Home > L-Isqof ta' Għawdex Mario Grech > Omelija tal-Isqof Mario Grech fis-Solennità tan-Nawfraġju ta’ San Pawl

Omelija tal-Isqof Mario Grech fis-Solennità tan-Nawfraġju ta’ San Pawl


Il-Ġimgħa 10 ta’ Frar 2017: Omelija tal-Isqof ta’ Għawdex, l-E.T. Mons. Mario Grech, fis-Solennità tan-Nawfraġju ta’ San Pawl Missierna, Knisja parrokkjali ta’ San Pawl Nawfragu, il-Munxar.

ĦADD MA GĦAMILNA ĠUSTIZZIERA TA’ ĦADD

Fil-qawl “jekk il-ġemel jara ħotobtu, jaqa’ u jmut sobtu”, l-antenati tagħna rnexxielhom jiddeskrivu aspett fid-DNA tagħna: li ħafna drabi aħna aktar lesti biex naraw il-ħotba tal-proxxmu tagħna milli ħotbitna! Aktar naraw it-tibna f’għajn il-proxxmu u ninsew it-travu li hemm f’għajnejna! Għalhekk nissindikaw lill-proxxmu, nerfgħulu salibu, u niġġudikawh. Donnu hawn min għamel lilu nnifsu ġustizzier u l-pjaċir tiegħu huwa li jiddikjara l-kundanna tal-mewt u jaqta’ l-irjus.

Hekk ġara dakinhar tan-nawfraġju ta’ San Pawl. Meta Pawlu qabad zkuk niexfa u tefagħhom fin-nar, u kien hemm lifgħa li qabdet ma’ id Pawlu, in-nies tal-gżira bdew jgħidu li “żgur kien xi qattiel, għax għad li ħelisha mill-baħar, il-Ġustizzja ma ħallitux jgħix” (Atti 27:4). In-nies iġġudikaw lil Pawlu fuq dak li kien jidher. Billi kien flimkien mal-ħabsin, mill-ewwel iġġudikawh qattiel u kkundannawh għall-mewt. Imma kif is-soltu jingħad, l-apparenza tinganna! Dan l-istess żball tan-nies ta’ dak iż-żmien nagħmlu aħna llum meta ngħaddu ġudizzji fuq il-proxxmu tagħna skont dak li nosservaw minn barra.

Kien għalhekk li fil-Linji-Gwida li tajna lis-saċerdoti dwar il-ħidma pastorali ma’ dawk il-miżżewġin li jinsabu fit-tieni relazzjoni, aħna għidna: “Ma nistgħux ngħidu aktar li dawk kollha li jinsabu f’qagħda hekk imsejħa irregolari qed jgħixu fl-istat tad-dnub il-mejjet, imċaħħda mill-grazzja li tqaddes”. Għalhekk hu possibbli li wieħed ikun f’qagħda oġġettiva ta’ dnub, imma ma jkollux fuq spallejh ir-responsabbiltà morali. Ħasra li frott tal-kultura li għandna li ngħaddu lill-proxxmu mill-passatur fin tagħna, bħal donnu xi wħud isibuha diffiċli biex jaċċettaw dan it-tagħlim. Għalhekk, mhux għax wieħed narawh ma’ dik jew mal-oħra, ngħaġġlu naqtgħu s-sentenza. Kif jikteb San Ġwann: “Tagħmlux ħaqq skont dak li jaraw l-għajnejn, imma għamluh skont is-sewwa” (7:14). Imma min jaf x’inhu s-sewwa fil-każ tal-persuna l-oħra? Huwa għalhekk li l-Papa Franġisku jgħid: “Jien min jien biex niġġudika lil dak li jkun?”. F’kull każ partikulari, huma l-individwu u Alla biss li jafu x’inhu s-sewwa. San Pawl jgħidilna: “Int li tagħmel ħaqq minn ħaddieħor ma għandek ebda skuża, int min int. Għax inti u tagħmel ħaqq minn ħaddieħor tkun tikkundanna lilek innifsek, ladarba inti u tagħmel il-ħaqq, tkun tagħmel l-istess” (Rum 2:1).

Imbagħad jidher li meta Pawlu wasal fuq xtutna, il-Maltin kellhom kunċett dejjaq ta’ ġustizzja divina. Għalihom il-ġustizzja ta’ Alla kellha tifsira distributtiva (kulħadd jieħu dak li ħaqqu) u punittiva jew vendikattiva – fis-sens li ladarba Pawlu kien (skont huma) qattiel, kien ħaqqu l-mewt. Kif uriet ċerta reazzjoni negattiva għal-Linji-Gwida li tajna dan l-aħħar aħna l-Isqfijiet, għaddew tant sekli u ħafna llum għadhom b’dan l-istess ħsieb dwar il-ġustizzja – hemm min qed jirraġuna li jekk Alla huwa ġust, allura ma hemmx maħfra għal min għamel żball irriversibbli fil-ħajja taż-żwieġ.

Imma kif jikteb Pawlu fl-Ittra lir-Rumani, il-ġustizzja ta’ Alla dehret fi Kristu (Rum 3:21). Kristu wriena li l-ġustizzja ta’ Alla għandha isem ġdid – miżerikordja. Din hija l-akbar rivelazzjoni. Alla huwa ġust miegħu nnifsu meta bl-imħabba tiegħu jerġa’ jħabbeb lill-bniedem miegħu. Fis-sens li meta Alla juri ħniena magħna, huwa jagħmel ġustizzja miegħu nnifsu għax jikxef min hu tassew – Alla hu Mħabba. Huwa minnu li kif jikteb San Pawl, għad jasal il-mument meta Alla “jħallas lil kulħadd skont ma jkun għamel; jagħti l-ħajja ta’ dejjem li dawk li jipperseveraw sal-aħħar fl-għemil it-tajjeb u jkunu fittxew il-glorja u l-ġieħ u l-ħajja” (Rum 2:7). Imma din mhix il-ġustizzja li jitkellem dwarha Pawlu meta jgħid li “issa dehret il-ġustizzja ta’ Alla”. Tal-ewwel hija l-ġustizzja li hemm tistenniena fil-futur; imma bħalissa, dment li għadna f’din id-dinja, il-ġustizzja ta’ Alla hija ħniena. Fil-persuna ta’ Ġesù Kristu, Alla qed juri ħniena magħna. “Il-bnedmin kollha dinbu u ċċaħħdu mill-glorja ta’ Alla, imma issa huma ġġustifikati bil-grazzja tiegħu li jagħtina minn rajh permezz tal-fidwa li hemm fi Kristu. Lilu Alla kkostitwieh vittma ta’ espjazzjoni b’demmu permezz tal-fidi biex b’hekk Alla issa juri l-ġustizzja tiegħu” (Rum 3:22-25).

Ma kienx biżżejjed għal Alla li jaħfer id-dnubiet, imma hu refa’ fuq spallejh id-dnubiet tagħna. Fil-fatt, Pawlu jikteb frażi dwar Kristu li għal xi wħud tista’ tinstema’ skandaluża: “Dak li ma kienx jaf x’inhu dnub, Alla għamlu dnub għalina biex aħna nsiru fih ġustizzja ta’ Alla” (2 Kor 5:21). Fiż-Żminijiet tan-Nofs diġà kien hemm min ma setax jifhem kif Alla talab il-mewt ta’ Ibnu biex iħabbeb il-bnedmin miegħu. Imma San Bernard jgħid: “Ma kinitx il-mewt tal-Iben li għoġbot lil Alla, imma r-rieda tiegħu li joffri ħajtu għalina”. Għalhekk ma kinitx il-mewt ta’ Kristu li salvatna, imma l-imħabba u l-ħniena tiegħu li wassluh biex imut għalina.

Ta’ min jomgħod din il-verità: Alla huwa ġust meta, misjuq mill-imħabba u l-ħniena, jagħmel ġust lill-bniedem midneb. Santu Wistin jikteb li l-ġustizzja ta’ Alla hija meta purament bil-grazzja tiegħu aħna nsiru ġusti. Mhux aħna niġġustifikaw lilna nfusna, imma huwa Alla li jagħmilna ġusti. Qegħdin fil-ħames ċentinarju mill-bidu tar-Riforma li ġab Luteru, u sew niftakru li Luteru jistqarr li meta għaraf din it-tifsira ta’ ġustizzja ta’ Alla, “ħassejtni nitwieled mill-ġdid u bħal donnu rajt il-bibien tas-Sema jinfetħu għalija”. Għalhekk, meta San Pawl qed jgħidilna li l-ġustizzja ta’ Alla dehret fi Kristu, qed jgħidilna li fi Kristu dehret l-imħabba ta’ Alla għalina. Nifhem li bħala bnedmin aħna nistgħu ninfixlu quddiem din il-ġustizzja ta’ Alla, għax aħna naħsbu ta’ bnedmin – imma ma nistgħux inżommu lil Alla milli jaħseb bħala Alla!

Dakinhar tan-nawfraġju ta’ Pawlu, il-Maltin kellhom (u għandna) kunċett differenti tal-ġustizzja divina minn dak tal-Vanġelu, għaliex ma kinux jafu lil Alla ta’ Ġesù Kristu. Biex jgħinna niskopru min hu Alla, San Pawl jgħidilna li huwa l-“Missier ta’ Sidna Ġesù Kristu” (Rum 15:5). Huwa biżżejjed għalina li nafu li Alla huwa Missier biex hekk nistgħu nibdew nifhmu l-mod kif jaħseb Alla. Alla jaħseb u jaġixxi ta’ Missier. Dan huwa l-wiċċ speċifiku ta’ Alla tagħna. Ried ikun Ġesù Kristu biex jirrivelalna din il-verità.

Biex jiddeskrivilna l-paternità ta’ Alla, San Pawl jgħidilna li aħna “salvati bil-grazzja, permezz tal-fidi: u dan mhux bis-saħħa tagħkom, imma b’don ta’Alla; mhux bl-opri, biex ħadd ma jiftaħar” (Efes 2:8). Mela mhux mertu tagħna li jirnexxielna nieqfu fuq riġlejna jew insalvaw esperjenza ta’ żwieġ (biex nagħti eżempju), imma kollox huwa grazzja mogħtija lilna minn Alla Missierna b’xejn. L-imħabba tiegħu tant tfawwar li jifrixha fuq il-bnedmin kollha – imma l-bniedem huwa ħieles li jaċċettaha jew le.

U f’silta oħra fl-Ittra lir-Rumani, San Pawl jikteb: “Meta aħna konna bla saħħa, Kristu, meta wasal iż-żmien, miet għall-ħżiena… Alla wriena l-imħabba tiegħu meta Kristu miet għalina, aħna li konna għadna midinbin. Kemm aktar u aktar issa li aħna ġġustifikati b’demmu, insalvaw permezz tiegħu mill-korla ta’ Alla. Jekk meta konna għadna għedewwa ta’ Alla tħabbibna miegħu bis-saħħa tal-mewt ta’ Ibnu, kemm aktar issa, li aħna ħbieb miegħu, insalvaw permezz tal-ħajja tiegħu?” (Rum 5:6-10). Għalhekk Alla ħabbna meta konna għadna midinbin. Ma qgħadx jistenna li aħna nikkonvertu u nsiru qaddisin biex imbagħad iħobbna. Hekk hija l-imħabba jew il-ġustifikazzjoni tiegħu li mbagħad għandha l-qawwa li taqlagħna minn ċerti sitwazzjonijiet.

Għalhekk ma għandniex għalfejn la nitkażaw u lanqas nieħdu skandlu meta l-Knisja Omm qed tgħidilna li Alla qed joffri l-ħniena u l-maħfra anki lil dawk li għamlu xi nuqqas irreparabbli fil-ħajja affettiva tagħhom. Kif jgħallem Missierna Pawlu, huwa Alla li salvana bil-grazzja – aħna salvati mhux bis-saħħa jew il-merti tagħna, imma b’don minn Alla.

Il-Papa Franġisku għażel bħala motto l-kliem “Miserando atque eligendo – Alla kien ħanin miegħi u għalhekk għażilni”. Dan nistgħu napplikawh ukoll għal Pawlu ta’ Tarsu li wara l-esperjenza li kellu fit-triq ta’ Damasku, seta’ jgħid: “Alla wera ħniena miegħi u għamilni appostlu”. Imma dan l-istess kliem jista’ joqgħod fuq xofftejna: hija l-ħniena ta’ Alla li meta naqgħu terġa’ twaqqafna fuq riġlejna! Ħa tkun il-ġrajja tan-Nawfraġju ta’ Missierna opportunità biex aħna lkoll ngħassu fuqna nfusna ħalli ma niġġudikaw lil ħadd skont l-apparenza – jekk huwa veru li mhux kulma jleqq huwa deheb, daqstant ieħor mhux kulma jleqq huwa landa. Niftakru li meta nagħmlu ħaqq minn ħaddieħor, inkunu qegħdin nikkundannaw lilna nfusna – ħallina mill-ħotba tal-proxxmu tagħna, għax jekk il-ġemel jara ħotobtu jaqa’ u jmut sobtu!

Fl-istess waqt nixtarru aktar it-tifsira rivoluzzjonarja tal-ġustizzja ta’ Alla kif jgħallimhielna San Pawl – proprju għaliex huwa ġust, Alla lest li jgħinna nagħtu bidu ġdid. Meta aħna nirriflettu fuq dan it-tagħlim sabiħ u profond, ma nistgħux ma nibdlux l-attitudni tagħna quddiem il-bniedem dgħajjef – quddiem il-bniedem imġarrab li seta’ dineb imma jixtieq jerġa’ jibda jikteb paġna ġdida f’ħajtu. Dan jgħodd ukoll għal min jinsab f’qagħda li ma jistax jerġa’ lura minnha – anki għax jaf fil-kuxjenza tiegħu li jekk jerġa’ lura, ser jerġa’ jaqa’ fi ħtija ġdida (Kriterji, art. 5). Lil din il-persuna wkoll il-Mulej jaf jagħtiha l-grazzja biex tgħix fi ħbiberija miegħu minkejja li tkun f’dik il-qagħda.

  1. No comments yet.
  1. No trackbacks yet.

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out / Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out / Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out / Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out / Change )

Connecting to %s

%d bloggers like this: