Kesħa fina


Patri Mario Attard OFM Cap

Qiegħdin f’Jannar. Fil-qalba tal-bard. Qiegħdin fir-reżħa ta’ dik il-kesħa li tidħollok f’għadmek u f’għadmi. Dik il-kesħa li xxoqq il-għadam! Dik il-kesħa li magħha iġġib ir-reżħa li ġġagħlna nilbsu l-kowtijiet tal-fur u l-ġgieget il-ħoxin tax-xitwa! Aħ! X’bard!

U meta noħorġu barra bilfors li nkunu irridu nitgħattew sewwa. Inkella jiġi l-inkwiet. Jiġifieri jkollna nqattgħu xi ġimgħa fis-sodda l-għaliex niddubbaw riħ tajjeb f’sidirna. U mbagħad veru li iġri għand it-tabib! U iġri kemm tiflaħ! B saqajk ma’ wara! L-għaliex hemm bżonn li tmur. U tmur issa qabel imbagħad! Inkella d-deni ma jinżilx. Imma jibqa’ tiela’ sparat ‘il fuq! U lanqas it-tqaħqiħa m’hu ħa tmur. Iżda tibqa’ hemm. Għaddejja galor. U dik l-imbierka ras tissokta tuġgħa. U dawk il-griżmejn jissuktaw jifjammaw ruħhom. Jixxuttaw. U aqta’ kemm jibdew iweġġgħu!

Iżda, fost dan il-mard kollu li hawn, aktar u aktar il-virus tal-influwenza, frott tal-kesħa tax-xitwa, teżiżti wkoll tip ieħor ta’ influwenza. Fina. U siekta wkoll. Mingħajr ħafna tqaħqieħ. Imma ħej l-effetti tagħha huma tabilħaqq diżażtrużi. Dan it-tip ta’ virus hemm bżonn niġġildulu. L-għaliex daħal wisq fis-soċjetà, u, b’qasma ta’ qalb, anki fil-Knisja. Dan il-virus qed iħalli vittmi bil-gzuz. Is-saħħa ta’ dan il-virus qerried qed titfagħna snin twal lura. Minkejja daqshekk avvanzi li għamilna. Dan il-virus qerried qed jisirqilna l-gost li ngħixu. Meta kont żgħir kelli l-grazzja nsib min lil dan il-virus juriehuli. Għall-ewwel ħsibt li dan il-proxxmu kien qed jeżaġera. Bħalma kienu laqqmuh uħud kull darba li kien jitħaddet. Għall-ewwel ħsibt li dan il-proxxmu kien sempliċiment qed jirrepeti xi ħaġa li kienet tidħollu f’ħalqu. Għalkemm, iż-żmien, għallimni li kien jagħmel hekk l-għaliex kien għaqli. Ħafna aktar milli pinġewh. Jew ħasbuh. Kien jgħid ta’ sikwit: “L-agħar kelma li hawn fid-dinja hija waħdi!”

F’wieħed mill-kotba tagħha Santa Tereża ta’ Kalkutta tgħid hekk: “L-agħar marda mhix il-ġdiem jew it-tuberkolożi, imma s-solitudni… Din hi l-kawża ta’ tant tħarbit, firda u gwerra li qed jifnuna llum”. U l-gwerrer jinstabu fil-qlub muġugħa! F’dawk il-qlub li tant ħabbew, taw ħajjithom, biex imbagħad spiċċaw imwarrba u miċħuda. X’jibqa’ f’dik l-omm jew f’dak il-missier li jkunu taw ħajjithom biex issa ħadd ma jmur iżurhom? X’jibqa’ fil-qalb ta’ min ikun ħabb il-għajru u llum lanqas biss jagħtu kasu? Lanqas jaraw għandux bżonn xi ħaġa? U issa spiċċa waħdu? Minsi minn kulħadd? Bħalma minsija jafu jkunu il-ġirien tat-triq tagħna stess? Inkella z-zijiet xebbiet u ġuvintur? U l-anzjani li qiegħdin fid-Djar tal-Anzjani kemm tal-Gvern u anki tal-Privat? U, fl-aħħar nett, il-ħafna nies li hawn midfnunin fi djarhom stess? Mingħajr ħadd ma jċemplilhom naqra ħa jara kif inhuma? Jekk qamux? Jekk għandhomx bżonn xi ħaġa?

F’diskors li għamel liż-żgħażagħ Papa Franġisku ħeġġiġhom hekk: “Kunu bennejja ta’ pontijiet biex tfarrku l-loġika tal-firda, tar-rifjut, tal-biża’ minn xulxin, kunu għas-servizz tal-foqra…”. Indirizza liż-żgħażagħ l-għaliex minn hemm irridu nibdew. Irridu nkunu aħna li liż-żgħażagħ tagħna nkomplu nwessgħulhom l-orizzonti tal-imħabba vera f’ħajjithom. Mhux sempliċiment indaħħluhom f’tellieqa għall-isbaħ karozza, l-aqwa kors, l-aqwa mobile jew l-aktar Ipad sofistikat. Insomma inġibuhom materjalisti. Bħala soċjetà nkunu tabilħaqq irnexxejna jekk nagħmlu ħilitna u ngħinu liż-żgħażagħ tagħna joħorġu minnhom infushom ħalli jingħataw lin-nies fil-bżonn.

Jinħtieġ li f’Jannar ninżgħu l-kowtijiet u l-ġgieget tal-individwaliżmu li ilna li ilhom fuqna. Anki f’xemx taqli l-ġrieden. Jinkwetani l-fatt li nara tant nies imdejqin. Għandhom kollox. Flus u saħħa kemm iridu. Opportunitajiet biex isiefru ‘l hemm u ‘l hawn. Imma m’għandhomx l-aqwa ħaġa, li jħobbu u jilqgħu l-imħabba li tingħatalhom! Imma din, biex isseħħ, iridu jinsew il-kumditajiet tagħhom u jingħataw għall-oħrajn. Iridu jiskomodaw ruħhom biex jagħmlu lil min qed ibati ferħan.

Ejjew ħbieb ninqalgħu mill-kesħa fina. Ejjew insellmu u nitħaddtu ma’ xulxin. U dan nagħmluh minn qalbna. L-għaliex tassew ngħożżu lil xulxin. Imbagħad anki x-xitwa issir sajf. Anki l-bard isir sħana. U, minflok l-influwenza, il-pulmuni tagħna jindafu bl-imħabba ġenwina li tibda’ dieħla fihom u ħierġa minnhom.

Mulej, saħħanni b’imħabbtek u għinni ħa nagħtiha minn qalbi lill-oħrajn. Bħalek! Amen.

  1. No comments yet.
  1. No trackbacks yet.

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out / Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out / Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out / Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out / Change )

Connecting to %s

%d bloggers like this: