Home > L-Isqof ta' Għawdex Mario Grech > Omelija tal-Isqof Mario Grech f’Jum il-Morda

Omelija tal-Isqof Mario Grech f’Jum il-Morda


Il-Ħadd 12 ta’ Frar 2017: Omelija tal-Isqof ta’ Għawdex, l-E.T. Mons. Mario Grech, f’Jum il-Morda, Kappella tal-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex, il-Belt Victoria.

KELMA TA’ FARAĠ GĦALL-IMWEĠĠGĦIN

Aktar ma naqra l-Vanġelu, aktar nikkonvinċi ruħi li Alla tagħna huwa dejjem qrib il-bniedem ferut u muġugħ! Lil Alla dejjem insibuh fuq in-naħa ta’ min hu vittma u min jaqlagħha fuq rasu. Dan jikkonfermah Ġesù fil-Vanġelu tal-lum (Mt 5:17-37). Min is-soltu jaqra dan il-Vanġelu mil-lenti tal-morali forsi ma jifhimnix; imma l-Kelma ta’ Alla mhix biss “għarbiel tal-morali”, imma hija espressjoni li turina kemm Alla għandu empatija magħna. Għax daqskemm nistgħu nkunu minn dawk li bl-imġiba tagħhom iweġġgħu lill-oħrajn (dan huwa dnub), daqstant ieħor nistgħu nkunu fuq in-naħa tal-imweġġgħin.

Fil-fatt, meta Ġesù jfakkarna fil-ħames kmandament “la toqtolx”, hu mhux biss qed jgħidilna li l-omiċidju huwa ħażin, imma qed iħoss ma’ min iġarrab il-vjolenza u ħajtu hija mtertqa bl-atroċità ta’ ħaddieħor. Ġesù mhux biss huwa qrib dawk li ħajjithom tinħasad, imma wkoll tal-familjari tagħhom. Ilkoll konxji minn kemm tbatija jgħaddu l-familjari tal-vittmi tal-kriminalità jew ta’ dawk li jinqatlu! Ġesù mhux indifferenti quddiem din it-tbatija u jagħmel lilu nnifsu qrib ta’ dawn il-persuni.

Ġesù jiġbdilna l-attenzjoni li mhux bis-sejf tal-azzar biss tista’ tneħħi l-ħajja ta’ ħaddieħor, imma wkoll bis-sejf tal-laħam – l-ilsien! Hawn min għandu l-ħila li jiżbrana persuna bi lsienu – bil-gideb, iz-zekzik, it-tgħajjir, it-tpaċpiċ fieragħ, il-qlajjiet, kliem inġurjuż, kliem li jwaqqa’ għaż-żuffjett… Ilkoll nafu xi tfisser meta ssib ruħek fi lsien in-nies u vittma ta’ xnigħat immirati biex jassassinaw il-karattru! Kliem barra minn postu u li joffendi jaf jolqot fil-laħam il-ħaj, jinfed il-qlub, jagħmel ġerħat li jdumu biex jagħlqu u jaf jikkawża ħsarat irreparabbli. Ġesù huwa qrib tal-bniedem midrub b’dan il-mod. Huwa jifrex l-ingwent tal-balzmu fuq dawn il-ġerħat.

Meta mbagħad jirreferi għal min ikun qed itella’ l-offerta tiegħu fuq l-altar u jiftakar li “ħuh” għandu xi ħaġa kontrih, inħoss li Ġesù qed jirreferi għal dawk li huma mweġġgħa minħabba l-gdiedem, il-ġlied, il-firdiet u l-kunflitti li għandna bejnietna ħafna drabi fuq il-ħmerijiet. Dawn l-esperjenzi ngħaddu minnhom fuq ix-xogħol, fost il-ġirien, fl-għaqdiet, fil-każini, fil-kumitati… Kollha huma esperjenzi koroh, imma l-agħar huma dawk fi ħdan il-familji. Min hu sinċier miegħu nnifsu jaf li dawn it-tensjonijiet huma kawża ta’ weġgħat kbar u jnisslu dwejjaq tal-waħx, tant li wieħed ikun irid jirranġa, imma biex ma jaqax għall-ieħor, jibqa’ jżomm il-punt. Ftit ilu ltqajt ma’ omm li ilha snin miksura ma’ bintha. Din l-omm għandha qalbha magħsura għaliex ma tistax tħaddan lil ulied bintha, tant li bkiet quddiemi. Imma mbagħad mhix lesta li tagħmel l-ewwel pass għar-rikonċiljazzjoni.

Fl-istess nifs li jsemmi l-ġlied ta’ bejnietna, Ġesù għandu kelma wkoll għal dawk li jirrikorru għand il-qrati biex isibu ġustizzja. Donnu l-Vanġelu miktub għalina, għax fis-soċjetà tagħna ma humiex ftit dawk li jieklu l-għatba tal-qorti – jew għax itellgħu lill-oħrajn, jew għax l-oħrajn itellgħu lilhom. Huwa minnu li l-qorti taqta’ s-sentenzi, imma l-esperjenza tgħallimna li ċerti każijiet li jitressqu quddiem l-imħallef ma jagħlqux mal-għoti tas-sentenza imma jibqgħu ġrieħi miftuħa – anzi, xi drabi l-istess proċess u deċiżjoni tal-qorti jafu joħolqu tbenġil psikoloġiku serju fil-persuni innoċenti. Lil dawn il-persuni Ġesù ma jinsihomx, imma jieqaf magħhom u jibki magħhom.

Ġesù għandu kelma ta’ faraġ u mogħdrija wkoll għal dawk li qalbhom tqila minħabba l-problemi li jfaqqsu fiż-żwiġijiet li suppost huma esperjenza ta’ mħabba. Mhux il-każ li Ġesù jgħid biss li l-adulterju kien u jibqa’ ħażin; imma huwa jagħder lil dik il-persuna miżżewġa li ħajjitha ssir ħerba meta titlef lis-sieħba ta’ ħajjitha. Niftakar raġel tal-familja jfissirli t-tbatija li kien għaddej minnha għax martu telqitu ħin bla waqt. Darba oħra kien hemm mara miżżewġa li qaltli li filgħaxija kellha tagħmel bagalja bi ftit ħwejjeġ u toħroġ minn darha, għax żewġha li kien jaħqarha, keċċieha ’l barra. F’dawn id-drammi tal-ħajja hemm individwi responsabbli ta’ għemil żbaljat, imma hemm oħrajn li huma feruti gravament. Ġesù jimmedesima ruħu ma’ dawn tal-aħħar u bħaċ-Ċirinew jgħinhom jerfgħu s-salib tqil tal-ħajja.

U meta jgħid li huwa ħati ta’ adulterju f’qalbu anki min iħares lejn mara miżżewġa u jixtieqha, Ġesù qiegħed iħoss mal-mara miżżewġa li ma għandhiex tkun użata, abbużata u sfruttata biex ir-raġel jissodisfa l-bżonnijiet tiegħu! F’ċertu sens, imġiba adultera tista’ sseħħ ukoll bejn koppja miżżewġa meta r-raġel ma jkollux stima lejn martu. Il-mara għandha d-dinjità tagħha li trid tiġi rrispettata f’kull waqt u qatt ma għandha titqies bħala oġġett li r-raġel għandu xi dritt li jiskapriċċaha. Għalhekk, filwaqt li qed jikkundanna l-adulterju, Ġesù qiegħed jiddefendi lill-mara biex iħarisha minn dawn il-weġgħat profondi.

Ukoll meta Ġesù jgħid li kliemna għandu jkun “iva, iva” u “le, le”, huwa qiegħed jesprimi solidarjetà ma’ dawk li jħossu li ħaddieħor li jkunu wrewh fiduċja jkun daħak bihom. B’xorti ħażina, il-kliem sar irħis wisq u faċli nilagħbu bil-kliem u konsegwenza ta’ dan nilagħbu bin-nies. Bir-raġun tweġġa’ meta xi ħadd jagħtik kelma, inti tafdah, imbagħad issib li jkun għaddiek biż-żmien. Id-daqqa tkun eħrex jekk min jittradik, ikun saħħaħ il-wegħda li jkun tak bil-ġurament. Għalhekk, Ġesù qed viċin dawn il-vittmi u joffri li jinfaxxalhom il-ġerħat.

Barra l-weġgħat tal-qalb, hemm ukoll weġgħat tal-ġisem. Meta llum qegħdin niċċelebraw Jum il-Morda, niftakru li l-marid qatt ma huwa piż, u l-familja u s-soċjetà huma fid-dmir li joffrulu l-kura ordinarja biex ma jbatix u jfiq. Tal-mistħija li hemm min bla kuxjenza jagħmel sfruttament finanzjarju mill-morda. Min-naħa l-oħra, nafu li ġieli jkun hemm pazjenti fl-isptarijiet li jkollhom qalbhom imtaqqla, mhux minħabba l-mard li jkollhom imma għax iħossuhom abbandunati jew sfruttati wkoll mill-familja u minn qrabathom. Fil-Vanġelu hemm diversi ġrajjiet li juruna kemm Ġesù kellu qalb li tħoss għall-marid u kien jaġixxi biex itaffi kull għamla ta’ tbatija. Illum ukoll Ġesù għadu qrib tal-marid. Ħafna drabi Alla jinqeda bina l-bnedmin, anki b’dawk li ma jemmnux jew għandhom id-dubji tal-fidi, biex idewwaq imħabbtu lill-morda. Dan jgħodd partikularment għal dawk li jaqdu fil-professjoni medika u b’ħidmiet oħra fl-isptarijiet.

  1. No comments yet.
  1. No trackbacks yet.

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out / Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out / Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out / Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out / Change )

Connecting to %s

%d bloggers like this: