Home > L-Isqof ta' Għawdex Mario Grech > Omelija tal-Isqof Mario Grech fis-Solennità tal-Epifanija tal-Mulej

Omelija tal-Isqof Mario Grech fis-Solennità tal-Epifanija tal-Mulej


Il-Ħadd 8 ta’ Jannar 2017: Omelija tal-Isqof ta’ Għawdex, l-E.T. Mons. Mario Grech, fis-Solennità tal-Epifanija tal-Mulej, Bażilika ta’ San Ġorġ, il-Belt Victoria.

 

 

HEMM KEWKBA TIDDI GĦAL KULĦADD

Il-lejl huwa ikrah. Huwa naturali li aħna neqirdu meta nkunu fid-dlam. Imma allaħares ma jkunx il-lejl biex aħna nkunu nistgħu ngawdu l-kwiekeb! Il-kwiekeb ma jidhrux f’nofs ta’ nhar imma fid-dalma tal-lejl. Aktar ma jkun daħal il-lejl, aktar tilma d-dija tal-kwiekeb.

L-esperjenza tal-lejl hija xi ħaġa komuni għalina lkoll. Kienet ukoll l-esperjenza tal-Maġi. Importanti li bħall-Maġi, meta nkunu għaddejjin mil-lejl mudlam tal-ħajja, niftħu għajnejna beraħ biex “naraw” il-kewkba. Fil-fatt, fi kliem San Mattew, il-Maġi kienu dawk li “raw il-kewkba tielgħa”, imxew warajha u sabu d-dawl. Kienu fid-dlam u rawha. Il-kewkba ma tidhirx lil min ikun fid-dawl imma lil min isib ruħu fid-dlam; il-kewkba ma titgawdiex minn “ulied id-dawl” imma minn “ulied id-dlam”.

Meta nirrifletti dwar din l-esperjenza tal-Maġi, insib li Alla jaf jixgħel il-kewkba tiegħu kemm għal dawk li huma fil-bogħod, għal dawk li jkunu fil-periferija, għal dawk li għandhom passat misterjuż. Il-kewkba tidher ukoll lil dawk li għandhom twemmin, kultura u drawwiet differenti minn dawk tal-Lhud (il-poplu l-magħżul). Alla jixgħel il-kewkba tiegħu anki lill-pagani – li jinkludu kemm lil dawk li qatt ma semgħu bih u kemm lil dawk li darba semgħu bih imma mbagħad telquh.

Dak li raw il-Maġi ma rawhx in-nies ta’ Ġerusalemm! Anzi, bil-kontra. Il-Maġi kienu konvinti li l-kewkba kienet ser toqgħod fuq Ġerusalemm, il-belt il-qaddisa. Huma jħabbtu l-bieb ta’ Ġerusalemm bit-tama li jsibu min jgħinhom jinterpretaw dan id-dawl. Imma ġara li l-kontrolluri tat-Tempju, id-dutturi li kienu jindukraw il-Ktieb il-qaddis, u l-garanti tal-ġustizzja lanqas biss intebħu bil-kewkba. Dan iħassibni qatigħ għax allura huwa minnu li wieħed jista’ jkun “ġewwa” meta jkun għadu barra, u jkun “barra” għalkemm ikun fuq in-naħa ta’ ġewwa; wieħed jista’ jkun Kristjan f’ambjent lajċista u jista’ jkun lajk pur minkejja li jkun jgħix fit-tempju jew f’kuntest Kristjan. Huwa fatt li ħafna drabi ċ-ċertezzi tagħna dwar Alla jinżlu bħal għamad fuq għajnejna u ma nibqgħux naraw l-inizjattivi ġodda li jieħu Alla fil-ħajja tagħna biex jgħinna nikxfu aspetti ġodda tal-misteru tiegħu.

L-istorja tal-Maġi twaqqa’ wieħed mill-miti li għandna: li aħna naħsbu li aħna l-unika kewkba għal ħaddieħor. Fir-rakkont tal-Maġi naqraw li min ippretenda li huwa kewkba għall-oħrajn, mhux biss tfixkel imma saħansitra pprova jitfi l-kewkba tal-oħrajn. Dan ifisser ukoll li aħna għandna bżonn noqogħdu b’għajnejna miftuħin biex nintebħu bis-sinjali ġodda tal-preżenza ta’ Alla – sinjali li jistgħu jidhru anki ’l barra miz-zuntier tagħna. Niftakru li l-kwiekeb kapaċi jiddu anki mingħajrna.

Normalment aħna nkunu nafu biss b’dawk li wara triq twila jaslu fit-tempju! Ħafna drabi ma’ dawn inġibu ruħna qisna l-kontrolluri tad-dwana u nafu nkunu esiġenti wisq magħhom. Xejn ma jaħarbilna meta niflu ħajjithom, tant li ġieli kien hemm min ħallejnieh jistenna fuq l-għatba għax ma kienx jissodisfa l-kriterji kollha tagħna! Hemm bżonn nuru interess mhux biss f’dawk li jkunu mxew wara l-kewkba u waslu, imma wkoll f’dawk li għadhom miexja wara l-kewkba. Xi drabi t-triq ta’ dawn mhix waħda ħafifa. Huwa dmir tagħna li ngħinuhom jagħmlu dixxerniment billi jistaqsu x’inhi r-rieda ta’ Alla għalihom u jikkonfrontaw lilhom infushom mal-Kelma ta’ Alla u t-tagħlim tal-Knisja. Dawn il-persuni jeħtieġu l-akkumpanjament u mhux li nitilquhom għal rashom. B’ħafna sabar u mħabba nistennew il-waqt biex ikun hemm l-integrazzjoni tagħhom fil-komunità ekkleżjali.

Nagħmel il-kuraġġ lil dawk li jinsabu mexjin wara l-kewkba, għax din il-kewkba filli tkun tidher u filli tgħib kif ġara fil-każ tal-Maġi. Dan hu Alla tagħna. Alla li jilgħab magħna l-logħba ta’ noli – filli jidher u filli jinħeba. Alla jġib ruħu hekk magħna biex jagħmel it-tfittxija aktar interessanti – biex xħin niskopru s-sorpriżi tiegħu, bħall-Maġi nimtlew b’dak is-sens ta’ stagħġib u naduraw il-misteru. Inħoss li fil-poplu tagħna tonqos din l-esperjenza tal-meravilja ta’ Alla u għalhekk il-misteru ma jsaħħarniex! Ħadna wisq kunfidenza mas-sagru. Drajna ngħixu “ġewwa”.

F’din il-festa tal-Epifanija tal-Mulej minn qalbi nsellem lil dawk li bħall-Maġi ġejjin mill-bogħod biex jibqgħu mixjin wara l-kewkba li tixgħel fil-kuxjenza tagħhom. Nawguralkom biex wara li tkunu rbaħtu t-tfixkil li jista’ jiġi anki minn dawk li suppost qegħdin hemm biex jgħinukom, intom tiltaqgħu ma’ Ġesù li huwa x-Xemx tielgħa li ġġib fit-tmiem kull esperjenza ta’ dlam.

  1. No comments yet.
  1. No trackbacks yet.

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out / Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out / Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out / Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out / Change )

Connecting to %s

%d bloggers like this: