Ikona ħajja tal-Ħniena Divina

Print Friendly, PDF & Email

Patri Mario Attard OFM Cap

Nhar l-Erbgħa, 16 ta’ Novembru, Malta u Għawdex kollha sfaw maħsuda, għodu għodu, mill-mewta għall-għarrieda ta’ Patri Joe Saliba OFM Cap. Il-mewta ta’ dak il-Patri li tant għallem b’ħajtu u b’ħidmietu mal-morda u l-anzjani.

Lil Patri Joe ilni nafu għal dawn l-aħħar 29 sena. U, minn dawn is-snin kollha li ilni nafu, dejjem nafu li baqa’ l-istess, almenu għalija: il-bniedem li jħobb b’imħabba kbira lill-Mulej u lill-proxxmu tiegħu, l-aktar lil min qed ibati. Patri Joe jibqa’ mnaqqax f’qalbi bħala l-bniedem li, f’moħħu u f’qalbu, Franġisku t’Assisi ma kienx xi coating biex jgħatti min kien. Anzi! Kien l-opener li jiftaħ il-qalb kbira li kellu tbaqbaq ġewwa fih.

Patri Joe kien bniedem ġeneruż. Dan nista’ nixhdu jien, l-ewwel wieħed. Kemm ilni nafu Patri Joe dejjem baqa’ il-bniedem li jingħata. Bħalissa moħħi jmur meta kont għadni novizz f’Għajn Dwieli. F’dik il-ħabta, Fr Joe kien wieħed mill-membri tal-Fraternità tagħna. Kemm kont nammirah! Ġej minn lejl xogħol mill-Isptar San Luqa u tarah jaqdi fil-ħtiġijiet pastorali taż-żona. U, dak l-imbierek parlatorju tal-kunvent kemm ra nies ġejjin imtaqqlin u sejrin lura imfarrġin lejn djarhom! Dak il-parlatorju kemm sema’ kliem sabiħ u ta’ rikonċiljazzjoni li ħarġu mill-fomm u mill-qalb ta’ bniedem li għalih, li jkun ikkonsagrat lill-Mulej bħala saċerdot Franġiskan Kapuċċin kien ifisser l-akbar ferħ u mħabba li qatt seta’ iġarrab f’qalbu u li seta’ jaqsamhom ma’ ħaddieħor.

Kemm jagħmel sens il-kliem sabiħ li, Patri Martin Micallef OFM Cap, il-Provinċjal tagħna l-Patrijiet Kapuċċini, qal fuq Patri Joe Saliba, nhar jum il-funeral tiegħu. Funeral li sar fi Knisja mimlija daqs bajda, fejn lanqas labbra ma setgħet toqgħod fiha. Il-Knisja tagħna l-Kapuċċini tat-Trinità Qaddisa tal-Marsa, kienet ilha snin twal ma tara daqshekk nies! U f’dik l-għodwa imsaħħba u kollha xita tal-Ġimgħa 18 ta’ Novembru 2016, leħen ir-rappreżentant ta’ San Franġisk għall-Provinċja tagħna qal hekk:

“Hekk għallimna Fr Joe bil-ħajja tiegħu, speċjalment fil-ministeru li huwa tant kien iħobb, il-ministeru mal-morda, mal-batuti u mal-anzjani. F’ċirkustanzi li fihom ħadem ma’ tant persuni li ħassew li d-dinja kienet spiċċat għalihom, huwa kellu kelma ta’ tama qawwija.

Min kien jaf lil Fr Joe, kien jaf li dan il-kliem tiegħu ma kienx sempliċiment kliem, imma l-kliem tiegħu kien frott il-ħajja spiritwali li pprova jgħix, minkejja li baqa’ bniedem bħalna lkoll. Narah jogħod ħafna għalih il-kliem li bih Ġesù jiddefinixxi x’kien qed jifhem b’imħabba vera meta lejn l-aħħar ta’ ħajtu qal: “Tassew tassew ngħidilkom, jekk il-ħabba tal-qamħ ma taqax fl-art u tmut, hi tibqa’ weħidha; imma jekk tmut, tagħmel ħafna frott. Min iħobb lil ħajtu jitlifha; imma min jobgħod lil ħajtu f’din id-dinja jħarisha għall-ħajja ta’ dejjem” (Ġw 12:24-25).

Tassew il-ħajja ta’ Fr Joe kienet bħal din il-ħabba tal-qamħ li waqgħet fl-art biex tmut u tati l-frott, anzi ħafna frott. Fr Joe kien Patri disponibbli ħafna. Dejjem hekk nafu u speċjalment meta jiena ltqajt miegħu personalment filviżta li għamilt wara l-aħħar żewġ Kapitli Provinċjali biex niddiskutu fejn ser imur u x’xogħol ser jagħmel. Huwa qatt ma ġab xi skuża, qatt ma għamel reżistenzi imma qalli: ‘Provinċjal, fejn hemm bżonn immur, u dak li hemm bżonn nagħmel.’ Kien wieħed mill-Patrijiet li edifikani bil-mod kif ġab ruħu miegħi.

F’dan l-atteġġjament sabiħ tiegħu nara xi tfisser meta Ġesù f’din is-silta qed jgħid: ‘Min iħobb lil ħajtu jitlifha; imma min jobgħod lil ħajtu f’din id-dinja jħarisha għall-ħajja ta’ dejjem.’ Fr Joe kien tassew Patri libes il-fardal fuq l-eżempju ta’ Ġesù, li fl-aħħar ċena għadda jaħsel riġlejn id-dixxipli bil-fardal ma’ qaddu, biex jurihom li minkejja li kien l-Iben ta’ Alla, l-missjoni tiegħu fuq din l-art kienet missjoni ta’ qadi.

Imma Ġesù dakinhar ma waqafx hemm, għaliex wara li lesta minn dan il-ġest qal lid-dixxipli: ‘Tafu x’għamiltilkom? Intom issejħuli ‘l-Imgħallem’ u ‘il-Mulej,’ u tgħidu sewwa, għax hekk jien. Mela jekk jien, li jien il-Mulej u l-Imgħallem, ħsiltilkom saqajkom, hekk intom għandkom taħslu saqajn xulxin. Għax jien tajtkom eżempju, biex kif għamilt jien magħkom, hekk tagħmlu intom ukoll” (Ġw 13: 12-15). Din il-kmand li Ġesù ta’ lid-dixxipli, kien kmand li Ħuna Fr Joe pprova jgħix b’mod kontinwu fil-ministeru tiegħu bħala Reliġjuż u bħala saċerdot. Min kien jaf lil Fr Joe, mall-ewwel kien jinduna li fih kien hemm dan is-sens qawwi li jrid jingħata, li jrid jaqdi, li jrid jaħdem fil-għalqa tal-Imgħallem tagħna”.

Kemm Patri Joe kien iħeġġeġ lill-pazzjenti fl-Isptar biex jieħdu ħsieb ruħhom! Dan l-aħħar iltqajt ma’ wieħed mill-ħaddiema tal-Isptar u wara li qasam miegħi x-xokk tiegħu għall-mewta ta’ dan il-Patri umli u mimli żelu għall-Mulej, qalli: “Kemm kien jimpressjonani! Meta kien jidħol ħdejn il-pazzjenti u kien jistaqsi: ‘Għandek bżonn tqerr?’ u, dak li jkun kien jgħidlu: ‘Imbagħad naraw’, huwa kien pront iwieġbu: ‘Meta se tqerr? Meta jkun tard wisq?’”

L-imħabba sinċiera li kellu Patri Joe għal Ġesù kienet tidher ċar fil-mod ta’ kif kien jiddefendi t-tagħlim tiegħu u, fl-istess ħin, jibqa’ viċin il-persuna. Meta darba persuna kienet qaltlu biex ma jibqax itammbar minn fuq l-ambone b’daqshekk qawwa kontra d-divorzju Patri Joe weġibha mingħajr ħafna tidwir ta’ kliem: “Jekk ma nitkellimx jien, li jiena saċerdot, min tridu jitkellem? Dak hu d-dover sagrosant tiegħi li nxandru”. Is-sabiħa hi li minkejja l-pożizzjoni tiegħu fuq xi argumenti li kienu qed jurtaw lil xi wħud, anki jekk il-Kelma ta’ Alla u t-tagħlim tal-Knisja Kattolika huma ċari kristall fuqhom, xorta waħda l-istess nies baqgħu jqisu lil Patri Joe bħala bniedem qaddis. Dan l-għaliex meta ġew għas-si u għan-no dejjem sabuħ. Minn dan naraw kemm Patri Joe għex it-titlu ta’ waħda mill-isbaħ enċikliċi soċjali li għandha l-Knisja Kattolika: Caritas in Veritate, il-karità fil-verità.

Fil-kamra nadifa xummiexa u ordinatissima ta’ Patri Joe kien hemm kuruna imdendla li kont ġibtlu mis-Santwarju tal-Ħniena Divina fil-Polonja. Din il-kuruna kont tajthielu bħala att ta’ rikonoxximent ta’ kemm għeni biex stajt inżur lil Santa Fawstina fi Krakovja. Kemm kien ħa gost biha meta tajthielu! Kien qalli: “Meta jagħjtuli l-għaliex xi ħadd ikun qed imut mill-ewwel nibda’ ngħid il-Kurunella tal-Ħniena Divina ħdejh u ħdejha”.

Il-ħajja ta’ Patri Joe kienet tlaħħima tal-Ħniena Divina. Mhux ta’ b’xejn li l-Mulej sejjaħlu għal għandu erbat ijiem qabel għalaq il-Ġublew tal-Ħniena. Qisu biex jurina li dan il-Patri umli, ferħan, iddedikat u affixinat minn Ġesù, għandu jitqies fl-istorja tal-Knisja bħala xhud fidil tal-Ħniena ta’ Alla għall-poplu tiegħu.

Nagħlaq bl-aħħar kelmiet tal-Provinċjal, Patri Martin Micallef OFM Cap: “Tlifna Patri Kapuċċin tajjeb ħafna. Għażiż Fr Joe, mas-Salmista nixtieq li ntennilek il-kliem li min jaf kemm-il darba tlabt bih: ‘Għażiża f’għajnejn il-Mulej hi l-mewt tal-ħbieb tiegħu’ (Salm 116:15)”.

Jekk il-ħajja ta’ Patri Joe Saliba laqtitek u trid tagħti ħajtek lill-Mulej fuq l-istill tiegħu, inħeġġek biex iċċempel issa stess lil Bro Miguel Żammit OFM Cap fuq 21225525 jew lil Patri Bertrand Vella OFM Cap fuq 21246516 u tiftaħ diskursata ma’ wieħed minnhom. M’hemmx isbaħ milli tagħti ħajtek għall-Mulej fil-persuna li qed tbati!

Leave a Reply

%d bloggers like this: