Home > Il-Papa Franġisku minn Dar Santa Marta > Alla japprezza li nirrabjaw miegħu għax dan juri li aħna awtentiċi

Alla japprezza li nirrabjaw miegħu għax dan juri li aħna awtentiċi


It-Tlieta 24 ta’ Jannar 2017. Omelija tal-Papa Franġisku fid-Dar Santa Marta.

Li nagħmlu r-rieda t’Alla ma jfissirx li ma niddiskutux jew ma nirrabjawx mal-Mulej. L-importanti hu li nkunu sinċieri, mhux wiċċ b’ieħor, u nibqgħu sakemm ngħidulu ‘hawn jien’. Dan kien fil-qosor il-ħsieb ewlieni tal-omelija li l-Papa Franġisku għamel dalgħodu fil-kappella tad-Dar Santa Marta, fil-Vatikan.

 

L-omelija kienet dwar is-silta mill-Ittra lil-Lhud li ttina l-liturġija tal-lum. Meta Kristu jiġi fid-dinja, jgħid: ‘Int ma ridtx la sagrifiċċji u lanqas offerti għad-dnubiet. Jiena ġejt biex nagħmel ir-rieda tiegħek.’

Dil-kelma ta’ Ġesù, spjega l-Papa, iġġib fi tmiemha storja ta’ sensiela ta’ ‘hawn jien’ kollha marbutin flimkien. L-istorja tas-salvazzjoni hi storja miżgħuda b’dil-frażi: ‘hawn jien’.

Wara Adam, li jistaħba għax beżgħan mill-Mulej, Alla jibda jsejjaħ u jisma’ t-tweġiba tal-irġiel u n-nisa li jgħidulu, ‘Hawn jien Mulej, lest għal dak li tgħidli int.’

Ibda minn Abraham, Mosè, Elija, Iżaija, Ġeremija, sakemm naslu għall-‘hawn jien’ il-kbira ta’ Marija u l-aħħar ‘hawn jien’ ta’ Ġesù. Storja ta’ ‘hawn jien’ li mhumiex awtomatiċi għax il-Mulej jiddjaloga ma’ dawk li Hu jkun stieden.

Il-Mulej jiddjaloga dejjem ma’ min ikun stieden biex iwasslu li jimxi fit-triq li jgħid ‘hawn jien’, kompla l-Papa. Il-Mulej għandu ħafna u ħafna paċenzja. Meta naqraw il-ktieb ta’ Ġob, l-argumenti kollha ta’ Ġob, li ma jifhimx, u t-tweġibiet tal-Mulej li jikkoreġih….. u fl-aħħar x’kien l-‘hawn jien’ ta’ Ġob?

‘Mulej, Int għandek raġun. Jien kont nafek minn dak li smajt; issa għajnejja raw lilek.’ ‘Hawn jien’ dment li hemm ir-rieda, ikkummenta Franġisku. Din hi l-ħajja Kristjana: ‘hawn jien’ waħda wara l-oħra biex nagħmel ir-rieda tal-Mulej.

Sabiħ naqraw l-Iskrittura, il-Bibbja, biex infittxu t-tweġibiet li n-nies taw lill-Mulej, kif kienu jwieġbu, u meta nsibuhom nindunaw kemm huma sbieħ: ‘Hawn jien, lest biex nagħmel ir-rieda tiegħek.’

Il-Liturġija tal-lum, issokta l-Qdusija Tiegħu, tħeġġiġna nirriflettu dwar kif aħna mal-Mulej, kif inhu l-‘hawn jien’ tagħna.

Jien immur ninħeba, bħal Adam, biex ma nweġibx? Jew meta jsejjaħli l-Mulej, minflok ngħidlu ‘hawn jien’, jew ‘xi trid minni?’, naħrab bħal Ġona li ma riedx jagħmel dak li kien qed jitlob minnu l-Mulej?

Jew nagħmel tabirruħi li qed inwettaq ir-rieda tal-Mulej, imma minn barra biss, bħad-dutturi tal-liġi li Ġesù jikkundanna b’tant qawwa? Dawn kienu finta… m’hemmx mistoqsijiet: jien nagħmel dan u xejn aktar.

Jew inkella, inħares in-naħa l-oħra kif għamlu l-levita u s-saċerdot quddiem l-imsejken ferut, imsawwat mill-ħallelin u mitluq nofsu mejjet? Kif inhi t-tweġiba tiegħi lill-Mulej?

Il-Mulej isejħilna kuljum, żied il-Papa Franġisku, u jistedinna ngħidu l-‘hawn jien’ tagħna. Imma nistgħu niddiskutu miegħu. Hu jieħu gost jiddiskuti magħna. Xi ħadd jista’ jgħidli: ‘Imma, padre, bosta drabi, meta nkun qed nitlob, nirrabja mal-Mulej….’ Imma dan ukoll hu talb, osserva Franġisku.

Hu japprezza li inti tirrabja u tgħidlu f’wiċċu dak li qed tħoss, għax Hu Missier! Imma dan ukoll huwa sinjal ta’ ‘hawn jien’.

Kull wieħed u waħda minna jista’ jwieġeb għall-mistoqsija: kif inhi l-‘hawn jien’ tiegħi mal-Mulej, biex nagħmel ir-rieda tiegħu f’ħajti? Jalla l-Ispirtu s-Santu jtina l-grazzja li nsibu t-tweġiba, temm il-Papa.

Ħajr lill-Kamra tal-Aħbarijiet ta’ Radju Marija.

  1. No comments yet.
  1. No trackbacks yet.

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out / Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out / Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out / Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out / Change )

Connecting to %s

%d bloggers like this: