Katekeżi Tama Nisranija, Papa Franġisku, Udjenza Ġenerali

It-twelid ta’ Ġesù, għajn ta’ tama


3. Katekeżi dwar it-Tama Nisranija mill-Papa Franġisku. 21 ta’ Diċembru 2016.

Għeżież ħuti, l-għodwa t-tajba!

Xi żmien ilu bdejna l-mixja ta’ katekeżi fuq it-tema tat-tama, hekk adatta għal żmien l-Avvent. Sa issa mexxiena l-Profeta Isaija. Illum, ftit jiem qabel il-Milied, nixtieq nirrifletti b’mod iżjed speċifiku fuq il-mument li fih, biex ngħidu hekk, it-tama daħlet fid-dinja, bl-Inkarnazzjoni tal-Iben ta’ Alla.

L-istess Isaija kien ħabbar sa minn qabel it-twelid tal-Messija f’xi siltiet: “Araw, ix-xebba titqal u tiled iben, u ssemmih Għimmanu-el” (7:14); u anki: “Għad toħroġ fergħa miz-zokk ta’ Ġesse, għad tinbet rimja minn għeruqu” (11:1). Minn dawn is-siltiet toħroġ it-tifsira tal-Milied: Alla jwettaq il-wegħda billi sar bniedem; ma jitlaqx lill-poplu tiegħu, jersaq qrib tagħna billi anki jitneżża’ mid-divinità tiegħu. Hekk Alla juri l-fedeltà tiegħu u jniedi Saltna ġdida, li tagħti tama ġdida lill-bnedmin. U liema hi din it-tama? Il-ħajja ta’ dejjem.

Meta nitkellmu fuq tama, spiss inkunu nirriferu għal dak li mhux taħt is-setgħa tal-bniedem u li ma jidhirx. Fil-fatt, dak li nittamaw fih imur lil hemm mis-saħħa tagħna u minn dak li għandna l-ħila naraw. Imma t-Twelid ta’ Kristu, bl-inawgurazzjoni tal-fidwa, ikellimna fuq tama differenti, tama li tista’ torbot fuqha, li tidher u tinftiehem, għax hi mwaqqfa f’Alla. Hu jidħol fid-dinja u jagħtina l-qawwa li nimxu miegħu: Alla jimxi magħna f’Ġesù u jekk nimxu miegħu lejn il-milja tal-ħajja dan jagħtina l-qawwa li ngħixu b’mod differenti l-preżent, anki jekk mhux nieqes mit-taħbit. Għalhekk, għan-Nisrani, li jittama jfisser iċ-ċertezza li nimxu ma’ Kristu lejn il-Missier li qed jistenniena. It-tama qatt mhi wieqfa, it-tama dejjem miexja u tridna nimxu. Din it-tama, li tagħtina t-Tarbija ta’ Betlehem, toffri destinazzjoni, destin tajjeb għall-preżent, is-salvazzjoni lill-bnedmin, l-hena lil min jintelaq f’idejn Alla ħanin. San Pawl jiġbor dan kollu fl-espressjoni: “Aħna salvi bit-tama” (Rum 8:24). Jiġifieri, mixjin f’din id-dinja, bit-tama, aħna salvi. U hawn kull wieħed u waħda minna jista’ jistaqsi lilu nnifsu: Jien miexi bit-tama, jew il-ħajja interjuri tiegħi hi wieqfa, magħluqa? Qalbi hi kexxun magħluq jew kexxun miftuħ għat-tama li tmexxini mhux waħdi, imma ma’ Ġesù?

Fid-djar tal-Insara, matul iż-żmien tal-Avvent, jitħejja l-presepju, skont it-tradizzjoni li tmur lura sa San Franġisk ta’ Assisi. Fis-sempliċità tiegħu, il-presepju jittrasmetti t-tama; kull wieħed mill-persunaġġi hu mgħaddas f’din l-atmosfera ta’ tama.

Qabel xejn ninnutaw il-post li fih jitwieled Ġesù: Betlehem. Belt ċkejkna tal-Lhudija fejn elf sena qabel kien twieled David, ir-ragħaj żagħżugħ maħtur minn Alla bħala sultan ta’ Israel. Betlehem mhix kapitali, u għalhekk hi ppreferuta mill-Providenza divina, li tħobb taħdem permezz taċ-ċkejkna u l-umli. F’dak il-post jitwieled “bin David” l-hekk mistenni, Ġesù, li fih jiltaqgħu t-tama ta’ Alla u t-tama tal-bniedem.

Imbagħad inħarsu lejn Marija, Omm it-tama. Bl-“iva” tagħha hi fetħet lil Alla l-bieb tad-dinja tagħna: il-qalb żagħżugħa tagħha kienet mimlija bit-tama, imqanqla kollha kemm hi mill-fidi; u hekk, Alla għażilha sa minn qabel u hi emmnet il-kelma tiegħu. Dik li għal disa’ xhur kienet l-arka tal-Patt il-ġdid u li jibqa’ għal dejjem, fl-għar tikkontempla t-Tarbija u tilmaħ fiha l-imħabba ta’ Alla, li jiġi biex jifdi lill-poplu tiegħu u lill-bnedmin kollha. Biswit Marija hemm Ġużeppi, li ġej min-nisel ta’ Ġesse u ta’ David; anki hu emmen kliem l-anġlu, u meta jħares lejn Ġesù fil-maxtura, jimmedita kif dik it-Tarbija ġejja mill-Ispirtu s-Santu, u kif Alla nnifsu amarlu jsejjaħlu hekk, “Ġesù”. F’dak l-isem hemm it-tama għal kull bniedem, għax permezz ta’ dak l-iben ta’ mara, Alla sa jifdi lill-bnedmin kollha mill-mewt u mid-dnub. Għalhekk importanti nħarsu lejn il-presepju!

U fil-presepju hemm ukoll ir-ragħajja, li jirrappreżentaw lill-umli u l-foqra li kienu jistennew il-Messija, il-“faraġ ta’ Israel” (Lq 2:25) u l-“fidwa ta’ Ġerusalemm” (Lq 2:38). F’dik it-Tarbija jaraw it-twettiq tal-wegħdiet u jittamaw li s-salvazzjoni ta’ Alla sa fl-aħħar tilħaq lil kull wieħed minnhom. Min jorbot fuq is-sigurtajiet tiegħu nnifsu, fuq kollox dawk materjali, ma jistenniex is-salvazzjoni ta’ Alla. Ħa ndaħħluha f’rasna: is-sigurtajiet tagħna mhux sa jsalvawna; l-unika ċertezza li tista’ ssalvana hi dik tat-tama f’Alla. Issalvana għax hi qawwija u tmexxina bil-ferħ fil-ħajja, bir-rieda li nagħmlu l-ġid, bir-rieda li nkunu hienja għal dejjem. Imma ċ-ċkejknin, ir-ragħajja, jafdaw f’Alla, jittamaw fih u jifirħu meta jagħrfu f’dik it-Tarbija s-sinjal muri lilhom mill-anġli (ara Lq 2:12).

U sewwa sew il-kor tal-anġli jħabbar mill-għoli l-pjan kbir li jitwettaq f’dik it-Tarbija: “Glorja lil Alla fl-għoli tas-smewwiet u paċi fl-art lill-bnedmin, li huwa jħobb” (Lq 2:14). It-tama Nisranija tesprimi ruħha fit-tifħir u r-radd il-ħajr lil Alla, li ġabilna s-Saltna tiegħu ta’ mħabba, ta’ ġustizzja u ta’ paċi.

Għeżież ħuti, f’dawn il-jiem, aħna u nikkontemplaw il-presepju, ejjew nitħejjew għall-Milied tal-Mulej. Tkun tabilħaqq festa jekk nilqgħu lil Ġesù, żerriegħa ta’ tama li Alla jixħet fix-xquq tal-istorja personali u komunitarja tagħna. Kull “iva” lil Ġesù li ġej hi żerriegħa ta’ tama. Ħa jkollna fiduċja f’din it-tama li għad twarrad, f’din l-iva: “Iva, Ġesù, int tista’ ssalvani, int tista’ ssalvani”. Il-Milied it-tajjeb ta’ tama lil kulħadd!

Miġjub mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

w

Connecting to %s