Home > Il-Papa Franġisku minn Dar Santa Marta > Ir-rgħajja għandhom jgħidu l-verità imma għandhom ukoll jilqgħu l-ewwel pass li jagħmlu n-nies

Ir-rgħajja għandhom jgħidu l-verità imma għandhom ukoll jilqgħu l-ewwel pass li jagħmlu n-nies


Il-Ħamis 15 ta’ Diċembru 2016. Omelija tal-Papa Franġisku fid-Dar Santa Marta.

Il-figura li tkellem dwarha l-Papa Franġisku llum, il-Ħamis 15 ta’ Diċembru, waqt l-omelija fid-Dar Santa Marta, kienet San Ġwanni l-Battista. Il-liturġija kienet stedina biex nirriflettu fuq dal-bniedem li kien jgħix fid-deżert, jipprietka u jgħammed.

 

Kulħadd kien imur ifittxu, anke l-Fariżej u l-Imgħallmin tal-Liġi li kellhom atteġġjament distakkat. Fil-Vanġelu Ġesù jistaqsi lin-nies: ‘X’mortu taraw? Qasba tixxejjer mar-riħ? Raġel liebes fin?’

Fil-fatt huma marru jaraw profeta, anzi xi ħadd aktar minn profeta li bħalu qatt ma kien twieled minn mara. L-aħħar profeta għax warajh ġie l-Messija, spjega l-Papa.

Ġwanni kien kbir għax kien fidil lejn dak li kien mitlub minnu mill-Mulej, kobor li kien jidher ukoll fil-predikazzjoni tiegħu. Il-predikazzjoni tiegħu kienet iebsa tant li lill-Fariżej kien jgħidilhom li huma razza ta’ sriep. Ma kienx jomgħod kliemu. Kien jirriskja ħajtu imma kien fidil. Lil Erodi qallu f’wiċċu li kien adulteru.
Kieku kappillan jgħid kliem bħal dan waqt l-omelija tal-Ħadd, żgur li l-isqof tal-post jirċievi ittri ta’ protesta. Imma Ġwanni kien insolenti għax kien fidil lejn il-vokazzjoni tiegħu.

Però, osserva l-Papa, lin-nies kien jifhimhom. Lill-pubblikani kien jgħidilhom biex ma jitolbux mingħand in-nies aktar minn dak li hu ġust. Kien jibda bil-ftit, bl-ewwel pass, u jgħammidhom. Lis-suldati u lill-pulizija kien jitlobhom biex ma jheddu lil ħadd u jikkuntentaw bil-paga tagħhom.

Dan kien ifisser li ma jidħlux fiċ-ċirku tat-tixħim. Lil dawn il-midinbin Ġwanni kollha kien jgħammidhom. Kien l-ewwel pass żgħir għax imbagħad il-Mulej jagħmel il-bqija. U dawk kienu jikkonvertu.

Ġwanni kien ragħaj, kompla jgħid il-Papa, li kien jifhem is-sitwazzjoni tan-nies u kien jgħinhom biex jersqu quddiem il-Mulej. Ġwanni kien l-uniku profeta li kellu l-grazzja li juri lin-nies il-persuna ta’ Ġesù.

Iżda, anke Ġwanni kellu l-waqtiet mudlama tiegħu, id-dubji. Infatti fil-ħabs hu beda jiddubita, minkejja li lil Ġesù kien għammdu hu stess, għax kien jimmaġina Salvatur differenti. Għalhekk jibgħat żewġ dixxipli tiegħu biex jistaqsu lill-Messija jekk kienx Hu.

Ġesù jikkoreġi l-viżjoni ta’ Ġwanni bi tweġiba ċara: l-għomja jaraw, iz-zopop jimxu, it-torox jisimgħu, il-mejtin iqumu. Min hu kbir, proprju għax hu kbir, jista’ jkollu d-dubji wkoll, ikkummenta l-Papa.

Din hi ħaġa pożittiva. Dawn in-nies huma ċerti mill-vokazzjoni tagħhom imma kull darba li l-Mulej jurihom triq ġdida, jidħlu fid-dubju. Jibdew jgħidu: din hi ereżija, dan mhux kif kien isir is-soltu, dan mhux il-Messija li kont qed nistenna! Dan hu xogħol ix-xitan.

Ġwanni hu kbir għax hu l-aħħar wieħed minn dik il-lista ta’ nies li emmnu, li nbdiet minn Abraham, bniedem li kien jipprietka mingħajr tidwir tal-kliem, biex jikkundanna lis-suppervi, minkejja li hu kellu d-dubji tiegħu. Dan hu programm tajjeb għall-ħajja Nisranija, issokta l-Papa.

Il-Papa kompla billi ġabar fi ftit kliem il-ħsieb kollu tal-omelija tiegħu: l-affarijiet ngħiduhom bil-verità waqt li nilqgħu mingħand in-nies dak li għandhom x’jagħtu. Dan hu l-ewwel pass.

Għaldaqstant, temm il-Papa, nitolbu lil Ġwanni jtina l-kuraġġ appostoliku biex ngħidu kollox bil-verità, bl-imħabba pastorali, u nilqgħu lin-nies bil-ftit li jistgħu jagħtu: l-ewwel pass. Alla jagħmel il-bqija.

U nitolbu wkoll il-grazzja li niddubitaw. Tant drabi nistgħu nistaqsu, anke meta ħajjitna toqrob lejn tmiemha: imma hu minnu dak kollu li emmint jew kollox fantasija? Din hi tentazzjoni kontra l-fidi u kontra l-Mulej, osserva l-Papa.
Jalla l-kbir Ġwanni, li hu l-iżgħar fis-Saltna tas-Smewwiet, u għalhekk hu kbir, jgħinna nimxu f’dit-triq li tmexxina lejn il-Mulej.

Ħajr lill-Kamra tal-Aħbarijiet ta’ Radju Marija.

  1. No comments yet.
  1. No trackbacks yet.

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out / Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out / Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out / Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out / Change )

Connecting to %s

%d bloggers like this: