Il-Ġimgħa 13 ta’ Jannar 2017. Omelija tal-Papa Franġisku fid-Dar Santa Marta.
Biex nimxu wara Ġesù jeħtieġ li niċċaqilqu, ma nibqgħux ċassi għax inkella ruħna torqod. Hekk afferma l-Papa Franġisku dalgħodu waqt ir-riflessjoni li għamel hu u jiċċelebra l-quddiesa tal-jum fil-kappella tad-Dar Santa Marta fil-Vatikan. Franġisku kien qed jikkummenta l-Vanġelu tal-lum li jirrakkonta l-episodju tal-paralitiku li, minħabba r-rassa, sħabu qalgħu s-saqaf tad-dar biex iniżżluh quddiem Ġesù.
In-nies jiġru wara Ġesù jew minħabba l-interess jew biex jisimgħu kelma ta’ faraġ. Huwa aktar importanti li nimxu wara Ġesù għax is-sekwela tagħna qatt ma tista’ tkun perfetta.
In-nies, qal Franġisku, kienet miġbuda lejH minħabba s-setgħa li kellu, għax kien jitkellem ċar biex kulħadd jifhem, minbarra li kienu jmorru warajH għax kien ifejjaq u huma riedu jfiqu anke fiżikament.
M’hemmx għalfejn ngħidu, kultant Ġesù kien iċanfar lin-nies għax aktar kellhom interess fil-konvenjenza milli fil-Kelma t’Alla.
Drabi oħra, issokta l-Papa, in-nies riedet tagħmlu Re għax kienet taħseb li kien il-politiku perfett. Imma n-nies kienet żbaljata u Ġesù għeb minn fosthom.
Però l-Mulej kien iħalli lil kulħadd imur warajH għax kien jaf li aħna lkoll midinbin. Allura l-problema l-kbira ma kinitx in-nies li kienu jmorru warajH imma dawk li ma kinux jiċċaqilqu.
Dawn kienu fit-truf tal-mixja, iħarsu, kienu bilqiegħda, iħarsu mill-gallarija. Ma kienu jirriskjaw qatt, kienu jiġġudikaw biss, kienu jħossu ruħhom puri u għalhekk ma kinux jitħalltu.
U l-ġudizzji li kienu jagħmlu ma kinux ħfief: kienu jqisu lin-nies ‘injoranti’, ‘superstizzjużi’! Kemm-il darba aħna wkoll, osserva l-Papa Franġisku, quddiem il-pjetà ta’ nies sempliċi, niġġudikaw, b’dak il-klerikaliżmu li tant jagħmel ħsara lill-Knisja!
Dawn kienu n-nies weqfin, iħarsu mill-gallarija u jiġġudikaw. Imma fil-ħajja hemm nies oħra li huma statiċi, ma jiċċaqilqux. Bħala eżempju l-Papa semma lir-raġel li għal 38 sena kien jibqa’ ħdejn l-għadira, iduq il-morr ta’ ħajtu, mingħajr ebda tama, imaħħaħ l-imrar ta’ ġo fih. Dan ukoll, żied il-Papa, kien bniedem wieqaf, mingħajr tama.
Imma n-nies li kienet timxi wara Ġesù kienet tirriskja basta tiltaqa’ miegħu, biex issib dak li tixtieq.
Dawn l-irġiel li qrajna dwarhom illum irriskjaw, għamlu ħofra fis-saqaf. Irriskjaw li sid id-dar iħarrikhom biex iħallsu d-danni. Irriskjaw imma riedu jmorru għand Ġesù.
Il-mara li kienet ilha 18-il sena tbati bin-nixxiegħa tad-demm, irriskjat għax riedet tmisslu t-tarf tal-mantell – irriskjat il-mistħija. Riedet is-saħħa u riedet tasal għand Ġesù. Mara oħra li rriskjat kienet il-Kananija. U rridu nammettu li n-nisa huma aktar bravi mill-irġiel, osserva l-Papa!
Franġisku kompla jsemmi aktar: lill-midinba fid-dar ta’ Xmun – is-Samaritana. Ilkoll irriskjaw u sabu s-salvazzjoni.
Mhux faċli timxi wara Ġesù, imma hu sabiħ ħafna! U r-riskju dejjem jinsab wara l-bieb, u tant drabi nistgħu nidhru redikoli. Imma dak li jgħodd tassew hu li dnubietek ikunu maħfura għax mal-grazzja li nkunu mfejqin fir-ruħ u fil-ġisem hemm ukoll ix-xewqa li niksbu l-maħfra, għax nafu li aħna midinbin. Hu għal dir-raġuni li aħna nimxu wara Ġesù, biex niltaqgħu miegħu. Imma jeħtieġ li nirriskjaw.
Nagħmlu dil-mistoqsija lilna nfusna: jien nirriskja jew nimxi wara Ġesù bir-regoli tal-‘insurance’?, preokkupat biss li nara x’inhu dak li għandi nagħmel u x’m’għandix? B’dal-mod ma nkunx miexi wara Ġesù; inkun wieqaf, bilqiegħda, bħal dawk li jiġġudikaw mill-gallarija.
Nimxu wara Ġesù għax fil-bżonn ta’ xi ħaġa, jew inkella nimxu warajH bir-riskji,
li jfisser li nkunu mexjin warajH bil-fidi? Din hi l-fidi, qal il-Papa Franġisku: li nafdaw f’Ġesù u bil-fidi fil-persuna tiegħu: dawk l-irġiel għamlu ħofra fis-saqaf biex iniżżlu s-sodda tal-marid ħalli Ġesù jfejqu.
Allura jien nafda f’Ġesù? Nafdalu f’idejH il-ħajja tiegħi? Miexi wara Ġesù, anke jekk xi mindaqqiet nista’ naqa’ għaċ-ċajt, nidher redikolu? Jew jien bilqiegħda, bħall-oħrajn, inħares, bl-ispirtu tiegħi rieqed – b’ruħi magħluqa minħabba l-morr u n-nuqqas ta’ tama?
U llum kull wieħed u waħda minna tajjeb li jagħmel dawn il-mistoqsijiet lilu nnifsu, temm il-Papa.
Ħajr lill-Kamra tal-Aħbarijiet ta’ Radju Marija