Home > L-Isqof ta' Għawdex Mario Grech > Omelija tal-Isqof Mario Grech fil-Funeral tal-Kan. Lino Vella

Omelija tal-Isqof Mario Grech fil-Funeral tal-Kan. Lino Vella


Is-Sibt 4 ta’ Frar 2017: Omelija tal-Isqof ta’ Għawdex, l-E.T. Mons. Mario Grech, fil-Funeral tal-Kan. Lino Vella, Knisja parrokkjali tal-Madonna tas-Sokkors u San Girgor il-Kbir, Ta’ Kerċem.

INTOM IL-MELĦ TAL-ART

Biex jgħix, il-bniedem jeħtieġlu l-ikel, imma l-ikel maż-żmien jitħassar u jispiċċa. Jekk l-ikel ikun skars, l-istess ħajja umana tkun mhedda. Għalhekk, biex ikun jista’ jikkonserva l-ikel fit-tul mingħajr ma jitħassar u hekk jiżgura li jgħix, il-bniedem beda juża l-melħ. Il-melħ tant sar prezzjuż li hemm min isejjaħlu “deheb abjad”. Il-melħ iserrħilna rasna li ser ikollna ikel biex ngħixu.

Imma aħna nafu li mhux biss l-ikel jitħassar, imma anki l-bniedem huwa suġġett għal taħsir. Anzi, ebda esperjenza umana ma hija meħlusa mit-taħsir. Dan narawh fl-esperjenza tagħna fil-familja, fir-relazzjonijiet ta’ bejnietna, fuq ix-xogħol, fid-diversi oqsma tas-soċjetà, u l-bqija. Mhux tant rari li niltaqgħu ma’ realtajiet umani minsusa mit-taħsir. It-taħsir, li jista’ jkun materjali, affettiv, morali, soċjali u spiritwali, huwa parti mill-ħajja tagħna. Din il-qagħda taf taqtgħalna qalbna, għax ladarba l-ħwejjeġ jibdew jitħassru, it-taħsir joktor.

Imma fil-Vanġelu, Ġesù jagħmel affermazzjoni qawwija li għandha timliena bit-tama u l-kuraġġ. Huwa jgħidilna: “Intom il-melħ tal-art” (Mt 5:13). Hawnhekk Ġesù mhux qiegħed sempliċement jiddeskrivi min huma d-dixxipli tiegħu – imma qiegħed jikkostitwixxi lid-dixxipli bħala melħ tal-art. Hawnhekk Ġesù qed jgħid li meta aħna nemmnu fih u nagħmlu l-Kelma tiegħu, aħna niksbu l-qawwa li għandu l-melħ. Jekk huwa minnu li kull wieħed u waħda minna jista’ jkun imċappas bit-taħsir, fl-istess waqt Ġesù qed jesprimi din il-fiduċja tiegħu fina u jgħidilna li aħna nistgħu nagħtu sehemna kemm biex it-tajjeb ma jitħassarx u kemm biex fejn hemm it-taħsir dan jiġi mrażżan.

Niżbaljaw jekk naħsbu li huma biss id-dixxipli perfetti li jistgħu jkunu melħ tal-art. Fil-fatt hawnhekk Ġesù qed jiddeskrivi bħala melħ tal-art lil dawk li huwa jelenka fid-Diskors tal-barkiet jew tal-beatitudnijiet. Hemmhekk Ġesù jindirizza lil dawk milquta mit-taħsir: il-fqar fl-ispirtu, l-imnikkta, dawk li huma bil-ġuħ u l-għatx tal-ġustizzja, dawk li huma ppersegwitati huma henjin għax huma għad jaraw lil Alla u għad ikollhom is-Saltna bħala wirt. Dan huwa kliem li jqabbad it-tama f’min ikun tilifha b’tali mod li dawk li ma jkollhomx tama jibdew jittamaw. Hekk huma jsiru melħ li jħares it-tajjeb u jwaqqaf il-proċess ta’ dekompożizzjoni. Il-kristalli tal-melħ xorta jibqgħu effettivi minkejja li jkunu xi ftit maħmuġin. Meta staqsa x’jiġri mill-melħ li jaqta’, Ġesù kien biss qed jitkellem b’mod enfatiku biex jurina li l-melħ qatt ma jaqta’!

Illum ġejna nagħtu l-aħħar tislima li ħuna Dun Lino Vella. Jiena u Dun Lino ħdimna flimkien kemm meta kont inservi f’din il-Paroċċa Ta’ Kerċem u kemm meta sirt Isqof, għax Dun Lino kien Kappillan tal-Parroċċa tal-Qalb ta’ Ġesù. Nafu bħala saċerdot ħabrieki. Imma meta disa’ snin ilu marad, huwa ma rtirax, imma minkejja l-limiti fiżiċi tiegħu xorta baqa’ jaqdi bħala għalliem fis-Seminarju Minuri, bħala konfessur fis-Santwarju Ta’ Pinu u f’ħidmiet kulturali u filantropiċi. Għalkemm kien laqtu t-taħsir fiżiku, huwa kien għalina għelm ta’ kuraġġ u determinazzjoni. F’ċertu sens, Dun Lino kien melħ għalina biex ma naqtgħux qalbna quddiem l-isfidi tal-ħajja.

Imma dak li tassew għamel minn Dun Lino melħ tal-art kien il-ministeru saċerdotali tiegħu. Għax is-sejħa u l-missjoni tagħna s-saċerdoti hija proprju dik li nkunu dan il-melħ. Bil-predikazzjoni, biċ-ċelebrazzjoni tas-sagramenti, bit-talb u bl-akkumpanjament li noffru, aħna s-saċerdoti ngħinukom tħarsu t-tajjeb li hemm fikom u fejn hemm it-taħsir naraw kif nistgħu nidħlu għalikom quddiem Alla biex bl-Ispirtu tiegħu jfejjaqkom u joħloqkom mill-ġdid. Aħna saċerdoti biex inpoġġu jdejna fejn hemm it-taħsir f’kull livell. Għalhekk, kull min għandu xi għamla jew oħra ta’ taħsir, ma għandux għalfejn jitgerrex u jibqa’ lura mis-saċerdot; għall-kuntrarju, min hu qalbu mtaqqla bit-taħsir, ħa jersaq għand is-saċerdot biex dan jitlob fuqu u miegħu u jgħinu.

Ħalliena saċerdot ieħor! Hemm bżonn li l-vojt tiegħu jimtela minn xi ħadd. Għalhekk nagħlaq billi nagħmel appell lill-familji tagħna li huma melħ għal uliedhom. Għeżież ġenituri, jekk il-Mulej jixħet għajnejh fuq xi wieħed minn uliedkom, weżnuh u għamlulu l-qalb biex jiftaħ qalbu għas-sejħa. Ġieli tintilef vokazzjoni għax ma jkunx hemm melħ li jħarisha mit-taħsir. Il-kawża vokazzjonali mhix responsabbiltà tal-Isqof jew tas-saċerdoti waħidhom, imma għandha tinteressa lill-komunità Nisranija kollha kemm hi. Napprezza ħafna d-dedikazzjoni tal-Kappillan Meilak għall-vokazzjonijiet. Il-melħ huwa minerali indispensabbli biex l-ikel jikseb it-togħma – ma hemmx mejda li ma jkunx hemm fuqha l-melħ; imma lanqas ikun hemm mejda tal-Ewkaristija jekk ma jkunx hemm saċerdot!

  1. No comments yet.
  1. No trackbacks yet.

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out / Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out / Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out / Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out / Change )

Connecting to %s

%d bloggers like this: