L-Arċisqof jiċċelebra Quddiesa fil-pussess ta’ Dun Luke Seguna, l-kappillan il-ġdid tal-Parroċċa ta’ Marsaxlokk


Il-Ħadd 11 ta’ Diċembru 2016: L-Arċisqof Charles J. Scicluna mexxa ċ‑ċelebrazzjoni tal‑pussess ta’ Dun Luke Seguna, il‑Kappillan il‑ġdid tal‑Parroċċa ta’ Marsaxlokk.

Omelija tal-Arċisqof Charles J. Scicluna
Knisja Parrokkjali ta’ Marsaxlokk
Ġwanni qiegħed il-ħabs, arrestat minn Erodi minħabba l-fedeltà tiegħu, il-kelma tal-Mulej fuq iż-żwieġ, għaliex lil Erodi apertament kien qallu: “inti ma tistax tieħu l-mara ta’ ħuk”. Erodi ma ħax gost, lanqas ma ħadet gost il-mara ta’ ħuh, Filippu, u ried jeħles minnu, jagħlaqlu ħalqu u tefgħu fil-ħabs.

Ġwanni rrealizza li hemm xi ħadd li hemm bżonn jikber, jiċkien hu, u nafu li minn dak il-ħabs Ġwanni ma ħariġx ħaj, rasu ħarġet qabel il-kumplament ta’ ġismu, għaliex Erodi, ħin minnhom, bagħat lil xi ħadd il-ħabs u qatagħlu rasu, magħwwi, imxewwex minn Erodijade li kellha l-interess kollu li tibqa’ fil-kumdità li sabet.

Qabel ma miet, donnu biex ikun ċert li l-missjoni tiegħu kien għamilha kollha, għax hu kien għamel il-fiduċja tiegħu kollha fuq Ġesù ta’ Nazaret, ried konferma, donnu biex imbagħad ikun jista’ jgħid: “Jiena l-missjoni tiegħi għamiltha. Il-missjoni li nindikah, il-missjoni li nkun il-ħabbar li jħejji t-triq għal dak li għandu jiġi”. Hu jpoġġi din l-aħħar mistoqisja lil Ġesù permezz ta’ żewġ dixxipli tiegħu: “Inti hu dak li għandu jiġi jew nistennew lil-ħaddieħor?” (Mt 11, 3)

Kienet domanda importanti ħafna għal Ġwanni, għaliex ir-risposta tagħha għalih kienet tfisser ħeliex ħajtu jew le. Kieku Ġesù qallu: “mhux jien”. “Paċenzja, mort ngħidilhom: ‘dan hu l-ħaruf t’Alla li jneħħi d-dnubiet tad-dinja’ (Ġw 1, 29). Mort ngħidilhom: ‘jiena minix l-għarus, il-ħabib tal-Għarus u l-ħabib tal-Għarus jifraħ meta jisma’ leħnu. Jeħtieġ jikber hu u niċkien jien’” (Ġw 3, 29-30). Il-konferma li jagħtih Ġesù hija tipika tal-Mulej. Innutaw ma jgħidlux: “iva, jien” – jitkellem bil-fatti, mhux il-paroli. “Morru agħtu lil Ġwanni l-aħbar ta’ dak li qegħdin tisimgħu u taraw: l-għomja jaraw, iz-zopop jimxu, il-lebbrużi jfiqu, it-torox jisimgħu, il-mejtin iqumu” (Mt 11, 4-5).

Ma’ kull espressjoni li juża’ Ġesù, aħna li nisimgħu l-Evanġelju kull nhar ta’ Ħadd, nistgħu nikkolegaw, norbtu xi miraklu li għamel Ġesù. Kollha huma rrakontati fl-Evanġelju. Ta d-dawl lill-għomja diversi drabi, tiftakru dak iż-żgħażugħ paralitiku li niżżluh sħabu mix-xorok u jgħinu jimxi, l-għaxar lebbruzi li wieħed minnhom biss irringrazzjah, it-trux u mbikkem li tah il-komunikattiva, it-tifla ta’ Ġajru, Lażżru, it-tifel tal-armla ta’ Najm, dawk kollha jqajjimhom mill-mewt.

“L-Evanġelju jixxandar lill-foqra” (Mt 11, 5). Min huma dawn il-foqra? Mhux neċċessarjament dawk li m’għandhomx flus; il-faqar li qed isemmi Ġesù huwa ta’ dak il-bniedem, ta’ dik il-persuna li kapaċi tinżel għarkubbtejha quddiem Alla u tgħidlu: “Sinjur Alla, jiena għandi bżonnok”. Li tammetti dan il-bżonn huwa faqar li ma jkissrekx u lanqas jumiljak. Huwa l-faqar radikali ta’ min beda l-mixja tal-fidi.

Ġesù jagħżel li jsemmi għemejjel li jikkonfermaw ukoll il-profezija ta’ Iżaija li smajna fl-Ewwel Qari minn Kapitlu 35: “Jinfetħu għajnejn l-għomja, jinfetħu widnejn it-torox. Imbagħad iz-zopp jaqbeż bħal għażżiela, l-ilsien imbikkma jinħall bil-ferħ” (Is 35, 5-6). “Jerġgħu lura l-mifdijin tal-Mulej, u jidħlu f’Sijon jgħajjtu bil-ferħ, b’ferħ ta’ dejjem fuq rashom. Il-ferħ u l-hena jiksbu, u jgħibu swied il-qalb u l-krib”” (v. 10).

Dan huwa ż-żmien tal-Messija, iż-żmien ta’ dak li huwa ‘midluk fil-Mulej’, iż-‘żmien tal-Kristu’. Aħna qegħdin ngħixu f’dan iż-żmien, u għalhekk, għalkemm l-iżgħar fost is-saltna tas-smewwiet minħabba d-dgħufija tagħna, minħabba dnubietna, aħna għandna kobor ikbar minn ta’ Ġwanni, għax Ġwanni wasal sal-għatba, ried jikkonferma li għamel il-missjoni tiegħu, imbagħad miet, qatgħulu rasu.

Il-Mulej jgħid: “titfixkilx minħabba fija” u jgħidha lilna wkoll. “Ħieni hu min ma jitfixkilx minħabba fija” (Mt 11, 6). Ħafna drabi l-metodu ta’ Ġesù, il-kliem tiegħu, ifixklu lin-nies, jiskandalizzawhom għaliex l-iskandlu huwa l-istess għerq, it-tfixkil. Ġesù jitkellem fuq l-iskandlu li se jiġġenera hu. Aħna m’għandniex nibżgħu u nistħu minn Ġesù. Ħin minnhom qal: “min jistħi minni quddiem il-bnedmin, jiena nistħi minnu quddiem Missieri”.

X’inhi l-kelma tiegħi għalik għażiż kappillan? Li inti tkun wkoll ħabbar ta’ Ġesù u tħejji t-triq biex il-poplu afdat lilek jiltaqa’ miegħu. Xi ħriġtu taraw illum, nies ta’ Marsaxlokk? “Qasba tixxejjer mar-riħ? Xi ħriġtu taraw nies ta’ Marsaxlokk? Raġel liebes fin? (ara Lq 7, 24-25) insomma l-pjaneta tagħna llum, iġgħalna nistħu, ħa ngħiduha kif inhi. Imma inti m’intix se tmur tixtri meta tkun hawn, b’din il-pjaneta, nispera li le, għax immorru jiġbruk. Jiena nimmaġinak fit-toroq ta’ Marsaxlokk ħaġa waħda mal-poplu, għax il-Mulej hawnhekk bagħtek, nimmaġinak tmur fuq xi luzzu, nimmaġinak tgħix il-ħajja tal-poplu tiegħek, għax daqskemm inti tagħhom huma tiegħek. Għandhom dritt jippretendu minnek, għażiż kappillan, kelma ċara, kelma ta’ mogħdrija, u ħafna mħabba. Għandhom dritt, għax huma l-familja tiegħek u inti trid tafda ħajtek għalihom – mhux għalik, imma fl-ispirtu ta’ Ġwanni l-Battista u fl-ispirtu tal-Mulej inti tippreżentahom lil Alla bl-ispirtu ta’ Ġesù.

San Ġakbu jitkellem fuq il-bidwi u s-sabar tiegħu imma jiena naf ukoll li s-sajjied għandu wkoll is-sabar tiegħu u mhux biss is-sajjieda imma anke dawn li jistennew fis-suq, fix-xatt li jkun hawn, għax illum mhux kulħadd sajjied. Kull tip ta’ ħajja għandha s-sabar tagħha u aħna kultant nistagħdu fil-ħajja, fid-dgħufija tagħna, nistabru b’xulxin, aħna nwettqu fil-qalb tagħna l-istennija tal-Mulej. “Bħal eżempju tat-tbatija u s-sabar” jgħidilna Ġakbu, “ħudu l-profeti li tkellmu f’isem il-Mulej” (Ġak 5, 10), tippretendix discounts, il-kelma ta’ Ġakbu hija ċara: il-profeti li tkellmu f’isem il-Mulej, kellhom jgħaddu mit-tbatija u kellhom jistabru. “Bħala eżempju tat-tbatija u s-sabar ħudu l-profeti li tkellmu f’isem il-Mulej”. Tibżax, ħobb dejjem. Għat-tgħajjir qatt tirrispondi bit-tgħajjir, qatt. Għall-kelma iebsa, għall-kalunnja, qatt tirrispondi bit-tajn, qatt! Għax il-profeta jitkellem u ma jiskotx, imma t-ton tiegħu differenti minn min jgħajru u minn min jarah skomdu.

Imma tibżax, il-kelma tal-Mulej wassalha sħiħa u wassalha mhux fl-ajru. Ara kemm hu bravu kemm jitkellem fuq il-qaddisin tas-sema, imma n-nies tal-art, x’se tgħidilhom? Arah qisu anġlu, itir waqt l-omelija, imma n-nies tal-art? X’se jieħdu minn dak li tgħid? Mhux il-paroli, imma l-fatti. Din hija l-isfida kbira li aħna li aħna dgħajfin u midinbin u mxandrin ma’ kulħadd – jagħmlilna tajjeb dak – għandna quddiemna dik li – għax aħna npaċpċu ħafna, kultant iżżejjed, imma mill-paroli niġu għall-fatti, f’kull ambjent. Niġu għall-fatti. Jekk inti titkellem fuq l-imħabba tal-għedewwa, irrid nibda jien. Jekk qed nitkellem fuq il-maħfra, irrid nibda jien. Jekk qed nitkellem fuq li l-għomja jaraw, irrid niftaħ għajnejja jien bil-qawwa ta’ Ġesù, inħallih jiftaħomli biex jiena ta’ ma’ ġenbi narah ħija mhux l-għadu tiegħi. Jekk jien widinti m’għadniex tisma’ – għax l-ikbar trux min ma jridtx jisma’ – l-Mulej inħallih jiftaħli widinti ħalli nisma’ l-kelma tiegħu u nagħmilha fil-fatt.

Inħalluh il-Mulej ikun qrib li huwa fostna Għimmanu-El, Alla magħna. Inti għandek dan l-isem għażiż Luqa, l-Evanġelista li qalilna tant affarijiet fuq il-Madonna u l-aħħar ħsieb li nafdak f’idejn il-Madonna taħt it-titlu tal-Madonna ta’ Pompej, li tagħtina r-Rużarju tagħha bħala l-ikbar għotja ta’ rikonċiljazzjoni, ta’ evanġelizzazzjoni, ta’ interċessjoni, ta’ riparazzjoni. Nafdak ukoll f’idejn dan il-poplu għażiż, poplu ħabrieki, poplu determinat, imma jiena nafek li inti m’intix inqas, ħabrieki u determinat. Agħti ħajtek kif qed jitolbok Ġesù u l-Madonna tgħinek bħalma kien jgħid Mons Mercieca lil kulħadd, Alla jaħfirlu, imma jiena ngħidlek quddiemha llejla l-Madonna ta’ Pompej tkun l-għajnuna tiegħek. Kun imbierek.

✠ Charles J. Scicluna
Arċisqof ta’ Malta

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s

This site uses Akismet to reduce spam. Learn how your comment data is processed.