It-Tlieta 10 ta’ Jannar 2017. Omelija tal-Papa Franġisku fid-Dar Santa Marta
Ġesù kellu l-awtorità għax kien jaqdi lill-poplu, kien qrib il-persuni u koerenti, kontra kif kienu d-dutturi tal-liġi li kienu jqisu ruħhom prinċpijiet.
Waqt l-omelija li għamel illum fil-kappella tad-Dar Santa Marta, il-Papa għamel riflessjoni dwar dawn it-tliet karatteristiċi tal-awtorità li kellu Ġesù, filwaqt li qal li d-dutturi tal-liġi kienu jgħallmu b’mentalità klerikalista, kienu jżommu ruħhom bogħod mill-poplu u ma kinux jipprattikaw dak li jipprietkaw. Ġesù kellu awtorità vera filwaqt li l-oħrajn kellhom awtorità formali.
Il-Vanġelu wriena li n-nies baqgħu mistagħġbin għax Ġesù kien jgħallem bis-setgħa. Id-dutturi tal-liġi kellhom l-awtorità fuq il-poplu, qal il-Papa, imma dak li kienu jgħallmu ma kienx jidħol fi qlubhom, filwaqt li Ġesù kellu l-awtorità awtentika, ma kienx seduttur, kien jgħallem il-liġi fl-irqaqat, kien jgħallem il-verità.
Il-Papa mbagħad għadda biex jispjega dawn it-tliet karatteristiċi li kienu jiddistingwu lil Ġesù mid-dutturi tal-liġi. Filwaqt li Ġesù kien jgħallem bl-umiltà u kien jgħid lid-dixxipli li l-akbar wieħed fosthom hu dak li jservi u għandu jiċċekken, il-Fariżej kienu jqisu ruħhom maqtugħin min-nies, prinċpijiet.
L-awtorità vera tiġi mill-fatt li dak li jkun ikun qrib in-nies. Għalhekk il-qrubija hija karatteristika oħra li tiddistingwi l-awtorità ta’ Ġesù minn dik tal-Fariżej. Ġesù ma kienx allerġiku għall-poplu: kien imiss lil-lebbrużi, lill-morda, ma kienx jitmeżmeż minnhom.
Il-Papa kompla jispjega li l-Fariżej kienu jiddisprezzaw lill-foqra u lill-injoranti; kienu jippassiġġaw fil-pjazez lebsin sabiħ biex jidhru.
Imma hemm punt ieħor li jiddistingwi l-awtorità ta’ Ġesù minn dik tal-Iskribi: il-koerenza. Ġesù kien jgħix dak li jipprietka. Kien hemm armonija bejn dak li kien jaħseb, iħoss u jagħmel. Iżda min jidhirlu li hu prinċep għandu attitudni klerikali – jiġifieri ipokrita, għax jgħid ħaġa u jagħmel oħra.
Biex jiċċara l-punt tiegħu l-Papa kkwota l-parabbola tas-Samaritan it-Tajjeb. Meta ra lill-vjaġġatur nofsu mejjet minħabba l-attakk mill-ħallelin, is-saċerdot baqa’ sejjer, forsi għax kien hemm id-demm u kieku missu kien isir impur.
Il-levita wkoll baqa’ sejjer għax, fil-fehma tal-Papa, forsi ħaseb li jekk jindaħal kien ikollu jmur il-qorti jixhed, u kellu ħafna x’jagħmel.
Fl-aħħar ġie s-Samaritan, il-midneb, u hu ġietu ħniena. Imma fil-parabbola hemm persunaġġ ieħor, sid il-lukanda, issokta l-Papa. Dan stagħġeb mhux b’dak li kien ġara mat-triq imma bl-imġiba tas-Samaritan.
Aktarx ħaseb, temm jgħid il-Papa, li dak li kien qed jara sid il-lukanda, kien ġenn. Is-Samaritan ma kienx Lhudi, kien midneb. Il-Papa qabbel dan l-istagħġib ma’ dak li ħassew in-nies quddiem l-awtorità ta’ Ġesù, li jtina l-Vanġelu: setgħa umli, ta’ servizz……. setgħa għax qrib il-poplu u koerenti.
Ħajr lill-Kamra tal-Aħbarijiet ta’ Radju Marija.