Ksuħat!


Patri Mario Attard OFM Cap

Filli l-maltemp. U filli l-bnazzi! U, jekk dak hu l-każ, ħalli l-baħar jikkumbatti. Ħeqq! X’tagħmel! La ġiet hekk!

Jgħid min qata’ qalbu. Iżda mhux min għandu kuraġġ fit-tama. Dik li ma tgħib qatt! Iżda mhux kulħadd jaħsbiha l-istess. Hemm dawk li jridu jimpressjonaw. Jafu l-Malti. Għaliex Maltin. Bħali u bħalek! Imma jagħżlu li jitħaddtu bl-Ingliż. Ma nafx! Forsi biex iħossuhom aħjar. Imma le, jgħidilna minn qabru l-kbir qassis poeta: “Tbarrix lil min hu ta’ ġewwa!”

Imbagħad hawn min iħobb jitkessaħ. U jitkessaħ fil-bard u fix-xitwa. U anki fil-qilla tas-sħana tas-sajf. Jitkessaħ anki meta jkun liebes turrun ħwejjeġ. Inkella mgħotti għatja tajba bil-gvieret tas-suf jew tal-elettriku. Xorta waħda jibqa’ jitkessaħ. Min jaf, forsi l-għaliex issa, wara ħafna taħbit, qed jiekol biċċa ħobż sura ta’ nies. Inkella, l-għaliex għamel kors u … għadda. Imma illum, ngħid jien, mhux ħafna huma li jgħaddu? L-importanti hu li tkun taf kif għandek tistudja, u, fuq kollox, tistudja lil min jgħallmek. U ġewwa x-xilep!

Il-ksieħ. Ksuħat. Maltempati ta’ ksuħat jeżiżtu kullimkien. Fid-djar, fil-knejjes, fil-kunventi, fil-postijiet tax-xogħol u dawk tad-divertiment. U, min irid jitkessaħ, tih ħa jitkessaħ. Tiħ ħa juri li hu buli. Li ħadd m’hu se jagħmillu l-bżieq fuq imnieħru. Ġieli tibża’ tazzarda toħroġ barra. Għax, jekk miskin, ifettillu tieqaflu l-karozza, aqta’ kif iġennuh bit-tpaqpiq li jpaqpulu! U, biex ngħidha kif inħossha, bit-titli li jibdew ituħ, aktar jibdew iħawduh miskin! Imma x’tort għandu b’daqshekk? La waqfitlu waqfitlu x’kull waħda! Jekk int u jien tiqfielna l-karozza kieku mhux bħalu nagħmlu? X’kull waħda tnejn?

U hawn min jitkessaħ għax daħħal il-paqqa! Qisu illum paqqa m’għandu ħadd! Daqskemm hawn karozzi sbieħ u trid seba’ għajnejn tarahom iduru sbieħ sbieħ mat-toroq ta’ pajjiżna. U hawn min iqalla’ kull m’hawn għaliex mar joqgħod fid-dar il-ġdida. Hemm ħi! Ejja ismagħha tfaqqa’ fil-ħanut u tiftaħar li dar bħal tagħha m’hawnx ir-raħal! U l-ġelu tal-kesħa nieżel, nieżel!

Hawn min jitkessaħ l-għaliex t-tim tagħhom m’hawnx aqwa minnu. Ħallieha wara li jkun beżaqgħa l-għada stess jaqilgħu ħamsa u jkollu jsib roqgħa fejn imur jistaħba. Imbagħad hawn min jitkessaħ l-għaliex imnissel mit-tali u t-tali. Bħal dak li qallu taħt is-sema mhux kulħadd minn ħalqu jiekol. Mhux kulħadd għandu dinjità!

Imbagħad hawn min jiddandan għaliex jilbes pulit. Kollox sew li nifraħ! L-għaliex le! Mhux kulħadd nies? Imma ħej l-għaliex qed nilbes pulit ħsibtni lħaqt is-seba’ sema u ħaddieħor għadu hemm isfel, jilgħaq it-trab tal-art, hemmhekk irridu naqra l-gomma ħa nħassru ftit. U hawn min jitkessaħ bil-festa. Ifraħ sieħbi bil-festa! U ifraħ u ferraħ kemm trid! Imma li nkeskes lil tagħna kontra tagħhom jew li nġib il-ġlied ħalli f’tagħhom ma jieħdux gost u hekk nilħaq l-iskop ta’ rasi li nħassrilhom kollox, hemmhekk qed nuri li jien freezer!

Il-kesħa toħroġ fil-mod kif intellqu lil uliedna fit-tiġrija għal min jilħaq l-ewwel. Lesti li nkesksuhom għal tfal oħra. Basta tagħna jilħqu! Ħa jagħfġu lil kull min isibu. Dak ma jimpurtax. Le sieħbi! Hawn qed nitkessħu! Qiegħdin noħorġu ‘l barra mill-limiti tagħna! Qiegħdin inqażżuha!

Ejjew il-kesħa tax-xitwa nġagħluha tgħinna immorru għas-sħana tas-sajf tal-imħabba, tal-ħniena, tal-mogħdrija, tal-ħlewwa, tas-sabar, tal-karità, tal-għaqal, tal-ferħ, tal-kalma. Għaliex ħafna kesħa iġġiblna r-reżħa. U bir-reżħa x’inkunu qed nistennew? Mhux xi ċmajra? U l-kesħa ma ġġibilniex isem ieħor li tant nistkerrħu … dak li nkunu beżqa’?

Le ħej! Hekk ma rridx! Mela ħa nilbes żarbun li jiġini! U ħallini mill-ksuħat! Jekk ma rridx li fl-aħħar insir … ragħad!

  1. No comments yet.
  1. No trackbacks yet.

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out / Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out / Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out / Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out / Change )

Connecting to %s

%d bloggers like this: