Il-Messaġġ tal-Arċisqof fl-okkażjoni ta’ ‘Milied Flimkien’


It-Tlieta 20 ta’ Diċembru 2016: L-Arċisqof Charles J. Scicluna wassal il-messaġġ tiegħu flimkien mal-ogħla awtoritajiet tal-Istat, fl-okkażjoni ta’ ‘Milied Flimkien’, fi Pjazza Kastilja, il-Belt Valletta.

Messaġġ tal-Arċisqof Charles J. Scicluna
Pjazza Kastilja, Il-Belt Valletta

Eċċellenza President tar-Repubblika, Sur Preca,
Onorevoli Prim Ministru u Sinjura Muscat,
Onorevoli Kap tal-Oppożizzjoni, insellem lilek ukoll Sinjura Christina.

Insellem lil kull min anke qed isegwina permezz ta’ TVM, nirringrazzja ħafna lit-tfal li qegħdin hawn u li qed jallegraw din is-serata bil-mużika u l-kant. Jiena nixtieq nagħmel dan il-ħsieb qasir dwar il-messaġġ li l-anġli taw lir-rgħajja dakinhar li twieled Ġesù Bambin u ħabbrulhom din l-aħbar. “Glorja ‘l Alla fl-għoli tas-smewwiet u paċi fl-art lil bnedmin ta’ rieda tajba” (Lq 2, 14), lill-bnedmin li Alla jħobb.

Aħna nixtiequ nagħtu glorja lil Alla, imma nixtiequ lkoll kemm aħna dan id-don sabiħ tal-paċi fl-art. Laqatni ħafna wkoll, u nixtieq nirringrazzja lill-Gvern Malti, anke fil-persuna tal-Prim Ministru, tal-inizzjattiva li fi pjazza San Pietru din is-sena hemm il-presepju Malti, xogħol tal-Għawdxi Manuel Grech. Ħdejn il-Bambin Ġesù, Manuel Grech poġġa anġlu u fuq biċċa drapp, f’idejh hemm miktub “Paċi fl-Art”.

Dawn l-avvenimeni tal-aħħar siegħat, kif qal anke l-Onorevoli Kap tal-Oppożizzjoni, ifakkruna f’dan il-bżonn kbir tal-paċi. Imma l-paċi tibda fil-qalb tagħna, billi naħfru lilna nfusna, naħfru lil xulxin u kemm jista’ jkun nippruvaw inwittu t-triq għall-maħfra ta’ bejnietna.

Nixtieq nagħmel appell ukoll, biex mhux biss fi żmien il-Milied, imma anke matul is-sena, nagħmlu ħilitna biex nevitaw kliem ta’ mibgħeda fuq xulxin. Bl-ingliż jgħidulu ‘hate speech’. Aħna hawnhekk prattikament kollha attakkati bih – il-Prim Ministru mod, il-Kap tal-Oppożizzjoni mod, il-President mod, l-Arċisqof mod ieħor. Imma jiena naf li anke fostna, mhux biss il-leaders, hemm min ibati minħabba l-ilsien ħażin ta’ ħaddieħor. Aħna u nippruvaw nagħmlu ħilitna biex fil-ġranet tal-Milied, kliemna jkun ta’ rażan, nagħmlu ħilitna wkoll biex dan l-istaġun inkomplu nagħmluh matulek ja sena.

Jiena nawgura lilkom ilkoll paċi u sikurezza. Nixtieq nirringrazzja lill-awrtoritajiet tagħna, li jassikuwna din is-sikurezza, u nitolbu lill-Mulej jeħlisna minn din il-kefrija ta’ min jixtieq id-deni lill-għajru, filwaqt li nibqgħu nitolbu għall-paċi fid-dinja u għall-vittmi tal-vjolenza. Nagħmlu ħilitna biex aħna fiċ-ċokon tagħna, kulħadd mill-qalb tiegħu, fid-dar tiegħu, fuq il-post tax-xogħol, fuq il-media, noħolqu kultura ta’ paċi u nevitaw il-mibgħeda. “Glorja ‘l Alla fl-għoli tas-smewwiet u paċi fl-art lil bnedmin ta’ rieda tajba” (Lq 2, 14). Milied ħieni mimli barka tal-Mulej.

✠ Charles J. Scicluna
Arċisqof ta’ Malta

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

w

Connecting to %s

This site uses Akismet to reduce spam. Learn how your comment data is processed.