Home > Il-Papa Franġisku minn Dar Santa Marta > Il-mara tnissel l-armonija li ssebbaħ id-dinja

Il-mara tnissel l-armonija li ssebbaħ id-dinja


Il-Ħamis 9 ta’ Frar 2017. Omelija tal-Papa Franġisku fid-Dar Santa Marta.

Mingħajr il-mara m’hemmx armonija fid-dinja. Hekk iddikjara l-Papa Franġisku waqt l-omelija fil-kappella tad-Dar Santa Marta, dalgħodu. Ir-raġel u l-mara, qal il-Papa, m’humiex l-istess; ebda naħa m’hi superjuri għall-oħra, imma hi l-mara mhux ir-raġel li tnissel l-armonija, li tagħmel lid-dinja hekk sabiħa.

 

Franġisku kien qed jagħmel riflessjoni dwar il-Ħolqien skont ir-rakkont fil-Ktieb tal-Ġenesi, li f’dal-jiem qed naqraw fil-liturġija. Il-Mulej kien għamel kull xorta ta’ annimali imma r-raġel ma kellux sieħba, kien waħdu. Għalhekk il-Mulej ħadlu kustilja u għamel il-mara li r-raġel għarafha bħala laħam minn laħmu. Imma qabel raha, qal il-Papa Franġisku, kien ħolomha. Biex nifhmu, issokta Franġisku, il-mara jeħtieġ li qabel noħolmuha.

Ħafna drabi, meta nitkellmu dwar il-mara nitkellmu dwar dak li mistennija tagħmel. Iżda l-mara ġġib rikkezza li r-raġel m’għandux: il-mara ġġib l-armonija fil-Ħolqien.

Meta kien għad m’hemmx il-mara, l-armonija kienet nieqsa. Aħna ngħidu li s-soċjetà tagħna hi maskilista u l-mara qiegħda hemm biex taħsel il-platti u tagħmel ix-xogħol tad-dar. Le, qal Franġisku, il-mara qiegħda hemm biex tnissel l-armonija. Mingħajr il-mara m’hemmx armonija.

Ir-raġel u l-mara mhumiex l-istess imma mhumiex superjuri għal xulxin. Biss ir-raġel ma jnissilx armonija, hi l-mara li ġġib l-armonija. Hija l-mara li tgħallimna mmellsu, inħobbu bit-tenerezza, u hija hi li tagħmel id-dinja tant sabiħa.
Il-Papa kompla jirrifletti dwar tliet mumenti tal-ħajja: is-solitudni tar-raġel, il-ħolma u d-destin tar-raġel u tal-mara li jsiru ħaġa waħda.

Franġisku rrakkonta li meta kien qed isellem lin-nies waqt udjenza, lil koppja li kienet qed tiċċelebra s-sittin sena taż-żwieġ, staqsiehom: min minnkom ħa l-aktar paċenzja? It-tnejn ħarsu lejja u mbagħad ħarsu f’għajnejn xulxin – ma ninsa qatt dik il-ħarsa – imbagħad flimkien qaluli: aħna namrati.

Wara sittin sena, osserva l-Papa, dak ifisser ħaġa waħda: il-ħila tal-mara li tkun ‘namrata’ tnissel l-armonija fid-dinja. Il-mara mhix qiegħda fis-soċjetà biex tkun funzjonali. Minnu li hi tagħmel ċerti affarijiet – kif nagħmlu aħna lkoll – imma l-iskop tal-mara hu li tnissel l-armonija għax mingħajrha m’hemmx armonija fid-dinja.

Hu minnu, issokta l-Papa, li l-isfruttament tal-bniedem hu ġerħa għall-umanità, imma l-isfruttament tal-mara hu xi ħaġa aktar kerha: hu t-tkissir tal-armonija li Alla ried jagħti lid-dinja. Hu qerda.

Għalhekk l-isfruttament tal-mara mhux biss hu kriminali imma hu l-qerda tal-armonija, tenna Franġisku li kkwota l-Vanġelu tal-lum li jirrakkonta l-istorja tal-mara Siro-Feniċja.

U l-Papa temm l-omelija fuq nota personali: Dan hu r-rigal il-kbir li tana Alla. U fil-Vanġelu smajna x’għandha ħila tagħmel il-mara. Hi kuraġġuża. Baqgħet għaddejja bil-kuraġġ. Imma hi aktar minn hekk: hi l-armonija, il-poeżija, is-sbuħija.

Mingħajrha d-dinja ma tkunx daqshekk sabiħa, ma jkunx fiha armonija. U jien inħobb naħseb – fuq nota personali – li Alla ħalaq lill-mara biex ilkoll kemm aħna jkollna omm.

Ħajr lill-Kamra tal-Aħbarijiet ta’ Radju Marija.

  1. No comments yet.
  1. No trackbacks yet.

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out / Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out / Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out / Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out / Change )

Connecting to %s

%d bloggers like this: