Home > Minn Fr Mario Attard OFM Cap, Ġenerali > Il-Madonna reġgħet lura f’Mater Dei

Il-Madonna reġgħet lura f’Mater Dei


Patri Mario Attard OFM Cap

Min jidħol fil-Kappella ħelwa u mimlija dawl ta’ Mater Dei żgur li jiġbed għan-naħa tal-lemin. Donnu li fuq dik in-naħa hemm kalamità li tiġbed ħafna aktar minn dik li normalment tiġbed lis-sajjetti. Għaliex, fuq in-naħa tal-lemin tal-Kappella, hemm bħal donnha kalamità li tiġbed il-qlub tal-persuni li jidħlu jitolbu f’din il-Kappella sabiħa. U dik il-kalamità m’hija xejn għajr il-qalb kbira, qaddisa u mimlija ħniena ta’ Ommna tas-Sema!

Huma ħafna li jidħlu ħdejn il-Madonna ta’ Lourdes biex jinviżtawha. Jidħlu hemm biex jieqfu ftit quddiemha u jitolbuha titlob għalihom u għall-għeżież tagħhom li mardu. Dan l-att kbir mhuwiex le xi idolatrija, kif jaħsbu xi wħud li jħalltu ħaġa ma’ oħra. L-adorazzjoni tixraq lill-Mulej waħdu! Madankollu dan huwa att ġenwin ta’ min iħobb tassew lil ommu. Jiġifieri dan huwa att ta’ min hu veru uman u veru Nisrani, Kristjan. Dan huwa att ta’ min iħobb lil Dik li, bil-qawwa tal-Ispirtu s-Santu u l-merti tas-salvazzjoni li ġabilha u ġabilna Ġesù Kristu, tnisslu mill-ġdid fil-fidi Nisranija tiegħu b’talbha u bi mħabbitha ta’ omm. Mela, dan huwa att ta’ għarfien tal-ġid kbir li joħroġ għalina minn din Ommna li tahielna Ġesù stess fil-persuna ta’ Ġwanni taħt is-Salib meta qalilna: “Hawn hi ommok” (Ġw 19:27).

Imbagħad, l-evanġelista jgħidilna li, “minn dak il-ħin id-dixxiplu ħadha għandu”. Issa kif id-dixxiplu l-maħbub laqa’ lil Marija bħala l-omm spiritwali tiegħu? L-ewwel, il-kelmiet “minn dak il-ħin”, jirreferu għas-siegħa suprema li fiha Kristu tana mħabbtu fuq is-salib u r-rebħa tiegħu fuq ix-xitan. Mela, dan ifisser li x-xogħol ħellies ta’ Kristu fuq il-Kalvarju issa hu mitmum. Allura d-dixxiplu l-maħbub jista “joħodha għandu”.

It-tieni, tajjeb niftakru li fil-Greek li juża’ San Ġwann il-kelma “tieħu” (lambano), qiegħdha tiġi użata f’rabta ma’ persuna. Mela hawnhekk tfisser “tieħu” tfisser tilqa’ lil xi ħadd personalment, li taċċetta jew li temmen lil dik il-persuna. Fil-vanġelu ta’ San Ġwann din it-tifsira hija spiss użata biex tfisser lil xi ħadd li qed jilqa’ lil Kristu fil-fidi (ara Ġw 1:12; 5:43; 13:20). Mela, meta t-test qiegħed jgħidilna li d-dixxiplu l-maħbub “ħa” lil Marija dan ma jfissirx li hu ħadha fi vjaġġ lejn xi post speċifiku. Le! Iżda dan ifisser merħba personali ta’ Marija f’ħajtu. Ejjew niftakru li Ġesù poġġa lid-dixxiplu l-maħbub f’relazzjoni ta’ iben-omm ma’ Marija (“Hawn hi ommok”). Għalhekk, meta d-dixxiplu l-maħbub “qed jieħu” (lambano) lil Marija l-evanġelista Ġwanni qed juri li d-dixxiplu qed jilqa’ bil-ferħ lil Ommna Marija f’din ir-relazzjoni l-għaliex qed jilqagħha bħala ommu.

Imbagħad “id-dixxiplu ħadha għandu”. L-espressjoni oriġinali Griega tfisser letterament “f’tiegħu” jew “fl-affarijiet li kienu tiegħu”. Il-vanġelu skont San Ġwann juża’ din l-espressjoni biex jiddeskrivi nies Ġesù (Ġw 1:1), in-nagħaġ tiegħu (Ġw 10:4), jew id-dixxipli tiegħu (Ġw 13:1). Tajjeb ngħidu li fi Ġwanni 13 il-kelmiet “tiegħu” jiddeskrivu komunjoni profonda u personali mad-dixxipli tiegħu. Mela meta d-dixxiplu l-maħbub qed jilqa’ lil Marija “għandu” mhux sempliċiment qed joħodha għandu d-dar. It-tifsira ta’ din il-frażi hija bil-wisq aktar u profonda minnhekk! Il-vanġelu ta’ San Ġwann huwa ikkonċernat fuq xi ħaġa ħafna aktar fil-fond u ta’ valur milli sempliċiment biex jirrakkuntalna fejn Marija marret toqgħod. Mela, meta d-dixxiplu l-maħbub ħa lil Marija “għandu” jfisser li ħadha f’xi ħaġa ħafna iżjed profonda u spiritwali. Id-dixxiplu l-maħbub jilqa’ lil Marija f’komunjoni profonda u personali. Jiġifieri f’dik il-komunjoni li tgħinu jilqa’ lil omm Ġesù bħala ommu stess. Huwa jilqa’ lil Marija bħala waħda minn “tiegħu”.

Dan hu eżattament li jkunu qiegħdin ifissru l-ħafna nies li, quddiem ix-xbieha sabiħa tal-Madonna ta’ Lourdes, fil-Kappella ta’ Mater Dei, bil-fidi sempliċi imma soda daqs il-blat tagħhom, jirrikorru lejn Marija, is-Saħħa tal-Morda, biex tidħol għalihom hi fl-hemm u n-niket tagħhom.

Kemm jolqotni l-kliem sabiħ u qawwi li kiteb San Ġwann Pawlu II, fl-Ittra Appostolika tiegħu dwar xi tfisser għan-Nisrani it-tbatija tal-bniedem, Salvici Doloris, tbatija għas-salvazzjoni, meta jgħid: “L-imqaddsa Verġni Marija, għaliex kienet ħdejn is-Salib u kienet qiegħda tbati flimkien ma’ Binha, tat kontribut liema bħalu għal dan l-Evanġelju tat-tbatija, u ma’ Binha kitbet kemm-il paġina minnu u wettqet f’ħajjitha, minn qabel, kliem San Pawl li semmejna fil-bidu ta’ din l-ittra appostolika. Marija, għalhekk, għandha raġuni tassew speċjali biex tgħid li qiegħda “ttemm f’ġisimha – kif ġa temmet f’qalbha – dak li jonqos mit-tbatijiet ta’ Kristu” (nru. 25).

Marija qiegħdha miegħek fil-mard. Hija tbati miegħek fil-mard tiegħek għaliex hi Ommok tassew! Hi mhux tippriedkalek u tpaċpaċlek imma tħobbok! Meta tkun Mater Dei ejja itlobha. Qed tistenniek! Għalhekk twennes mill-imħabba materna tagħha waqt li titlobha titlob għalik quddiem l-istatwa restawrata tal-Madonna ta’ Lourdes li, l-Patrijiet Kapuċċini li jaħdmu f’dan l-Isptar, b’tant imħabba lejn Marija, għadhom kemm irrestawraw għalik li qed tbati. Biex jgħinuk tirċievi l-konsolazzjoni tal-Mulej minn idejn Marija Ommok, il-Faraġ ta’ l-imnikktin!

  1. No comments yet.
  1. No trackbacks yet.

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out / Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out / Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out / Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out / Change )

Connecting to %s

%d bloggers like this: