Jum xemxi fil-ħarifa

Print Friendly, PDF & Email

Patri Mario Attard OFM Cap

Il-filosfu eżiżtenzjalista Franċiż, Albert Camus, kien qal hekk dwar il-ħarifa: “Il-ħarifa hija t-tieni rebbiegħa fejn kull werqa hija fjura”.

Din is-sentenza għoġbitni ħafna! L-għaliex anki jekk il-ħajja toħrof fil-ħarifa madankollu dan l-istaġun għandu s-sabiħ tiegħu ukoll. Mhux is-sajf u lanqas ix-xitwa. Iżda huwa l-istaġun li jtaffi mis-sħana qawwija safija u, fl-istess ħin, huwa wkoll l-istaġun preparatorju għax-xitwa. Mela għal dak il-bard li, għal uħud minna, jaf ikun insopportabbli. L-għaliex miegħu iġib tant uġiegħ, l-aktar fl-għadam! Issemmilix!

Il-ħarifa huwa l-istaġun li jġagħlni napprezza. U napprezza kollox. Napprezz dak kollu li niltaqa’ miegħu. Din hija l-istess lezzjoni li jgħallimni, kontinwament, l-Isptar. Qalb dak il-mard u tbatija. L-għaliex, u dan huwa raġunament li jagħmlu min isib ħin biex jisma’ leħnU fis-skiet, fil-morr wieħed jibda’ jitgħallem japprezza u jgħożż il-ħelu. U kemm għandna ħelu jdur magħna! Ġieli jkun taħt imneħirna jaħasra! Imma, l-għaliex moħħna jkun mar fuq xi ħaġa oħra, dan il-ħelu nħalluh jaħarbilna! Eħ!

Imma, din id-darba, ma rridx le li dan il-ħelu jaħrabli! Avolja kont qed naħdem ma’ ħuti l-morda. Li tant inħobb u tant iħobbuni. Ma ridtx le inħalli din il-grazzja daqshekk sabiħa tisfumali fix-xejn. Niftakarha l-ġurnata. Il-Jum. Kien, sewwasew, il-Ġimgħa. L-4 ta’ Novembru. Il-Festa ta’ San Karlu Borromeo, l-Isqof ta’ Milan. San Karlu huwa ukoll il-qaddis padrun tal-Arċisqof Scicluna. Buon onomastiku Mons. Scicluna!

Niftakarni nħares ‘il barra, minn waħda mit-twieqi tal-Isptar Mater Dei. U, dakinnhar, ma stajtx ma nieqafx ftit mir-ruttina għaġġelija u ta’ ġenn tas-soltu. Le ħej! Dakinnhar ħassejt li kelli intella’ ftit il-handbrake. Ħa nara. Nosserva. Nitgħaxxaq. Napprezza. Avolja, madwar l-Isptar, hemm biżibilju bini. Iżda ħarsti telgħet ‘il fuq ‘il fuq. Telgħet biex titwaħħad ma’ dak is-sema ikħal nir. Sema li lili tant jagħmilli kuraġġ! Għax l-ikħal tas-sema fakkarni fis-sbuħija li l-qalb tintrefa’ minn dawn il-mijiet u eluf ta’ problemi, uħud minnhom ivvintati jew maħluma, biex ma nsemmix dawk li nġibu aħna stess b’idejna, u li għandna jduru magħna. U ġewwa rjusna.

Id-dawl ta’ dan il-jum ħassejtu jagħtini qawwa mhux tas-soltu. Qawwa mimlija kuraġġ. Faraġ. Serħan. Tama. U, ħafna u ħafna ferħ! Għiduli ftit ħbieb: x’jista’ isir mingħajr il-ferħ? Illum ngħidilkom: xejn! Il-ferħ huwa dak li jagħti t-togħma lill-ħajja! Immaġina platt sabiħ. U fih għandek minn kollox. Serraħ rasek, minix se ngħidlek x’fih. Iżda aħseb biss fl-ikel li int tħobb tiekol. U, dan il-platt, ikun jonqsu dak in-naqra melħ. Jekk tista’ tieħdu. Inkella dik il-cube li tagħti t-togħma kollha. Fihom infushom la l-melħ u lanqas il-cube m’humiex xi wow! Fil-fatt lanqas kważi tarahom. Daqskemm huma ċkejknin. Imma ħej x’differenza jagħmlu fil-palat!

U int min qallek li fil-ħajja m’humiex l-affarijiet iż-żgħar li, fl-aħħar mill-aħħar, jagħmlu d-differenza kollha? Humiex dawk il-ħwejjeġ li għalina m’huma xejn, tant li ngħidu għalihom: “għal daqshekk?” li jbiddlu kollox. Iva! Għal daqshekk? Għax id-daqshekk iġġib id-daqshekk! Id-daqshekk jgħin jifhem lil dak li jkun li hu jiswa’. Li hu għandu jkun apprezzat. Li xogħlu għandu jiġi stmat. Li l-preżenza tiegħu għandha importanza. U li jekk hu mhux qiegħed hemm l-assenza tiegħu toħloq vojt li ma jista’ jimlieh ħadd.

U kemm dak il-jum, tal-4 ta’ Novembru, mela l-qalb ta’ min kellu l-gazz jieqaf mix-xogħol u jieħu gost japprezzah! Imqar għal waqt wieħed biss! Ħbieb, kemm sirna rasna mgħaddsa ħej! Kemm sirna moħħna u qalbna f’dak li hu tal-art. F’dak li m’hemmx mod ta’ kif tista’ timrah lil hinn minnu. F’dak li hu sqaq li ma jinfidx!

L-alla moħħ ma jwassal għal imkien. Għalkemm huwa sabiħ, u fih il-meravilji, imma malajr jaf jitlifha t-triq miskin. L-għaliex dgħajjef. Malajr jieħu xi puncture fit-triq. U r-roti tal-lastiku tiegħu malajr immorru. Il-moħħ għandu bżonn l-ispirtu biex ikun b’saħħtu tassew. Ħa jogħla ‘l fuq fil-ħsibijiet tiegħu. Ħa jinfetaħ għad-dawl, jew aħjar għall-enerġija, li ma tiġix mill-jien. Minni nnifsi. Minni, li jien tant limitat. Tant li mhux l-ewwel darba li jkolli bżonn min idawwalli moħħi. Għaliex moħħi wkoll jaf jitfixkel u jitlef it-triq.

Le ħbieb! Moħħi għandu bżonn jindifen fid-dawl sabiħ li joħroġ mix-xemx, f’jum sabiħ u xemxi tal-ħarifa. L-għaliex dan id-dawl, daqshekk speċjali, ifakkarni li fil-ħajja, anki fl-eħrex ħarifa, mimlija sħab u xita, jaf jispunta dak il-jum sabiħ li jimlieni bil-ħajja. Anki f’dak ir-riħ isfel li jmarradni u jħarbattli l-wires taf tiġi fuqi dik iż-żiffa li lili ġġagħlni nifraħ. U nidħak bil-kontradizzjonijiet li nsib fija stess. Imma b’daqshekk ma jfissirx li jien għandi nħossni obbligat inħaġġar lili nnifsi. Jew magħfus li nikkundanna lili nnifsi. Inkella misjuq biex naqtagħha għall-mewt lili nnifsi! Le! Dan ifisser li ninfetaħ għal kelma TAMA. Li tfisser maħfra. Bidu ġdid. Ħarsa ‘l quddiem. Kuraġġ inspjegabbli. Qawwa tat-tjubija.

Ħa nfakkrek: li ma nġibhomx jien! Ma noħlomx bihom jien. Iżda jiġu mogħtija lili. Hekk, għax ma jistħoqqlix! L-għaliex il-ħajja m’hijiex xi kont tal-plus u l-minus. Bħal dawk is-somom twal u ma jispiċċaw qatt li konna nagħmlu, meta konna żgħar. Daqqa fuq il-pitazz tar-rigi wiesgħin u, jekk konna ninsewh id-dar, fuq dak tar-rigi dojoq.

Ħbieb, il-ħajja ma fihiex ir-rigi dojoq li jgħassruna. Imma rigi wiesgħin ħafna. Rigi li fihom, int u jien, insibu lilna nfusna f’Dak li jħallina nikbru. Nitgħallmu. Nimmaturaw. Minkejja l-iżbalji tagħna. Għaliex il-ħajja hija skola, imdawla mis-sabar tat-tagħlim u mill-ħlewwa tal-fehma.

Xi ġmiel meta nemmen li anki f’ħajti, minkejja l-kesħa li minnha ngħaddi, hemm lesta għalija ż-żiffa sabiħa taħt sema ikħal nir! Dik iż-żiffa li ġġagħlni nħares, anki jekk bis-serqa, l-għaliex għajnejja ma jtunix, lejn ix-xemx. Dik ix-xemx ħanina li titfa’ fuqi d-dawl tiegħU. Id-dawl tal-imħabba, tas-sempliċità u tas-sliem. Id-dawl tal-maħfra, tal-għaqal u tal-qalb miftuħa għal kulħadd. L-aktar għall-batut. U għal min hu waħdu. Inkella safa iġġudikat mill-ilsien kiefer tan-nies. L-għaliex l-iżball tiegħu sar issa magħruf minn kulħadd.

Iva! Dak il-jum ġagħlni nifhem li l-ħin m’huwiex il-ħin tal-arloġġ. Imma dak li ġej mill-qalba tal-qalb tal-ħajja. Dak li hemm fik u fija. Dak li jagħtina l-ħeġġa biex ngħixu ferħana. Jiġifieri, jgħinna niskopru u nħaddmu l-kapaċità li nħobbu u li nkunu maħbuba. Għal dak li aħna. Għal dak li nistgħu u għandna nagħtu.

Għal min qalbu dejqa dan hu diskors bla sens. Li ma jgħaddix. Għax ma jidħolx minn għajn il-labra. U lanqas ma jgħaddi mit-toqba tal-passatur. Imma, għal min qalbu hija miftuħa għad-dawl tax-xemx tal-jum, dan id-diskors mhux biss huwa possibbli imma huwa l-istess ħajja. U ħajja bil-kotra. U tintebaħ li hu hekk. L-għaliex, meta jingħad, jagħti t-tama lil min jisimgħu. Jarah. Jaqrah.

O jum xemxi fil-ħarifa, iftaħli moħħi ħa jifhem dak li ma nistax nifhem. Qalbi, biex tħoss dak li l-qalb aljenata tiegħi ma tistax tħoss. Ruħi, biex tagħraf tara lil kulħadd bħala iben u bint il-Ħallieq u l-Feddej!

Leave a Reply

%d bloggers like this: