Home > Il-Papa Franġisku minn Dar Santa Marta > Ir-riġidità u l-mondanità huma d-diżastru tas-saċerdoti

Ir-riġidità u l-mondanità huma d-diżastru tas-saċerdoti


Il-Ġimgħa 9 ta’ Diċembru 2016. Omelija tal-Papa Franġisku fid-Dar Santa Marta.

Fl-omelija li għamel dalgħodu fil-kappella tad-Dar Santa Marta, il-Papa kien imnebbaħ minn kliem Ġesù kif naqraw fil-Vanġelu tal-ġurnata: in-nies qatt m’huma kuntenti.

 

Illum ukoll, saħaq Franġisku, għandna Nsara li mhumiex kuntenti, li ma jistgħux jifhmu dak li għallimna l-Mulej. Fost dawn hemm xi saċerdoti li l-eżempju tagħhom jagħmel tant ħsara għax il-loġika tagħhom hi bogħod minn dik ta’ Ġesù u għalhekk dejjem jilmentaw u jgħixu dejjem bil-geddum.

Il-loġika ta’ Ġesù għandha tagħti sodisfazzjon sħiħ lis-saċerdot. Hija l-loġika tal-medjatur għax Ġesù hu l-medjatur bejnna u bejn Alla. Aħna m’għandniex inkunu sensala li jagħmlu xogħolhom u jitħallsu tiegħu. Il-medjatur hu xi ħaġa oħra.
Il-medjatur, issokta l-Papa, jitlef lilu nnifsu, jagħti parti minn ħajtu. Dak hu l-prezz, ħajtu stess: l-għeja li jkollu, l-impenn biex jgħaqqad il-merħla tiegħu u jressaqha lejn Ġesù.

Il-loġika ta’ Ġesù bħala medjatur hi li jxejjen lilu nnifsu. Fl-ittra lill-Filippin, San Pawl hu ċar ħafna dwar dan: ‘Sar xejn, tneżża’ minn kollox,’ u biex jagħmel dan spiċċa mejjet fuq is-Salib. Din hi l-loġika, li wieħed isir xejn.

Is-saċerdot awtentiku hu medjatur qrib ħafna tal-poplu tiegħu, iħammeġ idejh fost ir-realtajiet tal-ħajja. Għalhekk, issokta l-Papa, meta saċerdot jinbidel, u minflok medjatur isir sensal, ma jibqax hieni, ikun dejjem bil-buli, u biex isib ftit sodisfazzjon jipprova jidher u jimponi l-awtorità tiegħu.

Lin-nies ta’ żmienu, Ġesù kien jgħidilhom li huma jieħdu gost jippassiġġaw fil-pjazez biex jidhru u biex jammirawhom. Allura, biex iħossu ruħhom importanti, xi saċerdoti jsiru iebsin, riġidi, jitbiegħdu min-nies, jinsew it-tbatija umana, jinsew dak li jkunu tgħallmu fi ħdan il-familja, u jgħabbu lill-fidili bi ħwejjeġ li huma ma jridux iġorruhom, billi jiddettaw: dik m’għandhiex issir, l-oħra mhux sewwa. U l-bosta nies li jersqu lejhom biex isibu ftit faraġ, min jifhimhom, ikeċċuhom b’din ir-riġidità tagħhom.

Però, kompla jgħid Franġisku, ir-riġidità ma tistax tkampa u dawn is-saċerdoti minn ġewwa jkunu diżastru għax ma’ dir-riġidità jaqgħu wkoll fil-mondanità. B’hekk qatt m’huma sodisfatti għax għażlu t-triq żbaljata.

Hawnhekk il-Papa rrakkonta storja li qallu monsinjur tal-Kurja Rumana. Dan kien mar jixtri żewġ qomos u fil-ħanut ra wieħed żagħżugħ, jew saċerdot żgħir jew seminarista, jiddandan quddiem mera. Dal-monsinjur ikkummenta: imbagħad jgħidu li l-Knisja ma tippermettix is-saċerdozju tan-nisa! B’dawn l-atteġġjamenti l-ħidma tas-saċerdot taqa’ fir-redikolu, osserva Franġisku. Meta tagħmlu l-eżami tal-kuxjenza, widdeb il-Papa, staqsu lilkom infuskom jekk kontux medjaturi jew sensala.

Xi ħadd darba qal lill-Papa li lis-saċerdot jiġġudikah skont kif jarah iġib ruħu mat-tfal, jafx jinżel għal-livell tagħhom. Hija interessanti, osserva l-Qdusija Tiegħu, għax saċerdot bħal dan jaf jitbaxxa u jersaq lejn l-affarijiet żgħar. Filwaqt li s-sensal dejjem wiċċu mqarras, il-medjatur dejjem bit-tbissima, miftuħ għall-oħrajn.

Lejn tmiem l-omelija l-Papa ppropona tliet saċerdoti bħala mudell ta’ medjaturi: lil Polikarpju, li ma għamilx kompromessi mal-vokazzjoni tiegħu; lil San Franġisk Saverju, li miet f’età żgħira hu u jħares lejn iċ-Ċina fejn xtaq imur missjunarju, u lil San Pawl li, minkejja li kien jaf li xi wħud mill-komunità Nisranija kienu ttradewh, baqa’ jissielet, tant li offra ħajtu lill-Mulej bħala sagrifiċċju.

Dawn it-tliet ikoni, temm jgħid il-Papa, jistgħu jgħinuna. Inħarsu lejhom u nistaqsu lilna nfusna: kif irrid intemm ħajti bħala saċerdot, bħala sensal jew bħala medjatur, jiġifieri mgħobbi bis-salib?

Ħajr lill-Kamra tal-Aħbarijiet ta’ Radju Marija.

  1. No comments yet.
  1. No trackbacks yet.

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out / Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out / Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out / Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out / Change )

Connecting to %s

%d bloggers like this: