L-Arċisqof jiċċelebra Quddiesa mal-familji, fil-Konkatidral ta’ San Ġwann


Is‑Sibt 10 ta’ Diċembru 2016: L-Arċisqof Charles J. Scicluna ċċelebra Quddiesa għall‑familji, organizzata mill‑Moviment ta’ Kana u l‑GRUFAN, fil‑Konkatidral ta’ San Ġwann, il‑Belt Valletta.

Omelija tal-Arċisqof Charles J. Scicluna
Konkatidral ta’ San Ġwann, il-Belt Valletta

Ġesù jgħaddi mill-ewwel għall-fatti. Ġwanni li qiegħed fil-ħabs mudlam, qiegħed hemmhekk minħabba r-rabja kbira ta’ Erodijade għaliex kien wissieha li ma setatx tkun il-mara ta’ Erodi għax kienet il-mara ta’ ħuh Filippu. Qiegħed il-ħabs għaliex qiegħed jiddefendi d-dinjità taż-żwieġ. Aħna ħafna drabi ninsew dan il-fatt li Ġwanni l-Battista, li għalih huwa ddedikat dan il-Konkatidral, huwa martri tad-dinjità taż-żwieġ. Hu diġa beda l-martirju tiegħu għax il-ħabs dak iż-żmien ma kienx ċajta, ma kinetx l-idea li min imur il-ħabs biex ikollu esperjenza korrettiva, imma kien il-ħabs tat-tirann.

Mill-ħabs Ġwanni ma setax jitkellem imma seta’ jisma’. “Semgħa bl-għemejjel tal-Messija”, jgħid San Mattew fil-Kapitlu 11, “u jibgħat tnejn” qishom ambaxxaturi, biex jiltaqgħu ma’ Ġesù . ‘Inti huwa dak li għandu jiġi jew nistennew lil ħaddieħor?’ U Ġesù jwieġeb hekk: ‘Morru agħtu lil Ġwanni l-aħbar ta’ dak li qegħdin tisimgħu u taraw’, ta’ dak li qed ngħid u ta’ dak li qed nagħmel. L-għomja jaraw, iz-zopop jimxu, il-lebbrużi jfiqu, it-torox jisimgħu, il-mejtin iqumu, l-Evanġelju jixxandar lill-foqra. Ħieni hu min ma jitfixkilx minħabba fija’” (Mt 11, 2-6). Dawn il-kliem huma kliem attwali. Il-Mulej stess jifhem li l-kliem u l-ġesti tiegħu jistgħu ifixklu, jiskandalizzaw. Il-fatt li kien jagħmilha b’faċilità kbira mal-pubblikani u mal-midinbin. Hu stess jirrimarka dwar id-differenza bejnu u bejn Ġwanni meta jgħid: “ġie Ġwanni, la jiekol u lanqas jixrob u qalu li għandu xitan. Ġie Bin il-bniedem jiekol u jixrob u qalu dan jagħmilha mal-pubblikani u l-midinbin” (ara Mt 11, 18-19).

Ir-riflessjoni ta’ Ġesù hija: “l-għerf ta’ Alla xehdu għalih l-għemejjel”, mhux il-paroli, l-għemejjel! Aħna, bħala Knisja, inutli niftħu ħalqna jekk l-għemejjel, jekk ix-xhieda tagħna, ma tikkonfermax dak li nkunu qegħdin ngħidu. Tgħiduli: ‘imma ħafna drabi imma aħna niżolqu fin-niexef, aħna midinbin. Kultant l-għemil tagħna ma jkunx safi, jew ma jkunx radikali daqskemm jixtiequ l-Mulej. M’għandniex naqtgħu qalbna għaliex dak li l-Mulej jixtieq jagħmel permezz tagħna, jagħmlu magħna wkoll.

Kemm-il darba aħna fil-familja tagħna sitwazzjoni ma jirnexxilnix narawha kif jaraha Alla? Il-fatt li per eżempju tħares lejn uliedek u tgħid: ‘imma jien hekk rabbejthom dawn?’ Imma jien hekk ridthom dawn?”. U l-Mulej jagħtik id-dawl biex tarahom kif jarahom hu. “L-għomja jaraw”.

Kultant inkunu mexjin flimkien fil-ħajja ta’ koppja – intom mhux jien, għax jien m’għandix partner – tkunu mexjin fil-ħajja ta’ koppja u ngħotru fit-triq, ngħejjew, donnu rridu nsibu xi exit biex noħorġu, inqattgħu l-karti. Ġesù jgħid “iz-zopop jimxu”, jimxu bl-għajnuna tiegħu u tas-sagramenti u ta’ counsellors bil-għaqal, tkunu tistgħu tkomplu timxu.

Tgħiduli imma allura kif se tapplika “l-lebbrużi jfiequ?” L-aħwa, ejjew nkunu umli biżżejjed biex nammettu li kultant nitrattaw lil xi wħud minna qishom għandhom, Alla ħares qatt, il-lebbra. “Dawk stednuna! U ħallik minnek, għidlu li għandna x’nagħmlu, ma tarax?”. Insiru untouchables. “M’għandix ħin”. “Inċemplilha? Ħa ċċempel hi l-ewwel”. Dan diskors ta’ kuljum. Ma jkollniex il-lebbra imma nitrattaw lil xulxin ta’ lebbrużi. Qed ngħid jien mhux bilfors fil-ħajja tal-koppji, kultant ukoll dik. Nikkomunikaw bl-SMS’s; qabel kien hawn l-isticky notes, le? Illum hawn l-SMS’s. “Ibagħtlu email, lir-raġel!” Qisu għandu l-lebbra jew qisha l-mara għandha l-lebbra. “Il-lebbrużi jfiequ”.

“It-torox jisimgħu”. Tifmuha mill-ewwel kemm hi attwali, għax aħna nisimgħu. Anke min għandu l-batterija baxxa llum hawn rimedji. Imma l-ikbar trux min ma jridx jisma’. Kultant fil-ħajja tal-koppja l-ikbar problema tkun in-nuqqas ta’ komunikazzjoni u n-nuqqas ta’ ħila li nisimgħu lil xulxin; kulħadd għandu xi jgħid imma ħadd m’għandu l-ħin jisma’.

“Il-mejtin iqumu”. Dik għandha ħafna interpretazzjoni fuq ħafna livelli. Għal ċerti sitwazzjonijiet hawn il-mediċini wkoll, imma “il-mejtin iqumu”. Hemm il-mewt anke tal-ħajja morali, tad-dnub. Hemm il-mewt ta’ min qisu għalina ma jeżistix. Ulied li ilhom ma jaraw lill-ġenituri tagħhom, qishom diġà mietu għalihom. Jew ġenituri li jirrifjutaw jilqgħu lil uliedhom id-dar għal xi raġuni, imqar ġlieda bejn l-aħwa, qisu mejjet, qisu miet, m’għadux jeżisti. Il-Mulej, bil-paċenzja jpoġġi fil-qalb tal-omm u tal-missier, bil-grazzja li jagħti fil-qalb tal-ulied, jerġa’ jagħti l-ħajja fejn dak li jkun kien qisu mejjet.

Fuq kollox “l-Evanġelju, l-aħbar it-tajba, jixxandar lill-foqra”. Aħna lkoll ngħaddu minn mumenti ta’ faqar spiritwali. “L-Evanġelju jixxandar lill-foqra” jiġifieri lil dawk li qalbhom għad baqalha spazju għal Alla, għall-qalb li kif għallimna San Ġorġ Preca lil Alla tgħidlu: “Sinjur Alla, jiena għandi bżonnok”. Dak huwa l-faqar li jagħti d-dinjità lill-bniedem. ‘Sinjur Alla għandi bżonnok biex tgħajjixni, għandi bżonnok biex taħfirli, għandi bżonnok biex tgħini nkun leali u fidil. “L-Evanġelju, l-aħbar it-tajba, jixxandar lill-foqra” lil min għandu bżonn lil Alla. Ħieni min ma jitfixkilx minħabba Ġesù , minħabba l-kelma tal-Knisja li ħafna drabi tiġi kkalunjata, iddisprezzata bħala kelma retrograda, antika jew mhux attwali. Aħna rridu jkollna l-qawwa tal-profeti. Meta telqu ż-żewġ ambaxxaturi li kien bagħat Ġwanni, Ġesù qal: “Xi ħriġtu taraw? Ngħidilkom li dan huwa ikbar mill-profeta” (ara vv. 8-9).

Jiena nissuġġerilkom bil-qawwa – ġibt l-edizzjoni bil-Malti miegħi ħalli tkunu tafu fuq xiex qegħdin nitkellmu – l-Eżortazzjoni Apostolika tal-Papa Franġisku ‘Amoris Laetitia’ ‘Il-Ferħ tal-Imħabba’ trid issib post mhux biss fid-djar tagħkom, għeżież miżżewġin Insara, imma anke fil-qalb ta’ kull wieħed u waħda minnkom, ta’ wliedkom. B’mod speċjali l-kapitlu fejn il-Papa jaqbad l-Innu tal-imħabba ta’ Missierna San Pawl fl-Ewwel Ittra lill-Korintin kapitlu 13 u jispjegah kelma kelma. Dak irid ikun il-kriterju tal-imħabba tagħkom, l-eżami tal-kuxjenza tagħkom. Il-kapitlu wkoll dwar l-ispiritwalità tal-miżżewġijn u tal-familja. Hija spiritwalità ta’ komunjoni u din hija kelma mhix irħisa li żżomm il-komunjoni, mhix xi ħaġa irħisa li trid tħallas il-prezz għaliha. Żgur li “l-ispiritwalità taż-żwieġ, l-ispiritwalità ta’ rabta li fiha tgħammar l-imħabba divina” (A.L. 315), hekk jgħid il-Papa Franġisku. Hu jgħid xi ħaġa oħra wkoll: “Il-waqtiet ta’ ferħ, ta’ mistrieħ, u ta ċelebrazzjoni, u anke s-sesswalità” għax il-Papa kif tafu, m’għandux pudur żejjed, meta qed ikellimkom qed ikellimkom ukoll fuq s-sbuħija tas-sesswalità umana li hija konjugali fis-sinjifkat profond tagħha. Il-Papa jgħid: “il-waqtiet ta’ ferħ, ta’ mistrieħ, ta’ ċelebrazzjoni, anke ta’ sesswalità tgħixuhom bħala sehem fil-ħajja sħiħa tas-salib u l-qawmien tiegħu” (317). Għaliex? Għaliex fil-qawmien tiegħu mill-imwiet, Ġesù wera li hu veru l-għarus rebbiegħ tal-Knisja. Għalhekk l-għaqda tagħkom għamilha Sagrament. L-ispirtwalità hija spiritwalità tal-imħabba esklussiva, tħobb raġel wieħed, tħobb mara waħda, ħielsa minn kull xkiel ta’ din id-dinja, għalkemm aħna dgħajfin. Mhux imħabba li tjassar lill-persuna l-oħra imma tilliberaha, hija spiritwalità tal-għożża, tal-faraġ u li tħeġġeġ.

Aħna u nirringrazzjaw lil Alla għal dan id-don kbir li tana din is-sena permezz tal-Eżortazzjoni Appostolika dwar l-imħabba fil-familja, nitolbu biex il-koppji Nsara Maltin jitħeġġu bil-kelma sabiħa tal-Papa u jafdaw fil-Evanġelju, fil-qawwa tiegħu, fil-ferħ li jagħti, jafdaw f’Ġesù li meta staqsewh: “imma inti min inti?” ma ħariġtx l-identity card imma qalilhom: “l-għomja jaraw, iz-zopop jimxu, il-lebbruzi jfiqu, it-torox jisimgħu, il-mejtin iqumu, l-Evanġelju jixxandar lill-foqra. Ħieni hu min ma jitfixkilx minħabba fija”.

✠ Charles J. Scicluna
Arċisqof ta’ Malta

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

w

Connecting to %s

This site uses Akismet to reduce spam. Learn how your comment data is processed.