Home > Il-Papa Franġisku minn Dar Santa Marta > In-Nisrani għandu jqiegħed lil Ġesù bħala ċ-ċentru ta’ ħajtu u tal-għażliet li jagħmel kuljum

In-Nisrani għandu jqiegħed lil Ġesù bħala ċ-ċentru ta’ ħajtu u tal-għażliet li jagħmel kuljum


It-Tnejn 9 ta’ Jannar 2017. Omelija tal-Papa Franġisku fid-Dar Santa Marta.

Il-ħajja Nisranija hija sempliċi; in-Nisrani m’għandux ħtieġa li jagħmel affarijiet strambi jew diffiċli, imma għandu jqiegħed lil Ġesù bħala ċ-ċentru ta’ ħajtu u tal-għażliet li jagħmel kuljum.

 

Dal-messaġġ kien il-qofol tal-omelija li għamel il-Papa Franġisku waqt il-quddiesa li ċċelebra llum.

Franġisku reġa’ beda jiċċelebra l-quddiesa fid-Dar Santa Marta wara l-waqfa ta’ żmien il-Milied. Il-Papa rrimarka li erġajna bdejna l-istaġun liturġiku li nsejħulu ‘taż-żmien ordinarju’, madankollu, kompla josserva, Ġesù hu dejjem iċ-ċentru tal-ħajja Nisranija.

Ġesù wera ruħu: aħna mistednin insiru nafuH, nagħrfuH f’ħajjitna u fiċ-ċirkostanzi kollha ta’ ħajjitna, qal Franġisku.

Il-Papa spjega wkoll li l-qaddisin u d-dehriet tagħhom huma importanti, imma ma kienu jkunu xejn kieku ma kienx Ġesù. Għalhekk irridu nagħmlu din il-mistoqsija lilna nfusna: Ġesù Kristu hu verament iċ-ċentru ta’ ħajti? U x’inhi r-relazzjoni tiegħi miegħu?

Għalhekk, kompla l-Qdusija Tiegħu, aħna għandna tliet dmirijiet għax biex inqiegħdu lil Ġesù fiċ-ċentru rridu nkunu ċerti li nkunu nafuH u jkollna ħila nagħrfuH.

Fi żmienu, qal il-Papa, ħafna ma għarfuHx: id-dutturi tal-liġi, il-qassisin il-kbar, l-Iskribi, is-Saduċej u l-Fariżej. Fil-fatt huma ppersegwitawH u qatluH. Aħna wkoll għandna nistaqsu lilna nfusna: Għandi interess li nsir naf lil Ġesù? Jew forsi, jien aktar interessat li noqgħod nara s-‘soap operas’, li nqassas fuq in-nies, li niġri wara l-ambizzjonijiet tiegħi jew niddiskuti l-ħajja tal-oħrajn?

Biex insiru nafu lil Ġesù għandna bżonn it-talb. Hemm l-Ispirtu s-Santu. Hemm ukoll il-Vanġelu li qiegħed magħna u għandna naqraw silta minnu kuljum. Dan hu l-uniku mod biex insiru nafu lil Ġesù. U mbagħad l-Ispirtu s-Santu jagħmel il-bqija; hu l-Ispirtu s-Santu li jnibbet iż-żerriegħa u jkabbarha.

It-tieni dmir, kompla l-Papa Franġisku, hu li nqimu lil Ġesù: mhux biss billi nitolbu l-pjaċiri mingħandu u nirringrazzjawH, imma billi nitolbu fis-skiet, bl-adorazzjoni, u billi nneħħu minn qlubna l-affarijiet l-oħra li aħna naduraw u li jisirqulna l-attenzjoni u l-interess tagħna. Il-bqija huwa utli biss daqskemm jien għandi ħila nqim lil Alla biss.

Il-Papa għalhekk stieden lill-fidili kollha biex jitolbu bit-talba tal-‘Glorja lill-Missier u lill-Iben u lill-Ispirtu s-Santu’.

Franġisku osserva li spiss dit-talba ngħiduha bħall-pappagalli, filwaqt li din hi talba ta’ adorazzjoni. B’hekk inkunu qed inqimu lill-Missier, lill-Iben u lill-Ispirtu s-Santu. Talba ċkejkna, fis-skiet, quddiem il-kobor bla qies ta’ Alla, hi mod kif inqimu lil Ġesù billi ngħidu: Int waħdieni, int il-bidu u t-tmiem, u jien irrid nibqa’ miegħek għomri kollu u fl-eternità.

Dan hu mod kif aħna nkeċċu minna dak kollu li ma jħalliniex inqimu lil Ġesù.

It-tielet dmir, issokta l-Papa, hu li nimxu wara Ġesù kif jurina l-Vanġelu tal-lum li fih il-Mulej isejjaħ lill-ewwel dixxipli. Dan ifisser li nqiegħdu lil Ġesù fiċ-ċentru ta’ ħajjitna.

Il-ħajja Nisranija hi sempliċi, imma aħna neħtieġu wkoll il-grazzja tal-Ispirtu s-Santu biex tqanqal fina x-xewqa li nsiru nafu lil Ġesù, inqimuH u nimxu warajH.

Huwa għalhekk li fil-kolletta tal-lum tlabna lill-Mulej idawwalna dwar x’għandna nagħmlu u tlabnieH itina l-forza li nagħmluh.

L-Insara, temm il-Papa, m’għandhomx għalfejn jagħmlu affarijiet strambi, diffiċli jew bla bżonn. Għalhekk ejjew nitolbu lill-Mulej il-grazzja li nkunu nafu lil Ġesù, inqimuH u nimxu warajH.

Ħajr lill-Kamra tal-Aħbarijiet ta’ Radju Marija.

  1. No comments yet.
  1. No trackbacks yet.

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out / Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out / Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out / Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out / Change )

Connecting to %s

%d bloggers like this: