Home > Minn Fr Mario Attard OFM Cap, Ġenerali > Presepju qalb il-pazzjenti

Presepju qalb il-pazzjenti


Patri Mario Attard OFM Cap

Kif tidħol mill-bieb ewlieni tal-Isptar Mater Dei ma tistax taqbżu. L-għaliex, jekk imqar tipprova, m’għandux qalb li jħallik għaddej u għaddejja indifferenti. Jgħajjatlek. Ikellmek. Jisimgħek. Jitimgħek. Jisqik.

Il-presepju! L-ambjent sempliċi li jmur lura tant snin, sewwasew elfejn sena ilu. Idaħħlek f’dinja għal kollox sempliċi. Xejn ikkumplikat. Inkella studjat. L-għar u l-pajsaġġ tiegħu jaffaxxinawk. Iħolluk. M’għandekx bżonn ħafna cards u appuntamenti biex tarah. Tista toqgħod quddiemu fi x’ħin trid. Għal kwiet. Fejn ħadd ma jtellfek. ‘Il bogħod mill-għagħa tan-nies li dejjem deħlin u ħerġin f’dan l-isptar daqshiex.

Jiena wkoll għandi x-xorti li ngħaddi ftit sa ħdejh. Nieqaf ftit. Ħa nistrieħ fil-preżenza tiegħu. Nistrieħ mill-ħafna stejjer li nisma’. Nistrieħ mill-ġiri ‘l hawn u l’hemm tal-iswali, f’kurituri li taħsibhom ma jispiċċaw qatt. Dejjem miexi, miexi, miexi… Imma, għad-dell ta’ dan il-presepju sabiħ, maħdum b’tant maestrija mis-Sur Charlie Coleiro, insib il-paċi ta’ qalbi. Forsi tgħidli: “Mhux bilfors Patri? Mela l-istatwi qatt jistgħu jikkuntrarjawk? Dawk dejjem raġun jagħtuk. Lanqas biss jistgħu jiftħu ħalqhom!” Nifhmek sieħbi. Iżda ma naħsibx li hu l-każ l-għaliex ma jitkellmux. Naħseb li aktar l-għaliex, fil-verità, jitħaddtu ħafna. U ħafna aktar milli naħsbu.

Kull pastur qed jgħidli xi ħaġa. Kull pastur għandu l-istorja tiegħu. Storja li m’għandhiex għalfejn tissemma fl-aħbarijiet. Għalkemm, dawk tal-aħbarijiet, jafu jgħaddu wkoll mill-istorja tal-pastur. L-għaliex, wara kull pastur, hemm bniedem u bniedma. Hemm storja. U din l-istorja hija tiegħi, tiegħek.

Ersaqt bħalma resaq Mosè lejn l-għollieq jaqbad u ma jintemx. U din id-darba ma ġiex magħdud lili biex inżomm lura. Anzi! Biex nersaq. U nersaq viċin il-ħabel ta’ quddiem il-presepju. U x’rajt? Rajt lil Madonna, San Ġużepp u l-Bambin fin-nofs. Fuq rashom ma kienx hemm għar. Inkella saqaf l-istalla. Il-bambin deher impoġġi fil-maxtura għall-apert. U tifimha. L-għaliex dak il-Bambin, aktar ‘il quddiem, xandar quddiem kulħadd: “Dak li jien ngħidilkom fid-dlam għiduh fid-dawl, u dak li ngħidilkom f’widnejkom xandruh minn fuq il-bjut” (Mt 10:27). Ma kellu biża’ minn ħadd u minn xejn. L-għaliex f’ħajtu dak li ma jidhirx kien jaqbel perfettament ma’ dak li jidher.

Imbagħad rajt lis-Slaten Maġi. Quddiem il-Bambin. Bl-iġmla tagħhom. Dawk in-nies għorrief li terrqu għal ma nafx kemm-il mil biex jiġu ħdejn dak li qalbhom u moħħhom kienu issaħħru fuqu. U kemm hawn min għadu mili ‘l bogħod biex isib il-Bambin! Jaf joqgħod faċċata tal-Knisja! Imma, għal xi raġuni jew oħra, għadu mili ‘l bogħod għax mifxul, imħawwad, priġunier tar-rabja tiegħu. U hekk spiċċa mitluf! Imma l-Maġi qiegħdin jagħmlulu l-kuraġġ ħalli hu wkoll jinżel minn fuq il-ġemel tad-dubju, tas-suspett, tal-preġudizzju u tar-rabja ħalli, f’dan il-Milied, hu wkoll isib il-fejqan tal-ferħ f’ħajtu.

Imbagħad, viċin San Ġużepp, jidher ir-ragħaj. Li jħares il-merħla. O kemm aħna, li, b’fiduċja tal-Mulej u mhux l-għaliex jistħoqqilna, ġejna magħżula biex nirgħu lil din il-merħla afdata f’idejna. Kemm hu għalhekk importanti li l-Isqof, is-Saċerdot u l-Patri jkunu dejjem viċin tal-Familja Mqaddsa. Ħalli niddakkru minnha biex inħallu lill-Mulej jibni Knisja li hija familja. Fejn kulħadd huwa milqugħ. Knisja fejn fiha jiddewwa kulħadd. Ibda’ minna, ir-rgħajja stess. Knisja fejn l-eżempju tal-ħniena, tal-mogħdrija, tas-sabar, tal-ferħ u tar-rikonċiljazzjoni jdawru qlub iebsa ġebel fi qlub tal-laħam għal xulxin! Qlub li jindenjaw ruħhom iħarsu lejk u jkellmuk bl-imħabba. Qlub li jieqfu miegħek, jinkoraġġuk, jagħtuk direzzjoni, u qatt ma jikkundannawk jew igarawlek il-ġebel.

Fil-presepju jidher ukoll il-furnar. Ħobżna ta’ kuljum agħtina illum! Hekk nitolbuh fil-Missierna. Għandna bżonnu l-ħobż ħbieb. Imma, l-aktar tip ta’ ħobż li għandna bżonn huwa dak tal-attenzjoni, tas-smiegħ, tal-kuraġġ, tal-maħfra u tal-fiduċja. Mingħajr il-ħobż tat-tjubija u tal-umiltà nibqgħu maħkuma minn ġuħ ta’ kelb aħrax għall-imħabba. Liema ġuħ lest li jqatta’ lil kull min isib quddiemu.

Kemm għoġbittni l-mara li titma’ l-ħmir! Kemm hi minn tagħna! Wara kollox fil-ħajja ħadd m’hu ħmar. Anzi! Il-ħmar hu min jaħseb li jaf ħafna u kull darba jegħreq f’boqqa ilma! Ejjew ħbieb ngħallmu lil xulxin mingħajr ma numiljaw lil xulxin. Kulħadd għandu bżonn jitgħallem. L-aktar min jaħseb li ħaddieħor hu stupidu u hu biss il-bravu!

Imbagħad ix-xena sabiħa tal-Milied tagħlaq bl-anġlu. Dak l-anġlu li qiegħed eżattament wara r-ragħaj. Qisu dan l-anġlu qed jgħid lili u lilek biex aħna wkoll inkunu ħabbara tal-ferħ tal-Milied. Ejjew mela nipprovdu lil kull min niltaqgħu miegħu liżar vojt biex fih jniżżlu dak li jaraw fina. Jalla iniżżlu li fik u fija jaraw lil Ġesù! Għax fina tassew ikun jinħass!

Prosit Sur Charlie Coleiro ta’ dan il-ġmiel ta’ presepju li armajtilna f’Mater Dei. Jalla min jarah jieħu l-paċi li jarmi meta wieħed jidħol ħdejh. Is-soltu, il-mibki Patri Joe Saliba OFM Cap kien ibierek hu dan il-presepju. Din is-sena, fl-assenza tiegħu, miss lili. Mela Patri Joe itlob għalija ħa ningħata għall-oħrajn bħalma ingħatajt int. Sal-punt li mitt għalihom. Itlob għalija ħalli nkun presepju ħaj qalb il-pazzjenti għeżież tagħna f’Mater Dei!

  1. No comments yet.
  1. No trackbacks yet.

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out / Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out / Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out / Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out / Change )

Connecting to %s

%d bloggers like this: