L-elmu tat-tama (1 Tess 5:4-11)


9. Katekeżi dwar it-Tama Nisranija mill-Papa Franġisku. 1 ta’ Frar 2017.

Għeżież ħuti, l-għodwa t-tajba!

Fil-katekeżi li għaddew bdejna l-mixja tagħna fuq it-tema tat-tama billi f’din il-perspettiva qrajna mill-ġdid xi paġni tat-Testment il-Qadim. Issa ejjew ngħaddu biex nixħtu dawl fuq l-importanza straordinarja li din il-virtù għandha fit-Testment il-Ġdid, meta tiltaqa’ mal-element ġdid irrappreżentat minn Ġesù Kristu u mill-ġrajja tal-Għid: it-tama Nisranija. Aħna l-Insara, aħna rġiel u nisa tat-tama.

Dan hu li joħroġ b’mod ċar sa mill-ewwel test li nkiteb, jiġifieri l-Ewwel Ittra ta’ San Pawl lit-Tessalonkin. Fis-silta li għadna kemm smajna, nistgħu nħossu l-freskezza u l-ġmiel kollu tal-ewwel tħabbira Nisranija. Dik ta’ Tessaloniki hi komunità żagħżugħa, li ma kinitx ilha mwaqqfa; madankollu, minkejja d-diffikultajiet u l-ħafna provi, għandha għeruqha mniżżla fil-fidi u tiċċelebra b’ħeġġa u b’ferħ il-qawmien tal-Mulej Ġesù. L-Appostlu għalhekk jithenna f’qalbu ma’ kulħadd, għax dawk li jitwieldu mill-ġdid fl-Għid isiru tabilħaqq “ulied id-dawl u wlied il-jum” (5:5), bil-qawwa tal-komunjoni sħiħa tagħhom ma’ Kristu.

Meta kitbilha Pawlu, il-komunità ta’ Tessaloniki kienet għadha kemm twaqqfet, u ftit kien hemm snin jifirduha mill-Għid ta’ Kristu. Għalhekk, l-Appostlu jfittex mod kif ifisser l-effetti u l-konsegwenzi kollha li din il-ġrajja unika u deċiżiva, jiġifieri l-qawmien tal-Mulej, iġġib fl-istorja u l-ħajja ta’ kull wieħed u waħda. B’mod partikulari, id-diffikultà tal-komunità ma kinitx daqshekk li tagħraf li Ġesù qam mill-mewt, dan kulħadd kien jemmnu, imma li temmen fil-qawmien mill-imwiet. Iva, Ġesù qam mill-mewt, imma d-diffikultà kienet li temmen li l-mejtin iqumu. F’dan is-sens, din l-ittra hi attwali daqs qatt qabel. Kull darba li nsibu ruħna quddiem il-mewt tagħna, jew quddiem dik ta’ persuna għażiża, inħossu li l-fidi tagħna qed tiġi ppruvata. Ifeġġu d-dubji kollha tagħna, id-dgħufija kollha tagħna, u nistaqsu lilna nfusna: “Imma tassew li sa jkun hemm ħajja wara l-mewt…? Ħa nkun nista’ nara u ngħannaq mill-ġdid lill-persuni li ħabbejt…?”. Din il-mistoqsija għamlithieli waħda mara xi jiem ilu waqt udjenza, għax kellha dubju: “Se nerġa’ narahom lil tiegħi?”. Anki aħna, fil-kuntest attwali, hemm bżonn nerġgħu lura għall-għeruq u għall-bażi tal-fidi tagħna, biex nifhmu dak li Alla għamel għalina fi Kristu Ġesù u xi tfisser il-mewt tagħna. Kollha nibżgħu xi ftit minħabba f’din l-inċertezza tal-mewt. Jiġini f’moħħi wieħed xwejjaħ, anzjan, twajjeb, li kien jgħid: “Jien ma nibżax mill-mewt. Nibża’ xi ftit meta nħossha ġejja”. Minn dan kien jibża’.

Pawlu, quddiem il-biżgħat u d-dubji tal-komunità, jistedinhom biex iżommu sħiħa fuq rashom bħal elmu, fuq kollox fit-tiġrib u fil-mumenti l-iżjed diffiċli tal-ħajja, “it-tama tas-salvazzjoni”. Hi elmu. Dak li hi t-tama Nisranija. Meta nitkellmu fuq it-tama, nistgħu naħsbu fiha skont it-tifsira komuni tat-terminu, jiġifieri f’riferiment għal xi ħaġa sabiħa li nixtiequ, imma li tista’ sseħħ jew ma sseħħx. Nittamaw li sseħħ, hi bħal xewqa. Ngħidu aħna, ngħidu: “Nittama li għada jagħmel ftit bnazzi!”; imma nafu li l-għada jista’ jagħmel temp ikrah… It-tama Nisranija mhix hekk. It-tama Nisranija hi l-istennija ta’ xi ħaġa li diġà twettqet; hemm il-bieb hemm, u jien nittama li nasal sal-bieb. Xi rrid nagħmel? Nimxi lejn il-bieb! Jiena ċert li ħa nasal sal-bieb. Hekk it-tama Nisranija: iċ-ċertezza li jien miexi lejn xi ħaġa li teżisti, mhux li jien nixtieq li teżisti. Din hi t-tama Nisranija. It-tama Nisranija hi l-istennija ta’ xi ħaġa li diġà twettqet u li żgur se sseħħ għal kull wieħed u waħda minna. Mela anki l-qawmien tagħna u dak tal-għeżież mejtin tagħna mhux xi ħaġa li tista’ sseħħ jew le, imma hu realtà ċerta, għax għandha għeruqha fil-ġrajja tal-qawmien ta’ Kristu. Mela li nittamaw ifisser nitgħallmu ngħixu fl-istennija. Nitgħallmu ngħixu fl-istennija u nsibu l-ħajja. Meta mara tintebaħ li hi tqila, ta’ kuljum titgħallem tgħix fl-istennija li għad tara l-ħarsa ta’ dik it-tarbija li ġejja. Hekk aħna wkoll għandna ngħixu u nitgħallmu minn dawn l-istennijiet umani kif ngħixu fl-istennija li għad naraw lill-Mulej, li għad niltaqgħu mal-Mulej. Din mhix ħaġa faċli, imma wieħed jitgħallem: jgħix fl-istennija. It-tama tfisser u timplika qalb umli, qalb fqajra. Min hu fqir biss jaf jistenna. Min hu diġà mimli bih innifsu u b’dak li għandu, ma jaf iqiegħed il-fiduċja tiegħu f’ħadd iżjed jekk mhux fih innifsu.

Jikteb mill-ġdid San Pawl: “[Ġesù] miet għalina, sabiex sew jekk inkunu nishru u sew jekk inkunu rieqda meta jiġi, ngħixu ħaġa waħda miegħu” (1 Tess 5:10). Dawn il-kelmiet huma dejjem motiv ta’ faraġ u sliem kbir. Anki għall-persuni maħbuba li ħallewna aħna msejħin nitolbu biex jgħixu fi Kristu u jkunu f’xirka sħiħa magħna. Ħaġa li tmissli tassew qalbi hi espressjoni ta’ San Pawl, dejjem indirizzata lit-Tessalonkin. Lili timlieni biċ-ċertezza tat-tama. Jgħid hekk: “Hekk inkunu dejjem mal-Mulej” (1 Tess 4:17). Kemm hi sabiħa: kollox jgħaddi imma, wara l-mewt, sa nkunu dejjem mal-Mulej. Din hi ċ-ċertezza sħiħa tat-tama, l-istess waħda li, ħafna żmien qabel, wasslet lil Ġob biex jesklama: “Jien naf li d-Difensur tiegħi ħaj […]. Lilu narah b’ħabib tiegħi, dak li jilmħu għajnejja ma jkunlix barrani” (Ġob 19:25,27). U hekk għal dejjem inkunu mal-Mulej. Intom temmnuh dan? Qed nistaqsikom: temmnuh dan? Biex nagħmlu ftit saħħa ħa nistedinkom tgħiduha tliet darbiet flimkien miegħi: “Hekk inkunu dejjem mal-Mulej”. U hemm, mal-Mulej, għad niltaqgħu lkoll flimkien.

Miġjub mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s

This site uses Akismet to reduce spam. Learn how your comment data is processed.