X’jismek? X’jisimni?

Print Friendly, PDF & Email

Patri Mario Attard OFM Cap

X’jismek? X’jisimni? Ilkoll għandna isem. Ġieli dan l-isem tawhulna l-għaliex semmewna għat-tali u għat-talija. Inkella l-għaliex raw xi film u ismu għoġobhom. Jaf ukoll ismi jew ismek huwa l-isem magħmul minn nofs isem missieri u minn nofs l-ieħor ta’ isem ommi. Mhux kulħadd kif jaħsbiha?

Bil-mod! Ejja niftakru li l-isem huwa serju. Ħafna aktar milli naħsbu. L-isem jagħti identità lill-persuna. L-isem huwa għajn biex il-persuna li iġġorru magħha jagħtiha ukoll barka. Ma ninsewx li l-Mulej moħħu biex IBIEREK! Il-Mulej qatt ma jisħet. Biss jiġri li jaf ikun hemm ostakoli biex il-barka li jkun irid jagħtina b’saħħa, l-għaliex hu Missierna, ma tkunx tista’ tinżel fuqna.

Il-Kelma ta’ Alla tfakkarna fir-responsabbiltà li l-Mulej tana biex insemmu. U xi nsemmu? L-ewwel nett lill-annimali. “U l-Mulej Alla sawwar mill-art annimali selvaġġi u t-tajr kollu ta’ l-ajru, u ġiebhom quddiem il-bniedem biex jara xi jsemmihom; u skond ma jkun il-bniedem semma lil kull ħliqa ħajja, dak ikun isimha” (Ġen 2:19). Mhux biss imma wkoll lill-bnedmin. Jgħidilna l-istess ktieb li anki l-bniedem għandu r-responsabbiltà li jsemmi bniedem ieħor bħalu. Anki din l-awtorità ġejja direttament mill-Mulej. Fir-rakkonti ta’ Abraham fil-Ġenesi insibu hekk: “U Alla wieġbu: ‘Le! Sara, martek, tilidlek iben u ssemmih Iżakk, u jien nagħmel il-patt tiegħi miegħu għal dejjem, u ma’ nislu warajh’” (Ġen 17:19).

Tajjeb ninnutaw li meta bniedem isemmi bniedem ieħor fl-isem stess li jagħtih ikun hemm involuta l-missjoni tal-persuna li tkun qed iġġib dak l-isem partikulari. Hekk, ngħidu aħna, fl-istorja ta’ Mosè, fil-ktieb tal-Eżodu, nsibu l-missjoni ta’ Mosè li hija mgeżwra f’ismu stess. “Meta t-tifel kiber, ħaditu għand bint il-Fargħun, li kienet tqisu tagħha, u semmietu Mosè, ‘għax,’ qalet, ‘salvajtu mill-ilma’” (Eż 2:10). Mela, il-missjoni ta’ Mosè kellha tkun dik li jsalva l-poplu tal-Mulej mill-ilmijiet tal-Baħar tal-Qasab u joħodhom lejn l-art li tnixxi ħalib u għasel. Interessanti wkoll li bint il-Fargħun, mingħajr ma kienet taf, kienet qiegħdha tikkonferma l-missjoni divina ta’ dan it-tifel Lhudi.

Iżda l-pagani mhux dejjem ħarġu ta’ eroj mal-Mulej. Kien hemm minnhom min tilef it-triq! U tilifha bil-kbir! Bħalissa tiġini f’moħħi l-istorja tal-erba’ żgħażagħ Lhud fil-ktieb ta’ Danjel. “Nabukodonosor, is-sultan ta’ Babilonja” (Dan 1:1), ried jikkorrompi lil dawn l-erba’ żgħażagħ Lhud. X’għamel? Mhux biss beda “jgħallimhom il-kitba u l-ilsien tal-Kaldin” u ħaseb biex “jibda jingħatalhom sehem mill-ikel tas-sultan u mill-inbid li kien jixrob hu” (Dan 1:4-5). Nabukodonosor bidlilhom isimhom. Il-ktieb ta’ Danjel jgħidilna: “Lilhom il-kap ta’ l-uffiċjali tahom ismijiet oħra: lil Danjel semmieh Beltesassar, lil Ħananija Sidrak, lil Misaèl Mesak, u lil Għażarija Għabednegu” (Dan 1:7).

Permezz tal-ġenituri l-Mulej kien semma’ l-ewwel żgħażugħ Danjel. Isem li jfisser, “Alla huwa l-imħallef tiegħi”. Iżda l-kap tal-uffiċjali tas-sultan “lil Danjel semmieh Beltesassar” (Dan 1:7) li jfisser “Ba’al (isem ieħor għax-xitan) iħares lis-sultan”. Permezz tal-ġenituri tiegħu l-Mulej kien semma’ it-tieni żgħażugħ Ħananija. Li jfisser “il-Mulej hu ħanin”. Iżda l-kap tal-uffiċjali semmieh Sidrak, li jfisser “il-kmand ta’ Aku (isem ieħor ta’ xitan)”. Permezz tal-ġenituri tiegħu l-Mulej semma’ it-tielet żgħażugħ Misaèl. Li jfisser “Min hu daqs Alla?” Is-sultan Nabukodonosor, permezz tal-kap tal-uffiċjali, semmieh Mesak. Isem li jfisser “Min hu bħal Aku (xitan)?” Filwaqt li l-aħħar żgħażugħ, li l-ġenituri tiegħu semmewh Għażarija, li jfisser “Il-Mulej għen,” is-sultan semmieh Għabednegu li jfisser “il-qaddej ta’ Nebo (isem ta’ idolu)”.
X’baħar jaqsam hemm mill-ismijiet Lhud, fejn il-Mulej huwa ċ-ċentru tal-isem, għall-ismijiet pagani fejn allat foloz u ismijiet ta’ xjaten huma l-qalba ta’ dawn l-ismijiet! F’isem hemm il-barka jew is-saħta!

L-isem jiġri mal-persuna. L-isem ibierek jew ifixkel bil-kbir lill-persuna. Għalhekk ejjew insemmu lil uliedna ismijiet bibliċi. Ħalli, b’isimhom stess, uliedna jibqgħu jitbierku, bħalna. U, jekk lil uliedna ma tajniehomx isem bibliku imma semmejniehom għall-kantanti, għall-karozzi, għall-plejers tal-futbol u l-bqija ejja npoġġu idejna fuqhom u nitolbu:

Spirtu s-Santu, imla’ bil-barka tiegħek l-isem ta’ ibni u binti. Agħmel li meta jissemma dan l-isem ibni u binti tinżel fuqu u fuqha dulluvju ta’ barka mis-sema. Amen.

Leave a Reply

%d bloggers like this: