Home > Il-Papa Franġisku minn Dar Santa Marta > L-Insara għandhom jiftħu t-triq għal Ġesù u jkunu xhieda tiegħU

L-Insara għandhom jiftħu t-triq għal Ġesù u jkunu xhieda tiegħU


Il-Ġimgħa 16 ta’ Diċembru 2016. Omelija tal-Papa Franġisku fid-Dar Santa Marta.

L-Insara għandhom iħarsu lejn il-kbir Ġwanni l-Battista bħala mudell tax-xhieda umli ta’ Ġesù, li jixxejjen sal-mewt, biex juri li l-Iben t’Alla wasal, qal il-Papa Franġisku waqt l-omelija fil-kappella tad-Dar Santa Marta, illum, is-16 ta’ Diċembru.

 

Għall-quddiesa kienu preżenti reliġjużi, isqfijiet, saċerdoti li għalqu ħamsin sena ta’ ħajja kkonsagrata, flimkien ma’ koppji miżżewġin li qed jiċċelebraw il-ħamsin anniversarju taż-żwieġ.

Illum ukoll, bħalma ġara fil-jumejn li għaddew, il-liturġija ġġiegħelna nirriflettu fuq il-figura ta’ Ġwanni l-Battista u tippreżentahulna bħala ‘xhud’. Din hi l-vokazzjoni tiegħu, spjega l-Papa, li jagħti xhieda ta’ Ġesù, juri min hu, kif jagħmel fanal biex jagħti d-dawl.

Il-fanal juri fejn hemm id-dawl, jagħti xhieda tad-dawl. Ġwanni kien il-leħen. Hu stess jgħid dwaru nnifsu: ‘Jien leħen jgħajjat fid-deżert.’ Hu kien il-leħen li kien jagħti xhieda tal-Kelma, juri l-Kelma, il-Verb t’Alla, il-Kelma. Hu kien biss leħen.

Ġwanni, kompla jgħid il-Papa, kien il-predikatur li jgħammed imma kien ċar meta ddikjara: ‘Warajja ġej xi ħadd li hu aqwa minni, akbar minni, li jien miniex dehen li naqfillu l-qorq. Hu jgħammidkom bin-nar tal-Ispirtu s-Santu.’

Għalhekk Ġwanni hu xi ħaġa proviżorja li turi dak li hu definittiv. Id-definittiv hu Ġesù. Dan kien il-kobor ta’ Ġwanni. Kull darba li l-Imgħallmin tal-Liġi u l-poplu kienu jistaqsuh jekk kienx hu l-Messija, hu kien iwieġeb mingħajr tlaqliq: ‘M’iniex.’ Din hi x-xhieda proviżorja imma żgura, qawwija, il-fanal li ma ħalliex ir-riħ tal-vanità jitfih, leħen li l-kburija m’għamlitx bih, dejjem wera lill-ieħor u fetaħ il-bieb għax-xhieda l-oħra, dik tal-Missier, dik li Ġesù jgħid dwarha: ‘Jiena għandi xhieda akbar minn ta’ Ġwanni, dik tal-Missier.’

U Ġwanni l-Battista jiftaħ il-bieb għal din ix-xhieda. U jinstama’ leħen il-Missier jgħid: ‘Dan hu Ibni l-għażiż.’ Kien Ġwanni li fetaħ dal-bieb. Ġwanni kien kbir għax kien dejjem jinħeba hu biex jidher Ġesù.

Ġwanni, issokta l-Papa, jixxejjen u jieħu t-triq li kellu jieħu Ġesù aktar tard, dik li jinża’ minnu nnifsu. Hekk jibqa’ sejjer kollox sal-aħħar: fid-dlam ta’ ċella, f’ħabs, b’rasu maqtugħa minħabba l-kapriċċ ta’ ballerina, l-għira ta’ adultera, u d-dgħufija ta’ sakranazz.

Dan hu jum tajjeb, kompla jgħid il-Papa x’ħin indirizza lil min kien qiegħed jiċċelebra l-ħamsin anniversarju tal-ħajja kkonsagrata jew taż-żwieġ, biex nistaqsu lilna nfusna jekk aħna ftaħniex it-triq għal Ġesù dejjem.

NirringrazzjawH għal tant drabi li għamiltu dan, nirringrazzjawH u nerġgħu nibdew mill-ġdid, wara ħamsin sena, b’din ix-xjuħija żagħżugħa jew żgħożija li xjaħet – bħall-inbid tajjeb!

Immiddu pass ieħor ‘il quddiem biex inkomplu nkunu xhieda ta’ Ġesù, ħeġġiġhom il-Papa Franġisku. U jalla Ġwanni, ix-xhud il-kbir, jgħinkom f’dit-triq ġdida li llum, wara ħamsin sena ta’ saċerdozju, ta’ ħajja kkonsagrata, ta’ żwieġ, qed terġgħu tibdew mill-ġdid.

Ħajr lill-Kamra tal-Aħbarijiet ta’ Radju Marija.

  1. No comments yet.
  1. No trackbacks yet.

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out / Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out / Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out / Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out / Change )

Connecting to %s

%d bloggers like this: