It-Tnejn 30 ta’ Jannar 2017. Omelija tal-Papa Franġisku fid-Dar Santa Marta.
Mingħajr memorja nitilfu t-tama, qal dalgħodu l-Papa Franġisku fil-meditazzjoni waqt il-quddiesa fil-kappella tad-Dar Santa Marta.
Il-Papa kien qed jagħmel riflessjoni dwar l-ewwel qari, meħud mill-Ittra lil-Lhud, li fiha hemm stedina biex il-poplu tal-Mulej iżomm ħajja t-tifkira tal-istorja tiegħu.
Proprju fil-kapitlu 11, li qed naqraw f’dal-ġranet, it-tema hija l-memorja. L-ewwelnett il-memorja tad-doċilità, tal-ħlewwa, ibda minn dik ta’ Abraham, li obda u telaq minn artu mingħajr ma kien jaf fejn sejjer, qal il-Qdusija Tiegħu.
Is-silta mill-kapitlu 11 tal-Ittra lil-Lhud li qed naqraw illum, ittina żewġ memorji oħra: dik tal-opri kbar tal-Mulej magħmulin ma’ Ġidgħon, Barak, Sansun, David u ħafna nies oħra li sawru l-istorja ta’ Iżrael.
Imbagħad hemm grupp ieħor li rridu nagħmlu l-memorja tiegħu: il-martri, li taw ħajjithom għal Ġesù. Infatti l-Knisja hi magħmula minn dal-poplu t’Alla, midneb imma doċli, li jagħmel tant affarijiet kbar u jagħti xhieda ta’ Ġesù Kristu, sal-martirju.
Il-martri huma dawk li jmexxu l-Knisja ‘l quddiem, sal-ġurnata tal-lum.
Illum hawn aktar martri mill-ewwel sekli. Il-midja dan ma tgħidux għax ma jitqiesx aħbar, imma llum bosta Nsara huma beati għax ippersegwitati, insultati, mitfugħin il-ħabs, imqar għax sempliċement kellhom salib fuqhom, jew għax iddikjaraw li jistqarru lil Ġesù Kristu.
Din hi l-glorja tal-Knisja, issokta l-Papa, hija s-sapport tagħna u l-umiljazzjoni tagħna. Aħna li għandna kollox, ingergru meta tonqosna xi ħaġa… imma ftit naħsbu dwar dawn ħutna, li llum, aktar mill-ewwel sekli, għadhom isofru l-martirju.
Ma nistax ninsa, qal Franġisku, ix-xhieda ta’ dak is-saċerdot u dik is-soru f’Tirana, l-Albanija, is-snin li għaddew maqfulin, jagħmlu xogħol forzat, isofru l-umiljazzjonijiet u mingħajr drittijiet umani.
Il-Papa kompla jgħid li l-akbar forza tal-Knisja llum tinsab fil-Knejjes żgħar, bi ftit membri, li huma ppersegwitati u mitfugħin il-ħabs flimkien mal-isqfijiet tagħhom.
Nazzarda ngħid, kompla Franġisku, li Knisja mingħajr martri hi Knisja mingħajr Ġesù. Għalhekk nistedinkom biex titolbu għall-martri li jsofru bla qies u titolbu għal dawk il-Knejjes li m’għandhomx il-libertà li jesprimu ruħhom, li jsofru ħafna, għax it-tama tagħna tinsab fihom.
Il-Papa semma li kittieb tal-ewwel sekli tal-Knisja kien qal li d-demm tal-martri hu ż-żerriegħa tal-Insara. Bil-martirju u x-xhieda tagħhom, bit-tbatija tagħhom, bl-offerta ta’ ħajjithom, qed jiżirgħu l-futur.
Għalhekk il-Papa talab lill-kongregazzjoni biex toffri l-quddiesa għall-Knejjes li jsofru u li m’għandhomx libertà. U niżżu ħajr lill-Mulej, temm il-Papa, li aħna preżenti bil-qawwa tal-Ispirtu tiegħu f’dawn ħutna li llum jagħtu xhieda tiegħu.
Ħajr lill-Kamra tal-Aħbarijiet ta’ Radju Marija.