Home > Il-Papa Franġisku minn Dar Santa Marta > Il-ħajja tan-Nisrani hi taqbida ta’ kuljum kontra t-tentazzjonijiet

Il-ħajja tan-Nisrani hi taqbida ta’ kuljum kontra t-tentazzjonijiet


Il-Ħamis 19 ta’ Jannar 2017. Omelija tal-Papa Franġisku fid-Dar Santa Marta.

Dalgħodu, fil-quddiesa fil-kappella tad-Dar Santa Marta, il-Papa Franġisku għamel riflessjoni dwar il-Vanġelu tal-jum li jirrakkonta dwar folla kbira li kienet miexja wara Ġesù bl-entużjażmu u kienet ġejja minn kull naħa.

 

Għalfejn kienet ġejja dil-folla?, staqsa l-Papa. Il-Vanġelu jgħidilna li kienu nies morda li xtaqu jfiqu. Imma fosthom kien hemm ukoll nies li kienu jħobbu jisimgħu lil Ġesù għax ma kienx jitkellem bħad-dutturi tal-liġi, imma kien jitkellem bl-awtorità, u dan kien imissilhom qalbhom.

Dil-folla kienet tiġi minn rajha, ikkummenta l-Papa b’ironija; ma kinux iwassluha bil-prajvit bħalma naraw meta jkun hemm xi manifestazzjoni, u min imur hemm ikollu l-kurżità biex jara kemm hemm nies, jew għax jaqbillu jkun preżenti biex ma jitlifx il-post tax-xogħol.

Dawn in-nies, issokta l-Papa, kienu jmorru għax kienu jħossu xi ħaġa, tant li Ġesù kellu jitlob dgħajsa biex jitbiegħed xi ftit mix-xatt.

Veru li dil-folla kienet tmur għand Ġesù għall-bżonn. Xi wħud kienu jmorru għall-kurżità, imma dawn kienu l-minoranza. Imma dak li kien jiġbed lil dil-folla kien il-Missier: kien il-Missier li jiġbed lill-folla lejn Ġesù.

Ġesù ma kienx jibqa’ indifferenti, qisu xi għalliem statiku li jgħid dak li għandu jgħid u mbagħad jaħsel idejh. Dil-folla kienet tmiss il-qalb ta’ Ġesù. Il-Vanġelu stess jgħidilna: Ġesù ħassu mqanqal għax kien jara lil dawn in-nies qishom ngħaġ mingħajr ragħaj. U l-Missier, permezz tal-Ispirtu s-Santu, kien jiġbed lin-nies lejn Ġesù.

Allura, osserva l-Papa Franġisku, in-nies ma kinitx tiċċaqlaq minħabba li se tisma’ xi argumenti importanti, xi diskussjonijiet apoloġetiċi. Le, wissa l-Papa, huwa meħtieġ li jkun il-Missier li jiġbdek lejn Ġesù.

Min-naħa l-oħra, hi kurjuża li f’dal-pass tal-Vanġelu ta’ San Mark li jitkellem dwar Ġesù, jitkellem ukoll dwar il-folla u l-entużjażmu, dwar l-imħabba tal-Mulej, imbagħad itemm bl-ispirti ħżiena li malli kienu jarawH kienu jgħajtu: Int l-Iben t’Alla!

Din hi l-verità: din hi r-realtà li kull wieħed u waħda minna nħossu meta nersqu lejn Ġesù. L-ispirti ħżiena jippruvaw ifixkluna, jagħmlulna gwerra.

Issib min jgħidlek: jien Kattoliku ħafna, dejjem immur il-quddies u qatt ma jkolli dawn it-tentazzjonijiet. Il-Papa kkummenta li min jaħseb hekk għandu bżonn jitlob ħafna għax jinsab fit-triq żbaljata.

Ħajja Nisranija mingħajr tentazzjonijiet mhi Nisranija xejn: hija ideoloġika, gnostika, imma mhix Nisranija. Meta l-Missier jiġbed lin-nies lejn Ġesù, hemm xi ħadd ieħor li jiġbed in-naħa l-oħra u jqanqallek gwerra ġo fik. Għalhekk Pawlu jiddeskrivi l-ħajja Nisranija bħala taqbida, taqbida ta’ kull jum li jgħaddi.

Taqbida, issokta jgħid, biex negħelbu, neqirdu s-saltna ta’ satana, l-imperu tal-ħażen. Għalhekk ġie Ġesù, biex jeqred lil satana! Biex jeqred l-influwenza tiegħu fuq qlubna.

Il-Missier jiġbed lin-nies lejn Ġesù filwaqt li l-ispirtu malinn ifittex dejjem li jkisser. Dik hi l-ħajja Nisranija – taqbida kontinwa: jew tħalli lil Ġesù jiġbdek permezz tal-Missier, inkella tibqa’ kalm, fil-paċi. Imma jekk trid timxi ‘l quddiem, trid titqabad, tħoss qalbek titqabad biex jirbaħ Ġesù.

Naħsbu ftit kif inhi qalbna: inħossha jien dit-taqbida f’qalbi? Bejn il-kumdità u s-servizz lejn l-oħrajn, bejn il-ftit divertiment jew it-talb u l-adorazzjoni tal-Missier, bejn ħaġa u oħra, inħossha dit-taqbida, din ix-xenqa li nagħmel xi ħaġa tajba jew inkella li hemm xi ħaġa li qed iżżommni? Jiena nemmen li ħajti tqanqal il-qalb ta’ Ġesù? Jekk dan ma nemmnux, għandi bżonn nitlob ħafna biex nibda nemmnu, biex tingħatali dil-grazzja.

Kull wieħed u waħda minna, temm il-Papa Franġisku, jgħarbel qalbu biex jara f’liema sitwazzjoni hi. U nitolbu lill-Mulej biex inkunu Nsara li nagħrfu niddixxernu dak li jiġri fil-qalb tagħna biex nagħżlu t-triq li biha l-Missier jiġbidna lejn Ġesù.

Ħajr lill-Kamra tal-Aħbarijiet ta’ Radju Marija.

  1. No comments yet.
  1. No trackbacks yet.

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out / Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out / Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out / Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out / Change )

Connecting to %s

%d bloggers like this: