Home > Il-Papa Franġisku minn Dar Santa Marta > Il-meravilji tas-saċerdozju ta’ Kristu

Il-meravilji tas-saċerdozju ta’ Kristu


It-Tnejn 23 ta’ Jannar 2017. Omelija tal-Papa Franġisku fid-Dar Santa Marta.

Dalgħodu, waqt l-omelija fil-kappella tad-Dar Santa Marta, il-Papa Franġisku tkellem dwar is-saċerdozju ta’ Kristu. Huwa kien imnebbaħ mill-ewwel qari meħud mill-ittra lil-Lhud li titkellem dwar Kristu Medjatur tal-Patt li Alla għamel mal-bnedmin.

 

Ġesù hu s-Saċerdot il-Kbir u s-saċerdozju tiegħu hu meravilja kbira, l-akbar meravilja, kif jgħid is-Salm responsorjali, qal il-Papa.

Is-saċerdozju ta’ Kristu jiżviluppa fi tliet mumenti: l-ewwel ir-Redenzjoni. Filwaqt li s-saċerdoti tal-Patt il-Qadim kienu joffru s-sagrifiċċji ta’ kull sena, Kristu offra lilu nnifsu darba għal dejjem għall-maħfra tad-dnubiet.

Permezz ta’ dil-meravilja hu wassalna għand il-Missier, reġġa’ lura l-armonija tal-ħolqien, osserva l-Papa Franġisku.

It-tieni meravilja hi dik li qed jagħmel bħalissa, jiġifieri li qed jitlob għalina. Filwaqt li aħna nitolbu hawnhekk, Hu qed jitlob għalina, għal kull wieħed u waħda minna, issa, ħaj, quddiem il-Missier jinterċedi għalina biex ma tonqosniex il-fidi.

Infatti, kompla jgħid il-Papa, aħna nitolbu lis-saċerdoti jitolbu għalina għax it-talba tagħhom għandha ċertu qawwa, proprju fis-sagrifiċċju tal-Quddiesa.

It-tielet meravilja għad tasal meta Kristu jerġa’ jiġi, imma din it-tieni miġja ma jkollhiex x’taqsam mad-dnub; tkun biex is-Saltna titwaqqaf darba għal dejjem, meta Hu jeħodna lkoll mal-Missier.

Hemm din il-meravilja, dan is-saċerdozju ta’ Ġesù fi tliet mumenti: dak li fih jaħfer id-dnubiet darba għal dejjem; dak li fih jinterċedi għalina bħalissa; u dak li jasal meta Hu jerġa’ jiġi.

Imma dan kollu għandu l-maqlub tiegħu, id-dagħwa li ma tinħafirx. Iebsa tisma’ dan il-kliem, imma huwa Hu li qed jgħidu, u la qed jgħidu Hu huwa minnu. ‘Fis-sewwa ngħidilkom li kollox jinħafer lil ulied il-bnedmin’ – u nafu li Hu jaħfer dejjem u kollox jekk aħna niftħu qlubna għaliH. Kollox jaħfrilna, anke d-dagħa, id-dagħa wkoll jinħafer.

‘Imma min jidgħi kontra l-Ispirtu s-Santu jkollu t-telfien ta’ dejjem.’ Biex jispjega dal-punt, il-Papa jsemmi d-dilka ta’ Ġesù li għamel l-Ispirtu s-Santu fil-ġuf ta’ Marija…. u s-saċerdoti, fiċ-ċerimonja tal-ordinazzjoni, ikunu midlukin biż-żejt.

Ġesù wkoll, bħala s-Saċerdot il-Kbir irċieva din id-dilka. U liema kienet l-ewwel dilka?, staqsa l-Papa. Kienet il-laħam ta’ Marija bil-ħidma tal-Ispirtu s-Santu. U min jidgħi b’dan, dagħwa bl-għeruq tal-imħabba t’Alla, li hi r-redenzjoni, ikun qed jidgħi bis-saċerdozju ta’ Kristu.

Allura Alla hu qalbu ħażina għax ma jaħfirx? Le. Il-Mulej kollox jaħfer. Imma min jgħid dawn il-ħwejjeġ qed jingħalaq għall-maħfra, ma jridx ikun maħfur, ma jħallix dnubu jinħafer. Dan hu l-ikrah tad-dagħwa kontra l-Ispirtu s-Santu: dak li jkun jingħalaq għall-maħfra għax jiċħad id-dilka saċerdotali ta’ Ġesù, magħmula mill-Ispirtu s-Santu.

Waqt il-Quddiesa tal-lum, temm il-Papa, jagħmlilna tajjeb naħsbu li fuq dan l-altar hemm it-tifkira ħajja, għax Hu se jkun preżenti. Naħsbu fl-ewwel saċerdozju, meta Hu offra ruħu għalina. Hawn tinsab ukoll il-memorja ħajja tat-tieni saċerdozju; għax Hu jkun qed jitlob hawnhekk.

Imma waqt dil-Quddiesa wkoll – ngħidu dan wara l-Missierna – hemm it-tielet saċerdozju ta’ Ġesù meta Hu għad jerġa’ jiġi biex iġib fil-milja t-tama tal-glorja tagħna. Waqt dil-Quddiesa naħsbu dwar dawn l-affarijiet sbieħ u nitolbu l-grazzja li qlubna ma jingħalqu qatt għal dawn il-meravilji, għal dil-gratwità bla qies.

Ħajr lill-Kamra tal-Aħbarijiet ta’ Radju Marija.

  1. No comments yet.
  1. No trackbacks yet.

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out / Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out / Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out / Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out / Change )

Connecting to %s

%d bloggers like this: