha b’mod xjentifiku. B’dak il-mod rigoruż li naqta’ line u ma nafda lil ħadd. Li l-ieħor bilfors huwa ħażin. Dejjem ħażin. U jien, bil-kunfużjoni li hemm fija, (tant li dak li naħseb infattru li hu veru meta ma jkunx), dak li ngħid jien hu vanġelu. Kanal dirett minn fuq għall-isfel. Għidli int ħabib min fil-fatt hu ferħan fil-ħajja?Min jara lilu nnifsu d-depożitarju tal-verità? Min jaħseb li hu biss tajjeb? Min, jekk tistaqsieh qattx żbaljax fil-ħajja jibda’ ilaqlagħlek? Daqskemm hu tajjeb? U tajba? Jew min, minkejja li żbalja, ħafer lilu nnifsu? U talab maħfra? Min l-iżbalji tiegħu ammettihom? U illum, meta tarah jew taraha, dejjem jitbissmu? L-għaliex ferħanin?

Min hu insigur u insigura fih innifsu u fiha innfisha, qatt ma jistgħu jaraw is-sabiħ u s-sbuħija tal-ħajja. Qatt ma jħallu lilhom infushom jiġu sorpriżi bil-ħajja. L-għaliex rashom kibritilhom. Saru jifhmu f’kollox. U int, fil-preżenza tagħhom, tħossok taqla’ x-xebgħat. Għaliex idaħħluk f’kumpless ta’ ħtija. Li int għandek it-tort u mhux huma. L-immakulati!

U le ħbieb! Ejjew nibqgħu sempliċi! U nifirħu b’kollox! Mingħajr ħafna analiżi tal-iskulari. Jew suspetti. Wara kollox x’kontroll jista’ ikollna aħna? Li, issa hawn u mbagħad fir-Resuscitation Unit ta’ Mater Dei l-għaliex qalbi waqfet tħabbat.
Ejja nifraħ bil-mument mhux mistenni ta’ issa. U nilqgħu għal dak li hu. Għax fih hemm maħżun l-aqwa teżor, l-INT etern. Il-Mulej! Dan hu li nippruvaw nagħmlu Karl, Natius u jien. Fiċ-ċokon tagħna. Imma b’ħafna mħabba u minn qalbna. Meta nkunu fuq F’Living Show. Mela nistiednuk, flimkien mat-telespettaturi tagħna, biex iva, tkun magħna. Ħa tkun bħalna. Jew aħjar, BĦALU!

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s

This site uses Akismet to reduce spam. Learn how your comment data is processed.