Patri Mario Attard OFM Cap
Dan l-aħħar xi ħadd għoġbu jibgħatli kanzunetta mill-isbaħ. Il-mużika tagħha waqqfittli widnejk biex nismagħha. Filwaqt li l-lirika tagħha ssammrittni!
Qiegħed nirreferi għall-kanzunetta pop ballad, xogħol eċċezzjonali tal-band Svediża Rednex, Hold Me for a While.
Din id-diska ħarġet mit-tieni album tagħhom, li jismu, Farm Out. Fil-fatt, Hold Me for a While hija l-aħħar kanzunetta li illanċjat, b’mod mill-aqwa, lill-kantanta ta’ ħila kbira Żvediża, Whippy (jew aħjar Mia Löfgren). Meta smajt din il-kapolavur ta’ kanzunetta ma stajtx ma taqbizlix demgħa. Moħħi ġera fid-dinja diskografika. Din il-kanzunetta fakkrittni f’kapolavur ieħor tal-kanzunetta pop Taljana tal-magħruf grupp Pooh: Ho tanta voglia di lei.
Il-ġenjalità ta’ Whippy fakkrittni fil-weġgħat li hawn madwarna. Kemm hawn relazzjonijiet li, għal xi raġuni jew oħra, mietu. Ġieli jmutu waqt li jaħbtu ħa jinżergħu! Teżiżti lista twila ta’ sentimenti li joħorġu wara li relazzjoni tispiċċa. Il-litanija taf tinkludi: niket, rabja, frustrazzjoni, konfużjoni, dwejjaq, aġitazzjoni, riżentiment, umiljazzjoni, stupidità, suspett, mistħija, għeluq, furja, tradiment, miżerabbiltà, iżolament u l-bqija. Dawn, u ħafna oħrajn, jafu jinbtu meta mħabba tieqaf ħesrem.
U ejja inwessgħu l-orizzonti tagħna u ma niffukawx biss fuq romantiċiżmu. Anki ħbiberija, li jaf tkun ilha s-snin, meta tintemm ħesrem tħalli ħafna uġiegħ warajha. L-għaliex kulħadd, mill-Papa l-isfel, jixtieq li jħobb u jkun maħbub. Kulħadd, hi x’inhi l-orjentazzjoni sesswali tiegħu u tagħha, jixtieq u tixtieq, li fil-ħajja ikun hemm iva persuni, almenu persuna waħda, li għaliha jew għalih, jien speċjali. Li d-dinja m’hijiex l-istess mingħajri. Li ħajtu u ħajjitha tieħu daqqa lura jekk jien ma nkunx preżenti fiha. Ħalli miegħu u magħha niċċelebraha. Ovvjament dan id-diskors irid ikun reċiproku. L-għaliex l-imħabba, bħall-pompa li tirrappreżenta, hija l-qalb tal-bniedem, li tirċievi d-demm biex tagħtih. Jiġifieri tirċievi l-imħabba, li hi l-istess ħajja tiegħi u tiegħek, biex tagħtiha lura lil min tħobb. Ħalli dik l-imħabba terġa’ tiġi lura għandi biex nerġa’ nagħthielek b’aktar qawwa u persważjoni. U hekk int issaħħaħ lili u jien insaħħaħ lilek.
Sabiħa kemm hi sabiħa din ix-xbieha r-rejaltà mfarrka tal-ħajja turina xorta oħra. Kemm-il tgħanniqa tajna, b’qalb kbira u tbaqbaq bl-imħabba, u dik it-tgħanniqa daret fuqi u fuqek bħall-boomerang u spiċċat daqqa ta’ sieq? Inkella daqqa ta’ ponn? Jew agħar, ħafna agħar, daqqa ta’ stallett? Għax, u ngħiduha kif inhi ħbieb, kieku tajtni daqqa ta’ stallett kont immur niddewwa f’xi poliklinika inkella fl-Isptar. Imma ħej meta qbadt tgħajjarni b’li għandi u b’li m’għandix, meta bgħattni nsaqqi ma nafx fejn u ma nafx xiex, meta xerridtni ma’ kulħadd qisni kont l-agħar delinkwent u delinkwenta, meta dawwart il-fiduċja tiegħi fik f’loud speaker biex bih tagħmel spettaklu bija fejn ridt u fejn jogħġbok, allura issa qed noqgħod lura. Minix nafdak. Ma nistax niftaħ qalbi miegħek iżjed.
Din hija l-esperjenza siekta tal-parti kbira minnha. Dik it-tgħanniqa li darba tajna u rċevejna issa saret għalina morsa tal-eħrex azzar mimlija imsiemer ippuntanti. Għalhekk nibżgħu inħobbu. L-għaliex nibżgħu inweġġgħu. Nibżgħu li ħaddieħor mhux se japprezzana. Nibżgħu li se nerġgħu nispiċċaw mormija. U allura kif tirriduċi l-imħabba li hemm fija? Hawn min jidħol fi ħbiberija ta’ konvenjenza. Sakemm taqdini jiena ħabib u ħabiba. Wara li nkun ħadt li ridt minnek naħarbek, ‘il bogħod ‘il bogħod. Inkella, jekk qed infittex imħabba totali, u nara li ma nsibx, niddakkar mill-kultura ta’ uża u armi. Daqqa mort ma’ dik u daqqa ma’ dak. Insomma, l-aqwa li nqdejt. Ħallieha li l-“qadja” tikkawżali ġerħa fuq oħra. Sintendi, barra li nweġġa’ lill-persuna l-oħra.
Imma le! Hemm tgħanniqa li m’hijex ta’ lejl. Mument. Iżda ittul is-snin. Eternità! Meta tħossok waħdek, u tixtieq li tħoss lil min iħobbok u jgħannqek, mhux għal ftit iżda għal dejjem, dur lejn Ġesù, u għidlu b’fidi kbira: GĦANNAQNI MULEJ!
Għal min jemmen jaf li l-Mulej Ġesù din jagħmilha. U, t-tgħanniqa tiegħu, twassal għal dejjem.
Jekk int xettiku/xettika, xorta fil-ħajja, xi darba, se jittraduk. Tikkonfondix! Sejjaħ lil Ġesù ħa jgħannqek. U jgħannqek… Għal dejjem…