Is-Salm 115. It-tamiet fiergħa fl-idoli


6. Katekeżi dwar it-Tama Nisranija mill-Papa Franġisku. 11 ta’ Jannar 2017.

Għeżież ħuti, l-għodwa t-tajba!

Fix-xahar l-ieħor ta’ Diċembru u fl-ewwel parti ta’ Jannar iċċelebrajna ż-żmien tal-Avvent u mbagħad dak tal-Milied: żmien tas-sena liturġika li fil-poplu ta’ Alla jerġa’ jqanqal it-tama. Li l-bniedem jittama hu bżonn primarju: jittama fil-futur, jemmen fil-ħajja, dak li aħna ngħidu “taħseb pożittivament”.

Imma importanti li din it-tama nqegħduha f’dak li tassew jista’ jgħinna ngħixu u nagħtu sens lill-ħajja tagħna. Għalhekk l-Iskrittura twissina kontra t-tamiet fiergħa li tagħtina d-dinja, u tikxef kemm dawn ma jiswew għal xejn u turina kemm huma bla sens. U dan tagħmlu b’diversi modi, imma fuq kollox billi tikkundanna l-frugħa tal-idoli li fihom il-bniedem il-ħin kollu hu ttentat iqiegħed il-fiduċja tiegħu u jagħmilhom l-oġġett tat-tama tiegħu.

B’mod partikulari l-profeti u l-għorrief jisħqu fuq dan, u jmissu punt kruċjali tal-mixja tal-fidi ta’ min jemmen. Għax il-fidi tfisser li tafda f’Alla – min għandu l-fidi, jafda f’Alla –, imma jiġi l-mument li fih, meta jsib ruħu wiċċ ma’ wiċċ mad-diffikultajiet fil-ħajja, il-bniedem iduq id-dgħufija ta’ dik il-fiduċja u jħoss il-bżonn ta’ diversi ċertezzi, ta’ sigurtajiet tanġibbli, konkreti. Jien nafda f’Alla, imma s-sitwazzjoni bħalissa hi naqra kerha u jien għandi bżonn ta’ ċertezza xi ftit iżjed konkreta. U hemm hu l-periklu! U allura nħossuna ttentati nfittxu xi jfarraġna anki fi ħwejjeġ li jgħaddu, li donnhom jidhru qed jimlew il-vojt tas-solitudni u jtaffu mit-taħbit biex wieħed jemmen. U dawn naħsbu li nistgħu nsibuhom fiċ-ċertezza li jistgħu jagħtu l-flus, fil-pattijiet mas-setgħana, fil-mondanità, fl-ideoloġiji foloz. Xi drabi nfittxuhom f’alla li joqgħod għal dak li nitolbuh aħna u b’mod maġiku jintervieni biex jibdel ir-realtà u jagħmilha kif irriduha aħna; mela, idolu li bħala tali ma jista’ jagħmel xejn, bla saħħa u giddieb. Imma lilna jogħġbuna l-idoli, jogħġbuna wisq! Darba, fi Buenos Aires, ridt naqsam minn knisja għal oħra, xi elf metru, u fil-ġnien kien hemm imwejjed żgħar, imma ħafna, ħafna, fejn kienu bilqiegħda s-sħaħar. Kien mimli nies, li kienu wkoll f’filliera jistennew. Int tagħtih idek u hu jibda, imma d-diskors dejjem l-istess: Hemm mara f’ħajtek, qed nara dell, imma kollox sa jmur tajjeb… U mbagħad, tħallas. U dan jagħtik ċertezza? Hi ċ-ċertezza – ippermettuli l-kelma – fi stupidaġni! Tmur għand saħħar jew saħħara li jaqraw il-karti: dan hu idolu! Dan hu l-idolu, u meta aħna nintrabtu tant miegħu: inkunu nixtru tamiet foloz. Waqt li f’dik li it-tama li tingħatalna b’xejn, li wasslitna għand Ġesù Kristu, li ta ħajtu għalina b’xejn, f’dik xi drabi ma tantx nafdaw.

Salm mimli tama jpinġilna b’mod suġġestiv ħafna l-falzità ta’ dawn l-idoli li toffri d-dinja lit-tama tagħna u li l-bnedmin ta’ kull żmien ġew ittentati jafdaw fiha. Hu s-Salm 115, li jgħid hekk:

“Fidda u deheb huma l-allat tagħhom,
xogħol ta’ jdejn il-bniedem.
Għandhom il-fomm, u ma jitkellmux;
għandhom l-għajnejn, u ma jarawx;
għandhom il-widnejn, u ma jisimgħux;
għandhom l-imnieħer, u ma jxommux;
għandhom l-idejn, u ma jmissux;
għandhom ir-riġlejn, u ma jimxux;
ebda leħen ma joħroġ minn fommhom.
Bħalhom ikunu dawk li jagħmluhom,
u dawk kollha li jittamaw fihom” (vv. 4-8).

Is-salmista jippreżentalna, b’mod anki xi ftit ironiku, ir-realtà ta’ dawn l-idoli li ttir għalkollox mar-riħ. U rridu nifhmu li hawn mhux jitkellem biss fuq raffigurazzjonijiet tal-metall jew ta’ xi materjal ieħor, imma anki fuq dawk mibnija bil-moħħ tagħna, meta nafdaw f’realtajiet limitati li nibdluhom f’assoluti, jew meta nirriduċu lil Alla għall-iskemi tagħna u għall-ideat tagħna ta’ divinità; alla li jixbahna, ċar, prevedibbli, sewwasew bħall-idoli li dwarhom jitkellem is-Salm. Il-bniedem, xbieha ta’ Alla, joħloq alla fuq ix-xbieha tiegħu, u biex tagħqad hi wkoll xbieha li ħarġitlu ħażin: ma tismax, ma tiħux azzjoni, u fuq kollox ma tistax titkellem. Imma aħna kuntenti iżjed li mmorru għand l-idoli milli li mmorru għand il-Mulej. Iżjed kuntenti bit-tama li ttir mar-riħ li jagħtina dan l-idolu falz, milli bit-tama kbira u żgura li jagħtina l-Mulej.

Kontra t-tama f’Sid il-ħajja li bil-Kelma tiegħu ħalaq id-dinja u jmexxi l-eżistenza tagħna, hemm il-fiduċja fi xbihat muti. L-ideoloġiji li jippretendu li huma assoluti, l-għana – u dan hu idolu kbir –, il-poter u s-suċċess, il-vanità, bl-illużjoni tagħhom ta’ eternità u ta’ omnipotenza. Valuri bħall-ġmiel fiżiku u s-saħħa, meta jsiru idoli li mħabba fihom nissagrifikaw kollox, huma kollha realtajiet li jħawdu l-moħħ u l-qalb, u flok iġibu l-ħajja, iwasslu għall-mewt. Kemm hu ikrah u ta’ wġigħ il-qalb tara dak li darba, snin ilu, rajt iseħħ fid-Djoċesi ta’ Buenos Aires: mara brava, il-ġmiel tagħha, kienet qed tiftaħar bi ġmielha, u tikkummenta, bħallikieku din kienet xi ħaġa naturali: “Eħ, iva, kelli nagħmel abort għax il-figura tiegħi importanti wisq”. Dawn huma l-idoli, u jitfgħuk fit-triq il-ħażina u ma jimlewkx bil-ferħ.

Il-messaġġ tas-Salm hu ċar biżżejjed: jekk inqiegħdu t-tama tagħna fl-idoli, insiru bħalhom: xbihat battala b’idejn li ma jmissux, riġlejn li ma jimxux, fommijiet li ma jistgħux jitkellmu. Ma jibqgħalniex iżjed x’ngħidu, ma nibqgħux kapaċi ngħinu, nibdlu l-affarijiet, ma nibqgħux kapaċi nitbissmu, ningħataw, inħobbu. U anki aħna, nies tal-Knisja, nistgħu nirriskjaw dan meta naqgħu għall-“mondanità”. Jeħtieġ nibqgħu fid-dinja imma nħarsu ruħna mill-illużjonijiet tad-dinja, li huma dawn l-idoli li semmejt.

Kif ikompli jgħid is-Salm, irridu nafdaw u nittamaw f’Alla, u Alla jagħtina l-barka. Hekk jgħid is-Salm:

“Iżrael ittama fil-Mulej […]
Dar Aron ittamaw fil-Mulej […]
Dawk li jibżgħu mill-Mulej ittamaw fil-Mulej […]
Il-Mulej jiftakar fina u jberikna” (vv. 9,10,11,12).

Il-Mulej dejjem jiftakar fina. Anki fil-mumenti koroh hu jiftakar fina. U din hi t-tama tagħna. U t-tama ma tqarraqx bina. Qatt. Qatt. L-idoli dejjem iqarrqu bina: huma fantasiji, mhumiex realtà.

Din hi r-realtà mill-isbaħ tat-tama: jekk nittamaw fil-Mulej insiru bħalu, il-barka tiegħu tibdilna f’uliedu, li għandhom sehem fil-ħajja tiegħu. It-tama f’Alla ddaħħalna, biex ngħidu hekk, fl-ispazju tat-tifkira tiegħu, tal-memorja tiegħu li tberikna u ssalvana. U hekk tista’ tnixxi l-Hallelujah, it-tifħir lil Alla ħaj u veru, li twieled għalina minn Marija, miet fuq is-salib u qam fil-glorja. U f’dan Alla aħna nittamaw, u dan Alla – li mhuwiex idolu – ma jqarraq qatt bina.

Miġjub mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s

This site uses Akismet to reduce spam. Learn how your comment data is processed.