Twelid ġdid?

Print Friendly, PDF & Email

Patri Mario Attard OFM Cap

Xi minn daqqiet, meta nkun maqtugħ għalija waħdi, jitilgħu esperjenzi. Rakkonti. Ta’ uħud. Li jiġu jiftħu qalbhom. U min illum m’għandux bżonn jiftaħ qalbu? U, biex titfaħ qalbek, m’għandekx bżonn tħallas mitt Ewro s-siegħa. Lanqas!

Hu qatagħha li jiftaħ qalbu l-għaliex, proprju, ma felaħx iżżomm għalih din l-esperjenza. Esperjenza morra. Esperjenza li turi fejn tasal qalb il-bniedem. Qalb li fiha hemm tant kapaċitajiet. Waħda, u l-aqwa minnhom, hija, mingħajr dubju, li tħobb, taħfer, u tibda’ paġna ġdida.

Kien iħobbha u jirrespettaha għaġeb. L-istess bħalma kienet tħobbha tirrispettaha ħabibtu u ħabitha. It-tnejn li huma waqfu magħha. Kienu jimxu magħha id f’id. Kienu jafu li ma kelliex żwieġ faċli. Ħeqq, ir-raġel kien għad baqa’ l-Mummy’s boy. Mela kollox kif jgħid hu. Mhux għax hu r-raġel. Daqskemm l-għaliex hu t-tifel! Għidtlek, il-Mummy’s boy.

Hi ma kinitx xi waħda li ġabruha barra mit-triq. Għalkemm f’ħajjitha kellha t-tbatija tagħha. Iżda l-ħajja tahta fuq wiċċha wkoll. Esperjenza qarsa wara l-oħra. It-tfulija mod. Iż-żgħożija mod ieħor. U mbagħad, fiż-żwieġ, iltaqgħet mal-problema li ħafna jgħaddu minnha wkoll, l-ulied. Esperjenza iebsa. U ta’ qsim il-qalb.

Hu u hi kienu jipprovdulha s-sapport li kellha bżonn. Kienu lesti għaliha. Kemm-il darba tħaddett magħhom fuq il-problemi li kienet qiegħdha taffaċċja ruħha magħhom. Kienu jtambrulha, b’delikatezza, biex il-passat, tħallih warajha. Biex fil-ħajja titgħallem taħfer! Wara kollox, jiżbalja, kulħadd. Imma hi, għal xi raġuni, dejjem baqgħet imwaħħla mal-passat. Ma riditix tinqala’ minnu.

Imbagħad, l-istorja, waslet għall-fulkru tagħha: darba minnhom inqatgħet minnu u minnha. Hekk! Ħabta u sabta! Mingħajr raġuni ta’ xejn! It-tnejn li huma ħassewha. Kemm hu u kemm hi. Kienu jħobbuha għaġeb. Dejjem kienu hemm għaliha. Fil-mumenti tal-bżonn. Iżda hi, li l-kelma maħfra ma kinitx taf tispellieha, baqgħet twebbes qalbha. Sal-punt li nfirdet minnhom. Hekk! Ħabta u sabta!

Din hija waħda mill-istejjer li nisma’, nara u nġarrab jiena stess. Hija storja li, meta tismagħha, u tanalizzaha, tikbi. U tibki mhux biss minħabba dak li ġara. Jiġifieri l-azzjonijiet drastiċi li jieħu dak li jkun. Iżda tibki, u fuq kollox, l-għaliex, ċerti nies, għandhom viżjoni ferm fqira tal-ħajja. Ħafna, anki jekk imorru l-quddies kull nhar ta’ Ħadd, u, minbarra, jidhru nies tal-affari tagħhom, minn ġewwa għandhom viżjoni diżażtruża tal-ħajja.

L-ewwel nett, il-ħajja fuq din l-art għandha tmiem! Aktar mal-Mulej jagħtini l-grazzja li naħdem fl-isptar aktar qed nintebaħ kemm dan huwa minnu. Kemm-il darba nassisti għal kull storja ta’ nies li jidħlu mod biex imbagħad joħorġu mod ieħor. Jidħlu fuq saqajhom u joħroġuhom f’kaxxa!

Il-fatt li xi darba għad irrid immut lili irid ifakkarni li għandi ngħix b’ċertu umiltà fil-ħajja. Ma jistax ikun ngħix fuq pedistall. Ma jistax ikun li nħalli lili nnifsi nintrebaħ mis-suppervja li hemm fija. Ġieli tiltaqa’ ma’ persuni li, bl-attitudni tagħhom, tassew iweġġgħuk. Speċjalment jekk ikunu persuni li jridu jħaqquha ma’ kollox u ma’ kulħadd. Persuni li jridu jikkontrollawk. U jekk int ma tissodisfax il-kriterji ta’ moħħhom tħosshom jiġġudikawk u jarmuk!
Issa din kieku tgħid jagħmilha bniedem li m’għandux edukazzjoni, u m’għamilx korsijiet, fiha u ma fihiex. Imma kemm hi aktar kerha fuq nies li, suppost bl-istudju universitarju li studjaw, kemm Malta u anki barra, suppost għandhom aktar joqgħodu b’seba’ mitt għajn biex jittrattaw lil kulħadd b’tenerezza? U ma jiġġudikaw lil ħadd?

Tistkanta hux! Imma hawn ukoll! Min jaf l-għaliex il-bniedem jipprova juri s-superjorità tiegħu fuq bniedem ieħor b’dan il-mod viljakk? Xi bżonn għandu biex jiddetta lil ħaddieħor x’għandu jagħmel? X’jedd għandu li jikkategorizza lill-persuni oħra? Nerġa ngħid, ħasra li hawn persuni li jġibu ruħhom b’dan il-mod. Il-ktieb m’għandu qatt jitfagħni fuq pedistall. Li issa sirt xi xemx! Ejja niftakar naqra l-passat tiegħi qabel kont imkaħħal mal-ktieb. L-aktar jekk ġej minn familja umli u sempliċi. Ejja issa, l-għaliex ilħaqt, ma nqażżix lil Alla li ħalaqni u l-art li nimxi fuqha! Ejja nkun umli. U nikkumpatixxi lil kulħadd. Bħalma, anki jekk nilbes il-maskra tal-matur u l-matura, nixtieq, anzi nibki u nolfoq għarkuptejja biex iħennu għalija.

Imbagħad l-isptar jgħallimni oħra, il-fjuri nagħtuhom meta għandna ħajjin. Kemm-il darba rajt quddiemi persuni imkissrin. Mhux sempliċiment l-għaliex mitilhom xi ħadd għażiż. Iżda l-għaliex, aktar ma jibdew jaħsbu fuq dak li għaddew minnu, aktar jintebħu kemm drabi lil dan ix-xi ħadd għażiż tawh bis-sieq. Warrbuh. Ma marrux jarawh. Lanqas biss telefonata! Almenu biex jaraw jekk hux ħaj inkella mejjet!

Issa dawn ħbieb m’humiex ħrejjef u stejjer! Dawn huma stejjer li niltaqa’ magħhom. Ma nifihmx le kif tnejn, li kienu tant ħbieb, u kienu juru tant affett ma’ xulxin, issa ma jħarsux lejn xulxin aktar! Ma nifhimx kif tnejn li, diskorshom kien tant sabiħ u mimli mħabba bejniethom, issa sar kiesaħ silġ. Plain! U, politcally correct! Eh il-political correctness fir-relazzjonijiet! Kemm hija arma qawwija tax-xitan! Għax ix-xitan huwa avukat. Avukat li joħodha kontra l-Mulej. L-avukat li l-ħażin jgħidlu tajjeb. U t-tajjeb iġibu ħażin. Avukat li, jara x’jagħmel, biex l-imputat iwaddbu l-ħabs. Jekk jista’ ikun mingħajr kawża. Ix-xitan huwa l-avukat akkużatur. Xogħlu hu li jixli. U jixli. Il-ħin kollu! Huwiex dan li naraw u nisimgħu fir-relazzjonijiet ta’ bejnietna, xili? Min jixli lil dak u min jixli lill-ieħor!

Issa li l-Festa tal-Milied qiegħdha ftit biss kantunieri bogħod ejja nitwieldu mill-ġdid. Ejjew nikbru fil-ħlewwa bejnietna. Il-ħlewwa li lilna tagħmilna bnedmin ta’ vera! Biżżejjed li l-ħajja għandha ħafna morr. U l-morr nafuh ilkoll. Minn kemm problemi ngħaddu. Iżda issa huwa ċ-ċans li nikbru flimkien. Li nqisu lil xulxin bħala aħwa. Li nifhmu li l-ħajja, bit-tensjonijiet tagħha, tgħaddi malajr. F’radda ta’ salib!

Jalla, misjuqin mill-festa tal-Milied, nagħmlu tagħna dak li l-Mulej irid jagħtina, jiġifieri li b’Ġesù Kristu jaċċetta l-miżerja tagħna, u, kif kien qal Papa Franġisku fl-omelija tallejl tas-Solennità tat-Twelid tal-Mulej, fil-Bażilika tal-Vatikan, nhar l-Erbgħa 24 ta’ Diċembru 2014, il-Mulej “jieħu grazzja maċ-ċokon tagħna”.

Jissokta l-Papa fl-istess omelija: “F’dan il-lejl qaddis, meta qed nikkontemplaw il-Bambin Ġesù li għadu kemm twieled u jinsab mimdud f’maxtura, aħna mistiedna nirriflettu. Kif nistgħu nilqgħu l-ħlewwa ta’ Alla? Qed inħalliH jilħaqni, inħallih jgħannaqni miegħu, jew qed inżommu milli jersaq qribi? ‘Imma jien qed infittex lill-Mulej’ – nistgħu nirribattu. Madankollu, l-iktar ħaġa importanti m’hix li nfittxu jien, daqskemm li nħalli lilU jfittixni, isibni u jżiegħel bija kollu mħabba. Din hi l-mistoqsija li l-Bambin qed jagħmlilna bis-sempliċi preżenza tiegħu: qed inħalli lil Alla jħobbni?

Mank jaħasra inħalli lil Alla jħobbni ħalli ma nweġġa’ lil ħadd! Ħalli ngħannaq lil kulħadd! Ħalli nitwieled mill-ġdid għall-imħabba!

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading