Il-fra li għamel differenza

Print Friendly, PDF & Email

Patri Mario Attard OFM Cap

L-ewwel darba li rajtu lanqas kont biss għadni naf bil-Patrijiet Kapuċċini. Niftakarni li kont rajtu fl-Ajruport. Sejjer lejn il-Kenja. Niftakru jgħid lil wieħed mill-postulanti ta’ dak iż-żmien: “Isa! Ċaqlaq!” Ma ttihx tort. Kienu mgħaġġlin. Kien hemm ħafna nies l-ajruport.

Iż-żmien laqqagħni miegħu. Niftakru jirritorna mill-Kenja. Xorta waħda kien għadu ħija li ma kontx naf. Sakemm, b’riżultat tal-ubbidjenza li ħarġet mill-Kapitlu tas-sena 2013, il-Mulej ried li hu u jien inkunu fl-istess Fraternità, jiġifieri dik ta’ Sant’ Antnin f’Għajn Dwieli.

Lil Fra Joe Vella OFM Cap nafu f’dawn it-tlett snin li qattajna flimkien. Kemm kont nammira s-sens pożittiv li kellu lejn il-ħajja. Fra Joe ma kien jaqta’ qalbu minn xejn. Sakemm saħħtu baqgħet tagħtih baqa’ dejjem il-Fra daħkan, mimli ħajja, u li jara dejjem il-pożittiv. Għadni u nibqa’ napprezza s-sens kbir ta’ disponibbiltà li kellu. Mhux l-ewwel darba li kien joffri ruħu biex iwassalni lejn l-Isptar bil-għan li naħdem ix-xift ta’ billejl. Anzi. Mhux talli ma kienx jistenna li ngħidlu jien talli hu, minn rajh, kien jgħidli: “Mar! Illejla għal ta’ billejl? Fil-każ stennieni fis-seba’ ħdejn il-kċina”. U, mal-ħaġra t-tajn tafux! L-għaliex fil-ħin stabbilit kont insibu hemm, jistennieni!

Fra Joe, li kien jaf mill-bawxata li għaddejt f’saħħti, spiss kien jgħidli: “Strieħ Mar! Titħabatx iż-żejjed”. Kienet tkun l-għaxqa tiegħi li, fil-karozza, noqgħodu nitħaddtu. Inkella wara l-ikla ta’ nofsinnhar jew fil-ħin tal-kafè. Fra Joe kellu ħafna rakkonti x’jirrakkonta mill-ħajja missjunarja tiegħu. Darba minnhom kien se jiġi maqtul. Niftakru jgħidli: “Meta l-ħalliel kellu subgħajh fuq it-trigger mill-ewwel bdejt nitlob l-att tal-indiema. Ħajti, f’dak il-mument, rajtha għaddejja minn quddiemi qisha film. Ftit kienu l-waqtiet li bżajt f’ħajti. Imma dan kien tabilħaqq wieħed minnhom”.

Meta kont miegħu fil-kunvent ta’ Għajn Dwieli Fra Joe kienet l-għaxqa tiegħu li f’kamartu jkollu lil Brawna, il-kelba ħelwa li kellna l-kunvent. Brawna kienet tassew sabiħa. Kienet tħobb tiġi titfissed. Imma ma’ Fra Joe din il-kelba kellha rabta speċjali. Kemm kienet tħobbu! U tibżax! Hu ukoll kien iħobbha! Mhux biss l-għaliex kien iħobb iżoqqha imma wkoll l-għaliex, fil-jiem sbieħ tar-rebbiegħa, kien joħodha miegħu fil-ġardina tal-kunvent. U hemmhekk, eżatt wara l-ikla ta’ nofsinnhar, Fra Joe u l-kelba kienu jintasbu għall-qiegħa tax-xemx. Kemm kont niggustah jiddixplinaha. Ara li kieku kont ngħidilha xi ħaġa jien lili Brawna ma tantx kienet tikkalkulani. Imma lil Fra Joe kienet tieħu b’ħafna serjetà. U bir-raġun! Daqskemm kien iħobbha!

Passatemp li kien ifakkarni fi Fra Joe kien dak tal-kollezzjoni tal-bolli. Kemm kont niggustah jitfa’ l-bolli taħt il-lenti u joqgħod jifliehom. Waħda waħda. Xogħol bħal dak jitlob ħafna ħin. Imma għal Fra l-ħin kien letteralment jieqaf. L-għaliex, quddiem dawk il-bolli, hu kien jidħol f’dinja oħra. Dinja tassew sabiħa. Dinja ta’ avventura. Ta’ riċerka. Ta’ sejba. Ta’ stennija. B’dan ix-xogħol Fra Joe baqa’ jgħin lill-missjoni li tant baqa’ jħobb sal-aħħar ta’ ħajtu.

Fra Joe kien iħobb ukoll jittajjar fl-ambjent ekkleżjali. L-aktar fil-gruppi! B’liema mħabba kien imur għall-katekeżijiet li toffri l-Mixja tan-Neokatekumenali! Kemm kien jattendihom bil-qalb! U mbagħad, meta kien beda l-komunità, arah ikun minn ta’ quddiem nett biex jipprepara hu stess għall-ħutu fil-komunità . Fra Joe kien bniedem li jgħix l-isfida. U kien jgħixha bl-akbar trankwillità.

Il-mard ma jaħfirha lil ħadd. Lanqas lil Fra twajjeb bħalma kien Joe. Madankollu, anki jekk il-mard ħabtu sewwa, Fra Joe baqa’ dejjem ottimist. Baqa’ japprezza ħafna lil dawk li kienu għenuh. L-aktar lil Patri Raymond Bonnici OFM Cap, il-Gwardjan ta’ Għajn Dwieli, li tant ħa ħsiebu u waqaf miegħu.

Dan il-Fra ħelu, ċajtier u ta’ qalb tajba, jibqa’ mniżżel u mnaqqax sewwa f’qalbi! L-eżempju tiegħu jurini li fil-ħajja, meta jkollok qalb kbira u saqajk mal-art, tkun effettiv bil-bosta!

Grazzi Joe ta’ ħajtek! Grazzi ta’ kemm kuraġġ tajtni bl-umoriżmu u l-kuraġġ tiegħek. Grazzi Joe li f’ħajti għamiltli differenza. Għallimtni ma nparlax żejjed u nħobb bil-fatti. Il-Mulej jagħtik il-mistrieħ ta’ dejjem. Itlob għalija! Itlob għalina!

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading