Home > L-Isqof ta' Għawdex Mario Grech > Omelija tal-Isqof Mario Grech fis-Solennità ta’ Marija Omm Alla

Omelija tal-Isqof Mario Grech fis-Solennità ta’ Marija Omm Alla


Il-Ħadd 1 ta’ Jannar 2017: Omelija tal-Isqof ta’ Għawdex, l-E.T. Mons. Mario Grech, fis-Solennità ta’ Marija Omm Alla, Katidral tal-Assunta, il-Belt Victoria

NITILQU MINN ĠESÙ KRISTU

Bl-għajnuna ta’ Alla bdejna sena ġdida, u jixraq invaraw esperjenzi ġodda f’ħajjitna. Jien konxju li dan mhux dejjem faċli. Fil-fatt, mod intellqu kalendarju ġdid u mod nibdew esperjenza ġdida fil-ħajja tagħna. Nistħajjel li hawn diversi li jixtiequ jibdew jiktbu paġna ġdida fl-istorja tagħhom imma jaħsbuha darbtejn għax jafu li din mhux sfida żgħira. Mhux dejjem ikollna dik id-determinazzjoni jew il-motivazzjoni biex fil-ħajja naqilbu paġna ġdida.

Għandi f’moħħi lil dawk li huma morda serjament. Min jaf kemm jixtiequ li għada jisbaħ jum ġdid! Qed niftakar f’dawk li qed iġorru ċerti piżijiet anki finanzjarji – mhux għaliex ma humiex bil-għaqal, imma għax id-dedikazzjoni tagħhom għall-familja wasslithom biex jidħlu għal din it-tagħbija, bħal f’dak il-każ fejn ġenituri kellhom jissellfu biex jgħinu lil binhom ikompli jistudja. Min jaf kemm dawn jixtiequ li jpaċu dan id-dejn! Imbagħad hemm min għandu relazzjonijiet imħarbta fil-familja, fiż-żwieġ jew ma’ sħabu. Tkun tixtieq tgħid li għadda u mar, u tibda mill-ġdid. Biex ma nsemmix ir-relazzjoni tagħna ma’ Alla. Bnedmin aħna u għandna d-dgħufija tagħna. Kemm jiġu mumenti fil-ħajja fejn nixxennqu biex ma naqgħux aktar… ma nibqgħux marbuta ma’ ċerta mġiba li tiskontra mar-rieda ta’ Alla! Imma hemm dejjem imma! Għalhekk nifhem meta nisma’ lil min jgħid li mhux dejjem huwa faċli li ntellqu esperjenza ġdida.

Imma l-Kelma ta’ Alla tagħmlilna l-qalb biex ma nċedux. Wara li raw it-tarbija mimduda f’maxtura, ir-ragħajja inawguraw esperjenza ġdida f’ħajjithom – huma telqu minn Betlehem differenti minn kif kienu waslu hemm. Fejn qabel ħadd ma kellu fiduċja fihom, wara l-laqgħa tagħhom ma’ Ġesù, dawn saru persuni jitwemmnu tant li “kull min semagħhom baqa’ mistagħġeb b’dak li qalulhom ir-ragħajja” (Lq 2:18). Dak li għaddew minnu r-ragħajja nistgħu ngħaddu minnu aħna jekk bħalhom aħna nerġgħu nitilqu minn Kristu. Dan huwa s-sigriet tal-ħajja: il-primat lil Alla – li aħna nitilqu mill-ġdid mill-persuna ta’ Ġesù Kristu. L-esperjenza tal-misteru tagħtina enerġija ġdida biex aħna negħlbu dak li jidher li ma jistax jiġi megħlub.

Għandna bżonn nitilqu minn Ġesù mhux biss fl-esperjenzi personali tagħna, imma anki bħala komunità ekkleżjali. Il-fatt li aħna poplu reliġjuż ma huwa ebda garanzija li Ġesù Kristu huwa l-punt tat-tluq tagħna. Xi drabi jkollna għal qalbna ċerti prattiċi reliġjużi, imma nkunu ’l bogħod minn Ġesù. Drabi oħra nesiġu li tkun osservata l-ittra tal-liġi u ninsew li l-grazzja għandha l-primat fuq il-liġi morali. Oħrajn moħħhom biex jiddefendu d-drittijiet tal-istituzzjoni (tal-Knisja) u jittraskuraw il-fatt li Kristu huwa ogħla mill-istrutturi. Meta ma nitilqux minn Ġesù, kliemna u għemilna jikxfuna anki jekk ikun kliem sabiħ u għemil tajjeb. Jekk fil-ħajja tagħna Kristu ma jkunx il-bidu ta’ kollox, hemm il-periklu li t-twemmin tagħna jkun biss wieħed naturali u r-reliġjon nirrenduha frott ta’ ħsiebna u xogħol idejna. Meta Kristu ma jkunx il-bidu u t-tmiem ta’ dak kollu li aħna, il-messaġġ Nisrani jitlef it-togħma, isir tpaċpiċ fieragħ, u l-komunità ekkleżjali tiqdiem u tmut. Għalhekk għandna bżonn urġenti li nibdew minn Kristu.

Imma anki s-soċjetà ċivili għandha bżonn titlaq minn Ġesù Kristu. Ħarsa madwarna turina li ħafna drabi qegħdin nidħlu fi sqaqien li ma jinfdu għal imkien.

Hekk fil-kamp tal-familja, minkejja li f’isem il-progress qed isiru liġijiet li jmissu l-familja, qed nintebħu li ħafna drabi qegħdin nisparaw għal riġlejna, u flok ma qegħdin insaħħu dik li kulħadd jirrikonoxxi bħala l-fundament tas-soċjetà, qegħdin nherruha. Nipproponi li l-ħsieb tagħna dwar il-familja jerġa’ jitlaq minn Ġesù Kristu.

Importanti li s-soċjetà jkollha ekonomija soda u tajba biex hekk jitkattar il-ġid. Imma hemm ir-riskju li l-bniedem jiġi ssagrifikat għall-qligħ. L-ekonomija hija għas-servizz tal-bniedem u mhux bil-kontra. L-ekonomija li tisraq il-libertà lill-bniedem u lill-familja mhix ekonomija umana. Għalhekk anki r-riflessjoni f’dan il-qasam għandha bżonn titlaq minn Ġesù Kristu.

Ix-xjenza hija don kbir għalina l-bnedmin, partikularment f’dak li għandu x’jaqsam mal-ħarsien tal-ħajja umana; imma daqshekk ieħor ix-xjenza tista’ tkun strument ta’ manipulazzjoni tal-ħajja. Kull xorta ta’ sperimentazzjoni xjentifika li tista’ thedded il-ħajja umana hija periklu kbir. Għalhekk anki fil-kamp tax-xjenza, speċjalment fejn tidħol il-ħajja umana, għandna bżonn nerġgħu nitilqu minn Ġesù Kristu.

Biex aħna nkunu nistgħu nitilqu minn Ġesù, għandna bżonn dak l-atteġġjament li kellha Marija: “Min-naħa tagħha, baqgħet tgħożż f’qalbha dawn il-ħwejjeġ kollha u taħseb fuqhom bejnha u bejn ruħha” (Lq 2:19). Ma nistgħux nitilqu minn Ġesù Kristu jekk ma jkollniex dan l-atteġġjament kontemplattiv li kellha Marija. Għaliex ma huwiex l-għerf uman li jdawwal il-misteru, imma huwa l-misteru li jdawwal l-għarfien tagħna (Evdukimov). Dan ifisser li għandna bżonn innaqqsu ftit mir-ritmu tal-ħajja biex nirriservaw ftit ħin fil-kalma biex nitgħaxxqu bil-preżenza ta’ Alla li sar bniedem – quddiem Ġesù Kristu.

Kif jikteb il-Papa Franġisku, “l-aqwa motivazzjoni li twassalna biex inxandru l-Vanġelu hi li nkunu kkontemplajnieh bi mħabba, hi li nkunu waqafna fuq il-paġni tiegħu u qrajnieh bil-qalb. Jekk nersqu lejh b’dan il-mod, il-ġmiel tiegħu jgħaġġibna u kull darba jerġa’ lura biex isaħħarna. Għalhekk huwa urġenti li nsibu mill-ġdid dak l-ispirtu kontemplattiv li jħallina niskopru mill-ġdid ta’ kuljum li aħna depożitarji ta’ ġid li jagħmel aktar uman lill-bniedem, li jgħinu biex jgħix ħajja ġdida” (EG 264).

Fil-preżenza tiegħu, Ġesù jagħtina d-dawl biex ma naqtgħux qalbna mill-isfidi tal-ħajja, imma bih magħna ntellqu esperjenzi ġodda fil-ħajja personali, fil-familji, fil-Knisja u fis-soċjetà.

  1. No comments yet.
  1. No trackbacks yet.

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out / Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out / Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out / Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out / Change )

Connecting to %s

%d bloggers like this: