Bħax-xemgħa


Patri Mario Attard OFM Cap

Dan l-aħħar f’Noticeboard partikulari rajt miktub dan il-kliem sabiħ li tant għamilli ġid: “Nies twajba huma bħax-xemgħa, jintfew huma biex jagħtu dawl lil ħaddieħor”.

Aktar mal-Mulej jagħtini grazzja li niltaqa’ man-nies, u allura aktar nitgħallem fil-ħajja, aktar qed nintebaħ kemm f’pajjiżna hawn nies li jagħmlu ġid kbir fis-skiet. In-nies tal-backstage. In-nies ta’ wara l-kwinti. Huma ħafna dawk li jħobbu jidhru. Fil-ħajja soċjali u fil-Knisja stess. Il-bniedem li jħobb jidher ma tantx iħalli rima sabiħa warajh. Anzi! Il-ħin kollu jċaqlaq. Għax mhux naturali li persuna tisraq ix-xena kollha hi meta, fil-fatt, ikun hemm ħafna oħrajn li jkun jistħoqqilhom ikunu parti minn dik ix-xena.

Il-bniedem kbir huwa dak li, fis-skiet, mingħajr ħafna daqq tat-trombi, jħalli differenza kull fejn ikun. Kemm niltaqa’ ma’ nies li din it-tagħlima jgħallmuhieli! Il-ħin kollu! Bħalissa qed niftakar f’dak li jagħmillek tazza kafè bit-tbissima. Inkella jippreżentalek żewġ biċċiet ħobż mixwija u maqtugħa b’tant delikatezza u eżattezza. Imbagħad tarah inaddaflek il-ħanut sa ma jġibu nadif xummiema. U dejjem hemm, mingħajr tgergir. Dejjem bit-tbissima fuq wiċċu. Għaliex jemmen fis-sentenza serve with a smile. Aqdi bi tbissima.

X’differenza għal min dejjem qisu l-imdamdam. Li, biex jagħik servizz, irid jaqlagħlek ruħek. U, fuq wiċċu, dejjem bil-ħarsa imdejqa. Igerger. U jisħet xortih l-għaliex qam! Dejjem jara l-interessi tiegħu u qatt tal-oħrajn! Mà x’qerda! Il-Mulej jeħilsek minn nies hekk!

Tiġini f’moħħi dik il-mara li, għalkemm hija miżżewġa u omm, bi tfal żgħar, il-ġurnata tax-xogħol tagħha araha tagħtiha sal-inqas qattra. It-telefon tal-uffiċċju tagħha dejjem għaddej. Letteralment tissallab biex taqdi lin-nies. Saħansitra tathom in-numru tal-mobile tagħha. Basta taqdihom! Ħallieha li meta qdiethom lanqas biss ċemplulha u qalulha: “Ħanżir! Grazzi!” Ippretendew u ma apprezzawx! Imma hi ottimista fuq il-ħajja. U kieku qatt moħħha fil-problemi tagħha. Issa hi problemi għandha. Bħalma għandna int u jien. Iżda hi tiffoka fuq kif se tgħin. Ġieli tgħidli: “Jien minni hekk!” Imma illum, għażiża oħti, ngħidlek: “Le! Int tiftaħ qalbek għall-qalb ħanina tal-Mulej. U huwa hu li jaħdem fik u bik!”

Il-lista tista’ tibqa’ sejra u sejra. Nies kbar fis-soċjetà u fil-Knisja, jagħtu ħajjithom għall-proxxmu tagħhom. Mingħajr ħafna fanfarri. Nies li, ġieli waqt il-mistrieħ tagħhom stess, dak il-mobile iċemplilhom. U minflok li jibqgħu nkullati mal-filosofija tal-qjies sal-inqas xiber u tal-legaliżmu li jkisser it-tajjeb li jkun għad fadal, arahom jinżlu ħa jgħinu. Ħa jissapportjaw. Ħa jfarrġu. Ħa joffru triq mimlija tama. L-għaliex il-karità m’għandhiex ħinijet. Lanqas timetables. Jiġu mumenti fejn il-pjanijiet A jkun hemm bżonn jitwarrbu għal kollox. L-għaliex ma jagħtux frott. U aħna nafu, għal min jaqra l-Kelma t’Alla b’qalb miftuħa u b’moħħ ħieles, li l-Mulej, ħafna drabi, jaħdem bi pjan B!

Bħalissa jiġini dak il-kliem sabiħ li kien qal lilna s-saċerdoti l-Papa Franġisku: “Araw il-qalb li tfittex: hi qalb li ma tipprivatizzax il-ħinijiet u l-ispazji. Ħażin għal dawk ir-ragħajja li jipprivatizzaw il-ministeru tagħhom! M’hux għajjur għat-trankwillità leġittima tiegħu – leġittima, qed ngħid, lanqas għal dik –, u qatt ma jippretendi li ma jtellfuhx. Ir-ragħaj skond il-qalb ta’ Alla ma jiddefendix il-kumditajiet tiegħu, ma joqgħodx jaħseb kif ħa jiddefendi l-fama tajba tiegħu, imma jisfa kkalunnjat, bħal Ġesù. Bla ma jibża’ mill-kritika li ssirlu, hu dispost li jirriskja, basta jkun jixbah lill-Imgħallem tiegħu. ‘Henjin intom, meta jgħajrukom u jippersegwitawkom… (Mt 5:11).”

Dan il-kliem huwa ta’ kuraġġ għal min qed jaqdi minn qalbu lin-nies. Għal min tikkuntattjaħ u jwieġbek dejjem u fl-inqas żmien. Għal min ma jġibhielekx bi kbira biex jisimgħek, jifhmek u jgħinek. Għal min anki jekk ikkalunjat mill-bnedmin quddiem il-Mulej qiegħed fis-sewwa. Għal min jiġi ikkritikat l-għaliex jirriskja jkun man-nies. F’kelma waħda għal min, bħax-xemgħa, jintefa’ biex jagħti d-dawl lil ħaddieħor!

Ħażin għal min joħodha kontra dawn in-nies. Hu min hu! L-għaliex isib lill-Mulej tal-ġustizzja quddiem wiċċu ħa jagħmel ħaqq minnu hu. U l-ġudizzju tal-Mulej rett! Mela, nies bħal dawn, napprezzawhom, nipproteġuhom, nipprommovuhom, nagħtuhom ġieħ u nimxu fuq l-eżempju tagħhom!

  1. No comments yet.
  1. No trackbacks yet.

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out / Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out / Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out / Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out / Change )

Connecting to %s

%d bloggers like this: