Home > Il-Papa Franġisku minn Dar Santa Marta > Id-dnub li jipparalizza lin-Nisrani hu li jibża’ minn kollox

Id-dnub li jipparalizza lin-Nisrani hu li jibża’ minn kollox


Il-Ġimgħa 27 ta’ Jannar 2017. Omelija tal-Papa Franġisku fid-Dar Santa Marta.

L-ittra lil-Lhud li ttina l-liturġija tal-lum, afferma dalgħodu l-Papa Franġisku fl-omelija tal-quddiesa fil-kappella tad-Dar Santa Marta, tħeġġiġna ngħixu ħajja Nisranija billi nħarsu lejn tliet punti: il-passat, il-preżent u l-futur.

 

 

Qabel kollox tistedinna biex nibqgħu niftakru, għax il-ħajja Nisranija ma tibdiex illum: illum qed tkompli.  Niftakru kollox, l-affarijiet tajbin u dawk anqas tajbin.  Dan ifisser li nkunu qed inpoġġu l-istorja ta’ ħajjitna quddiem Alla, mingħajr ma nippruvaw naħbuha jew ngħattuha.

Ma nistgħux nifhmu l-ħajja Nisranija, u wkoll il-ħajja spiritwali ta’ kuljum, mingħajr il-memorja.  Lanqas nistgħu ngħixu ħajja Nisranija mingħajr dil-memorja.

Il-memorja tas-salvazzjoni t’Alla f’ħajti, il-memorja tal-gwaj li għaddejt minnu.  U l-Mulej kif ħelisni minn dal-gwaj?, staqsa l-Papa.

Il-memorja hi grazzja, kompla jgħid, grazzja li għandna nitolbu għaliha: Mulej għinni biex ma ninsiex meta Int għaddejt minn ħajti, biex ma ninsiex il-waqtiet sbieħ u anke dawk koroh: il-ferħ u s-slaleb.  Għax in-Nisrani hu bniedem li jibqa’ jiftakar.

Imbagħad, l-awtur tal-ittra lil-Lhud, issokta Franġisku, ifehemna li aħna ninsabu f’mixja u qed nistennew xi ħaġa, qed nistennew li naslu f’punt, f’laqgħa, li niltaqgħu mal-Mulej. Għalhekk iħeġġiġna biex ngħixu għall-fidi.

It-tama: ħarsitna lejn il-futur.  Daqskemm ma nistgħux ngħixu ħajja Nisranija mingħajr il-fakra ta’ dak li għadda, daqstant ieħor il-ħajja Nisranija ma tistax tingħex mingħajr ma tħares lejn il-futur bit-tama tal-laqgħa mal-Mulej.

U l-awtur tal-ittra jikteb sentenza sabiħa: ftit ieħor…..  Il-ħajja hi bħal żiffa li tgħaddi.  Iż-żgħażugħ jara li għad fadallu ħafna żmien quddiemu, imma l-ħajja tgħallimna frażi li ngħiduha spiss:  kif itir iż-żmien!  Dan kont nafu tifel, issa se jiżżewweġ!  Kif jgħaddi ż-żmien!

Imma t-tama li niltaqgħu mal-Mulej tfisser li ħajjitna ngħadduha bejn dak li niftakru mill-passat tagħna, u t-tama: il-passat u l-futur.

L-ittra tistedinna biex ngħixu wkoll il-preżent – li mhux rari jkun tbatija u niket – bil-kuraġġ u l-paċenzja, jiġifieri bl-onestà, mingħajr mistħija, u nissaportu kull ma jiġrilna fil-ħajja.

Ilkoll kemm aħna midinbin, issokta l-Papa.  Ilkoll.  Imma nibqgħu mexjin bil-kuraġġ u bil-paċenzja.  Ma nistgħux nibqgħu ċċassati nħarsu, għax dan ma jgħinniex nikbru.

Fl-aħħar, l-awtur tal-ittra lil-Lhud jgħidilna biex ma nagħmlux id-dnub li nitilfu l-memorja, it-tama, il-kuraġġ u l-paċenzja, biex ma nkunux beżżiegħa.  Dan hu dnub li ma jħallikx timxi ‘l quddiem minħabba l-biża’, filwaqt li Ġesù jgħidlek: ‘Tibżax.’

Il-beżżiegħa huma dawk li jħarsu biss lura, li moħħhom biss fihom infushom, li jibżgħu minn kollox.  Tirriskjax, prudenza…. il-kmandamenti…….  Iva, veru, imma dan jipparalizzak u minħabba f’hekk tinsa wkoll il-grazzji li tkun irċevejt:  inessuk, itellfulek it-tama għax ma jħallukx timxi.

Il-preżent tan-Nisrani jixbah lil bniedem li jkun għaddej mit-triq u f’daqqa waħda taqbdu x-xita bla mistenni…. u libsa li tkun xi ftit qadima, tinxtoroblu.  Qlub magħluqa: dan hu l-biża’, dan hu d-dnub kontra l-memorja, kontra l-kuraġġ, il-paċenzja, it-tama.

Jalla l-Mulej ikattar fina l-memorja, ikattrilna t-tama, u kuljum itina l-kuraġġ u l-paċenzja li jeħilsuna mill-biża’, milli nibżgħu minn kollox.  Għax Ġesù jgħid li min jibża’ għal ħajtu jitlifha, temm jgħid il-Papa Franġisku.

Ħajr lill-Kamra tal-Aħbarijiet ta’ Radju Marija.

  1. No comments yet.
  1. No trackbacks yet.

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out / Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out / Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out / Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out / Change )

Connecting to %s

%d bloggers like this: