Home > Ġenerali > Master plan għas-sena 2017

Master plan għas-sena 2017


Patri Mario Attard OFM Cap

Bdejna sena ġdida! L-2017! Mela s-Sena t-tajba lil kulħadd! Bħalissa qiegħdin ngħixu fi żmien fejn l-ambjent sar prijorità. Forsi, tgħidli, issa, wara li qridnieh? Imma issa ħallina mis-sarkażmu u ejja ħa ngħaddu għall-fatti tal-ħajja. U, fuq kollox, ta’ x’jista’ isir fiċ-ċirkustanzi.

Kelma li qed tiġi użata ħafna illum fid-diskors ambjentali hija master plan. Personalment, għalkemm smajtha u qrajtha għal ma nafx kemm-il darba, ma kontx naf eżattament x’inhi. Allura bdejt infittex. U x’sibt? Il-kelma master plan tfisser pjan li juri żvilupp integrali. Dan il-kunċett iħaddan fih pjanti urbaniċi, landscaping, infrastruttura, proviżjon ta’ servizzi, ċikulazzjoni, l-użu fil-preżent u fil-futur ta’ art u anki tal-bini. Il-master plan jħaddan fih imagini tridimensjonali, kitba, diżinji, statistiċi, rapporti, mappep u anki ritratti mill-arju li jiddeskrivu kif, lokalità speċifika, ħa tkun żviluppata. Il-master plan jipprovdi mod strutturat u jibni framework ċar biex bih post jiġi żviluppat.

Frażi li toħroġ mill-kunċett ta’ master plan hija dik li l-Papa Emeritu, Benedittu XVI, kien tant iħobb juża fid-diskorsi tiegħu, jiġifieri dik ta’ żvilupp integrali uman. Jew aħjar l-iżvilupp sħiħ tal-persuna umana, mela tiegħi u tiegħek. Din il-frażi daqshekk sabiħa u, fl-istess ħin, qawwija ta’ dan il-Papa kbir u għaref u li, b’xorti ħażina, għadu ma ġiex tassew skopert kif fis-sewwa kollha jixraqlu, tissemma’ daqs 22 darba fl-enċiklika soċjali tiegħu Caritas in Veritate. Li t-titlu għaliha fl-ilsien Malti hu l-iżvilupp integrali uman fil-karità u l-verità. Fi kliem Dun Hector Scerri, il-President tal-Kummissjoni Teoloġika tal-Arċidjoċesi ta’ Malta, dan id-dokument hu “ta’ valur enormi u ta’ portata soċjali għall-umanità kollha”.

F’din l-enċiklika Papa Benedittu XVI jinżel fil-fond ta’ x’inhu tabilħaqq l-iżvilupp uman ħolistiku li għandu jinżera, jikber biex jagħti l-frott fi żmienu fl-imħabba u fil-verità. Kristu huwa ċ-ċentru li jagħmel lill-bniedem sħiħ. Fih hemm ir-rabta, li ma tinħall qatt, bejn il-karità u l-verità. Dak stess li qalilna: “’Tassew, ngħidilkom, kull ma għamiltu ma’ wieħed mill-iżgħar fost dawn ħuti, għamiltuh miegħi” (Mt 25:40) huwa wkoll l-istess wieħed li qalilna: “Jiena hu t-Triq, il-Verità u l-Ħajja. Ħadd ma jmur għand il-Missier jekk mhux permezz tiegħi” (Ġw 14:6).

Biex f’ħajti, bħala bniedem u bniedema, ikolli tassew integrazzjoni umana sħiħa, huwa mportanti jekk niftaħ moħħi u qalbi biex nifhem u nħalli l-Kelma qawwija ta’ Ġesù tagħtini l-ħelsien li għandi bżonn f’ħajti. Qalilna Ġesù, iva lilna li, bħall-karattru tal-Lhud fil-vanġelu skont San Ġwann, dejjem nopponulu: “Jekk iżżommu fil-kelma tiegħi, tkunu tassew dixxipli tiegħi, u tagħrfu l-verità u l-verità teħliskom” (Ġw 8:31-32). Kemm, fis-sema li ġejja, beħsiebni ninfetaħ għall-verità biex nagħrafha u nħallieha teħlisni?

Benedittu XVI jitħaddet fuq ir-relazzjonalità. L-għajn tar-relazzjonijiet li għandna mal-oħrajn u, saħansitra, magħna nfusna, hija r-relazzjoni li teżiżti bejn il-persuni tat-Trinità. L-imħabba tal-Missier, tal-Iben u tal-Ispirtu s-Santu bejniethom hija msawba fuqna l-bnedmin biex tiżviluppa xbieki (networks) ta’ ħniena. Kemm din is-sena se nħalli l-imħabba tat-Trinità tidħol fija u tmexxini ħa noħloq xbieki ta’ ħniena madwari? Kemm f’din is-sena se nuri tabilħaqq li jiena persuna sħiħa u ħolistika billi nfittex li nikber fis-solidarjetà tiegħi lejn min hu batut? X’ħa nagħmel biex inwessa’ l-viżjoni tiegħi tal-affarijiet billi nemfasizza aktar il-ġid ta’ kulħadd u mhux ta’ ftit nies biss?

Inkun persuna integrata b’mod sħiħ meta nġib ‘il quddiem it-tajjeb ta’ kull bniedem u bniedma li magħhom niltaqa’. Kemm f’din is-sena se nieħu l-impenn li ninkoraġġixxi t-tajjeb ta’ ħaddieħor? U ngħin, persuni oħra, biex jiżviluppaw dak li hu tajjeb fihom? Meta se nifhem li huwa meta ngħin lill-proxxmu tiegħi jikber fit-tajjeb li hemm fih li jista’ tassew, hu jew hi, jilħqu dak l-iżvilupp awtentiku li huma msejħin għalih? Nemmen li meta ngħin lil ħaddieħor jikber fil-valuri li diġà jħaddan dan l-att ta’ ħniena minn naħa tiegħi se jqarribna aktar lejn xulxin?

L-iżvilupp awtentiku uman u ħolistiku ma jibqax sieket quddiem il-ġuħ u n-nuqqas ta’ riżorsi f’xi inħawi tad-dinja. Ma jibqax mutu quddiem it-tkażbir tal-ħajja umana inkella tad-dritt għal-libertà reliġjuża. Aħseb u ara kemm se jittollera vjolenza reliġjuża jew il-globalizzazzjoni tal-indifferenza, kif iħobb isejħilha tant tajjeb il-Papa Franġisku. X’ħa nagħmel f’din is-sena biex ngħin lil m’għandux x’jiekol? Kif se nkun responsabbli fil-ħarsien tal-ambjent ta’ madwari? Kemm se niddefendi l-ħajja umana, mit-tnissil sat-tmiem naturali tagħha? Kemm se nittollera nies ta’ reliġjonijiet oħra? Kif se jkun il-lingwaġġ tiegħi fuq nies li m’għandhomx il-kultura li għandi jien? Li ma jħaddnux l-istess konvinzjonijiet reliġjużi tiegħi? Min huma dawn għalija? Aħwa jew għedewwa? Imbagħad, rigward il-globalizzazzjoni, speċjalment fil-qasam teknoloġiku, kif se nuża’ l-Facebook? Biex bih inġib il-paċi? Jew inkella biex bih intella’ posts li jġibu rummxata firda?

F’din l-enċiklika sabiħa Papa Benedittu jitħaddet fuq il-ħsieb u l-esperjenza tad-don. Id-don huwa xi ħaġa gratwità, mogħtija b’xejn. Madankollu, il-Papa jitħaddet ċar u tond fuq l-importanza tal-valuri u r-responsabbiltà soċjali. F’din is-sena, li għadha kemm bdiet, x’attitudni se nieħu? Dik li ma jimpurtani minn xejn u minn ħadd? Li nagħmel fattija? Li, hu x’inhu l-ambitu tiegħi, ħa nieħu l-attitudni tal-bulldozer u nibqa’ għaddej minn fuq kollox u fuq kulħadd? Jiġifieri li niknes lil kull min insib quddiemi? Jew se jkolli s-sensittività u l-umiltà li ndaħħal ukoll il-bżonnijiet ta’ ħaddieħor, qabel niddeċiedi xi ħaġa li tolqot lit-terzi persuni?

F’Caritas in Veritate Papa Benedittu XVI jfakkarna f’sitwazzjonijiet partikulari attwali bħall-bħall-inżul fir-rata tat-twelid f’xi partijiet tad-dinja, il-micro-credit u l-micro-finance, ir-relazzjoni bejn business u etika, l-ambjent u forom alternattivi ta’ ġenerazzjoni ta’ enerġija, l-aċċess għall-edukazzjoni, is-sussidjarjeta’ fiskali, il-migrazzjoni, il-faqar u l-qgħad, il-unions, il-finanzi, l-assoċjazzjonijiet tal-konsumaturi, ir-riforma fin-Nazzjonijiet Uniti, il-paċi fid-dinja, il-progress teknoloġiku u l-bioetika. Imma dan kollu jibqa’ fis-sħab jekk ma jitteħidx fil-qasam l-aktar importanti tagħna l-bnedmin, jiġifieri f’ruħna. Fi kliem ieħor, fis-sena li għandna kemm bdejna kemm se nagħti każ ta’ ruħi? Kemm se nifhem li, jekk tassew nixtieq li nikber bħala persuna, il-Mulej, bl-għażliet li hemm marbuta meta wieħed jimxi warajh, għandu jieħu l-ewwel post f’ħajti? Il-prijoritajiet tiegħi se jkunu jaqblu ma’ tiegħu?

U hawn iwassalni għas-sigriet biex dan l-iżvilupp uman ħolistu tassew jibda’ iseħħ f’ħajti. Wara lejl iebes ta’ xogħol il-Mulej laqqagħni ma’ żewġ studenti tal-mediċina fil-lift tal-Isptar. Wieħed minnhom kien jismu Sam, filwaqt li l-ieħor Raphael. Iż-żewġ ismijiet tagħhom fakkruni f’riċetta biex l-iżvilupp sħiħ tiegħi bħala persuna jseħħ u jħalli l-frott. Meta nħalli lill-Mulej ikellimni, nisimgħu u nagħmel dak li jurini, allura f’ħajti u, bħala konsegwenza, fil-ħajja tal-oħrajn, se nibda’ nara l-fejqan.

Mulej, kemm nixtieq li s-sena li għadni kemm bdejt tkun sena ta’ suċċess għalija. Fakkarni li jekk nimxi mal-master plan tiegħi, li nisimgħek tkellimni u, noqgħod għal kelmtek, fija, f’ħaddieħor u fid-dinja ta’ madwari, se nibda’ nara l-mirakli l-ħin kollu. Amen.

X’master plan dan għas-sena 2017!

Categories: Ġenerali
  1. No comments yet.
  1. No trackbacks yet.

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out / Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out / Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out / Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out / Change )

Connecting to %s

%d bloggers like this: