Home > Minn Fr Mario Attard OFM Cap, Ġenerali > Il-Bitħa tal-Ġentili

Il-Bitħa tal-Ġentili


Patri Mario Attard OFM Cap

L-attur u l-kittieb Amerikan, Truman Capote, qal: “Il-konverżazzjoni hija djalogu mhux monologu. Huwa għalhekk li hawn ftit konverżazzjonijiet tajbin: minħabba l-iskarsezza li żewġ kelliema intelliġenti rari jiltaqgħu”.

Issa l-aħbar sabiħa għal Truman Capote u għal min jaħsibha bħalu hi li f’pajjiżna dan se jseħħ dalwaqt! Il-Knisja tħoss li għandha tiddjaloga mal-intellettwali. L-għaliex temmen li, jekk dan ma jseħħx, iż-żewġ naħat għandhom x’jitilfu. Għal dan il-għan, iċ-Ċentru għall-Istudji Agostinjani u Patristiċi, li s-Sede tiegħu tinstab f’Tal-Pietà, nhar it-Tlieta 24 ta’ Jannar 2017, fis-6.00 pm, ħaseb li jorganizza The City of God Seminar. Għal dan is-Seminar ġie mistieden jitħaddet l-Eminenza tiegħu il-Kardinal Gianfranco Ravasi, President tal-Kunsill Pontifiċju tal-Kultura u President tal-Kummissjoni tal-Arkeoloġija Sagra. Il-Kardinal Ravasi se jitħaddet dwar is-suġġett: Il tempio e la piazza: fede, cultura, società (jiġifieri t-tempju u l-pjazza: fidi, kultura, soċjetà). It-taħdita se ssir fis-Sala Tereża Spinelli, fl-Iskola tas-Sorijiet Agostinjani, Triq T. Spinelli, fil-Gżira. Is-serata se titmexxa minn Prof. Salvinu Caruana OSA u s-serata se tkun taħt il-patroċinju tal-WRP Ray Francalanza OSA SThD (Melit.), il-Pirjol Provinċjal tal-Patrijiet Agostinjani f’Malta u f’Għawdex.

Patri Salvinu Caruana OSA qasam magħna kif din l-inizjattiva qaddisa u daqshekk attwali twieled fostna.

“Waqt waħda mill-laqgħat tal-Kummissjoni Teoloġika Interdjoċeżana, li għal xi żmien kont membru tagħha, l-ET Mons Arċisqof Charles Jude Scicluna, għadda kumment dwar il-ħtieġa kbira (u n-nuqqas kbir li jinħass li hawn) ta’ djalogu fi ħdan il-Knisja Kattolika f’Malta, mal-intellettwali. Huwa saħaq li dan mgħandux ikun xi eżerċizzju sabiex nidhru għorrief, jew immirat biss sabiex nikkonvertu lill-oħrajn, iżda sabiex infissru kemm it-Twemmin Nisrani għandu sisien qawwija, u messaġġ xi jwassal imqar lil dawn ħutna, anki jekk ikunu dawk li ma jaqblux magħna, imma qatt li nqisuhom ta’ “kontrina”!

Nistqarr illi kont ili nberren ġewwa moħħi dwar xi aspett ieħor li jista’ jiġi magħrbul mill-Istitut Agostinjan minbarra l-Kors Għal Kulħadd, il-Lectio Augustini, il-Filosofija Qadima u dik ta’ Stu Wistin. Issa kien jonqos ngħarbel kif kont sejjer irressaq u nfisser il-proposta lill-Bord Amministrattiv. Wara xi laqgħat ma’ persuni intiżi fil-qasam, u xi kelma li kont tarraft, deher li kien hemm entusjażmu mhux ħażin. Imma nistqarr li kont ħafna iktar ferħan li kien il-WR Provinċjal P. Ray Francalanza OSA li wara l-laqgħa baqa’ jhewden u jimbotta kemm jiflaħ sabiex isseħħ din l-inizjattiva.
L-għan ewlieni ta’ din l-inizjattiva hu li naraw kif nagħmlu sabiex nidħlu fi djalogu sinċier, miftuħ u seren, mal-intellettwali ġewwa s-soċjetà Maltija. Waqt waħda mill-laqgħat tal-Bord tal-Istitut Agostinjan, il-Provinċjal Ray Francalanza kien diġà ressaq proposta għal laqgħat ta’ natura iktar akkademika immirati għall-ħassieba Maltin u Għawdxin ta’ kull orjenatament ta’ ħsieb u twemmin. Wara li għarbilna l-proposta matul laqgħa ta’ kważi 3 sigħat, nibtet u ġiet approvata l-idea tal-magħrufa inizjattiva tal-Kardinal Gianfranco Ravasi, dik tal-Courtyard of the Gentiles.
Matul il-laqgħa tal-Bord fissirt x’kont qiegħed nifhem, u wara diskussjoni twila qbilna li naħdmu fuqha bl-isem ta’ The City of God Seminar. Dawn sejrin ikunu laqgħat li għalihom jiġi mistieden xi ħadd intiż minn xi qasam tal-ħajja pubblika u tal-ħsieb ġewwa pajjiżna, jew ukoll xi ħadd minn barra. Ikun mistieden il-pubbliku in ġenerali, imma l-laqgħat iridu jieħdu iktar ix-xejra ta’ forum ta’ taħdid immexxi minn speaker jew minn moderatur ta’ polz. In-natura u l-kontentut tal-laqgħat irid ikun jirrifletti wkoll, fuq kollox, il-ħsieb u l-kitba ta’ Wistin ta’ Ippona, prinċipalment misluta mill-Belt ta’ Alla. Lil kull membru tal-Bord ingħata materjal stampat dwar is-sisien tal-ħsieb politiku u soċjali ta’ Wistin ta’ Ippona: Augustine as “Father of Chrisian Political Activism”, u artiklu ta’ Prof. Anthony Dupont (KU Leuven) “Augustine’s Two Cities Revisited. Contemporary Approaches to De Civitate Dei”.

Mill-bidu deher li ma kienx sejjer ikun xi proġett ħafif; kien sejjer jitlob xhur ta’ ħsieb u tħejjija serja sabiex jilħaq l-għanijiet imfissra u jintlaqa’ tajjeb mill-persuni li għalih sejjer ikun maħsub. Huwa proġett li jitlob għarfien tajjeb kemm tat-tagħlim ta’ Wistin ta’ Ippona dwar dawn is-suġġetti fix-xogħol monumentali tiegħu Il-Belt ta’ Alla, kif ukoll ta’ dak tal-Knisja Kattolika ta’ żmienu. Imma jibqa’ l-fatt ukoll li jkun jinħtieġ li jiġi magħrbul tajjeb jekk, u kemm wieħed jista’ jislet u japplika minnu għall-qagħda tal-bniedem tal-lum f’dawn l-oqsma, minn ħsieb Wistin, awtur u ħassieb tas-seklu 5.

Mal-ewwel darba li kont Ruma, mort inżur il-palazz fejn kien jaħdem l-Eminenza Tiegħu il-Kardinal Ravasi. L-ewwel ma ltqajt kien mas-segretarju tiegħu. Wara l-laqgħa, jiena u ħiereġ, nisma’ min jgħajjatli, u kien il-Kardinal Ravasi nnifsu! Reġa’ daħħalni fl-istudju tiegħu u tħaddidna iktar fit-tul fid-dawl tal-wegħda li akkost ta’ kollox huwa fissirli li xtaq jiġi Malta sabiex jiftaħ din l-inizjattiva. Tkellimna dwar data fissa għall-laqgħa li għandu jindirizza f’Malta nhar it-Tlieta, 24 ta’ Jannar tal-2017, lejlet il-festa tal-Konverżjoni ta’ Missierna S. Pawl. Dwar loġistika tal-laqgħa deherilna li jrid ikun post kemm jista’ jkun ċentrali, mdaqqas u b’faċilitajiet ta’ parkeġġ. Il-Provinċjal ħa ħsieb ta’ dan u fetħulna l-bibien is-Sorijiet Agostinjani Qaddejja ta’ Ġesù u Marija, li għandhom l-iskola fi Triq M. Tereża Spinelli fil-Gżira, ħajt ma’ ħajt mal-pixxina tal-Università, dik li tidher mit-triq faċċata tal-Campus tal-Università ta’ Malta”.

Din l-inizjattiva hija tlaħħima tal-inizjattiva tal-Papa Emeritu Benedittu XVI dwar il-Bitħa tal-Ġentili. Fil-fatt, il-Bitħa tal-Ġentili, kif ħolomha Benedittu XVI, tirrappreżenta punt ġdid tat-tluq għad-djalogu bejn dawk li jemmnu u dawk li ma jemmnux. Is-suġġeriment tal-Papa Emeritu Benedittu XVI kien li jiġi maħluq spazzju ta’ djalogu ma’ dawk li għalihom, ir-reliġjon, hija xi ħaġa lil hinn minnhom. Għalhekk dan id-djalogu għandu jħaddan fih lil dawk li għalihom Alla m’huwiex magħruf u, madankollu, ma jixtiequx jibqgħu mingħajr Alla iżda li jersqu lejh, anki jekk Mhux Magħruf.

Il-poeta u drammaturgu Franċiż tal-moviment Romantiku, Victor Hugo (1802-1885), qal hekk: “Hemm spettaklu bil-wisq akbar minn dak tal-baħar. U dan hu dak tas-sema. Hemm spettaklu bil-wisq akbar minn dak tas-sema, u dan hu l-intern ta’ ruħ”. Jalla The City of God Seminar, ta’ nhar it-Tlieta 24 ta’ Jannar, juri, bil-qawwa kollha, il-kobor tal-intern ta’ kull ruħ! Jalla li t-tempju u l-pjazza, il-fidi, il-kultura u s-soċjetà, iservu ta’ stimolu qawwi biex l-intern ta’ kull ruħ jikber, jissaħħaħ u jitħares minn dak kollu li ma jħallihx jevolvi kif imiss.

Int, li bħali, għandek ruħ, ejja isma’, xtarr u iddiskuti. Fil-Bitħa tal-Ġentili. Nhar it-Tlieta l-24 ta’ Jannar, fl-Iskola tas-Sorijiet Agostinjani, Triq T. Spinelli, fil-Gżira. Fis-6.00 pm.

  1. No comments yet.
  1. No trackbacks yet.

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out / Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out / Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out / Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out / Change )

Connecting to %s

%d bloggers like this: