Home > Il-Papa Franġisku minn Dar Santa Marta > Inwarrbu minna s-sens ta’ fastidju għax l-affarijiet żgħar huma l-qerda tal-fratellanza fid-dinja

Inwarrbu minna s-sens ta’ fastidju għax l-affarijiet żgħar huma l-qerda tal-fratellanza fid-dinja


It-Tnejn 13 ta’ Frar 2017. Omelija tal-Papa Franġisku fid-Dar Santa Marta.

Il-qerda tal-familji u tal-popli tibda mill-affarijiet żgħar: ġelosija u għira. Jeħtieġ inwaqqfuhom mill-ewwel għax jeqirdu l-fraternità. Dan kien kliem il-Papa Franġisku waqt l-omelija li għamel fil-quddiesa li ċċelebra fil-kappella tad-Dar Santa Marta, dalgħodu.

 

Il-quddiesa kienet offruta għall-bżonnijiet ta’ Patri Adolfo Nicolás, propostu tal-Kumpanija ta’ Ġesù bejn l-2008 u l-2016, li jumejn oħra se jerġa’ jmur lejn l-Orjent biex ikompli l-ħidma tiegħu.

Preżenti għall-quddiesa kien hemm il-grupp ta’ disa’ Kardinali li qed jgħinu lill-Papa, li qed jiltaqgħu għat-18-il darba.

Il-Papa għamel riflessjoni dwar l-ewwel qari meħud mill-ktieb tal-Ġenesi fejn jitkellem dwar Kajin u Abel.

Għall-ewwel darba fil-Bibbja nsibu l-kelma ‘ħuh’, osserva l-Papa. Hi storja ta’ fratellanza li kellha tissaħħaħ imma minflok, tintemm ħażin. Tibda minħabba ġelosija ċkejkna: Kajin iħossu irritat għax is-sagrifiċċju tiegħu ma jogħġobx lil Alla, u għalhekk jibda jbejjet f’qalbu sentiment ta’ għira għal ħuh. Kajin jista’ jikkontrollah imma minflok iċedi għall-istint tiegħu.

Baqa’ jkabbar u jħalli ruħu jintrikeb minn dan is-sentiment. Id-dnub li jagħmel wara, għandu għeruqu f’das-sentiment. L-istess jiġri bejnietna. Hekk tikber il-mibegħda lejn xulxin: b’xi ħaġa żgħira li nħalluha tikber fina. Nibdew inħarsu lejn il-ħajja minn dil-lenti biss u dik it-tibna ssirilna travu, meta fil-fatt it-travu jkun qiegħed għandna. B’hekk ħajjitna tibda ddur biss madwar dak li jeqred il-fratellanza, jeqred il-fraternità.

Ftit, ftit, tibda ssir ossessjoni, persekuzzjoni u tibqa’ tikber tant li tispiċċa ħażin. Meta jien ninfired minn ħija, dan ma jibqax aktar ħija….. u din tkun il-qerda tal-familji, tal-popli, ta’ kollox!

L-ossessjoni tiklilna qalbna. Hekk ġralu Kajin u fl-aħħar qatel lil ħuh. Ħaseb biss għal rasu. Hawn jien biss, m’hawnx ħija.

Dak li ġara lil Kajin jiġri lilna wkoll. Iżda aħna għandna nwaqqfu dan is-sentiment minnufih, qabel ma jibda jbejjet, iqarrasna. Inwaqqfuh mill-ewwel, qal Franġisku.
Il-qrusa mhix Kristjana. In-niket iva, imma l-qrusa le. Mhux Kristjan li nżommu f’qalbna… kemm għedewwa, kemm firdiet minħabba f’hekk!

Għall-quddiesa f’Santa Marta kienu preżenti wkoll xi kappillani ġodda u l-Papa qal: fil-presbiterji tagħna wkoll, fil-kulleġġi episkopali tagħna, hekk jibdew il-firdiet! Għaliex din u għaliex l-oħra… affarijiet żgħar….. għax lil dak u mhux lili… u b’hekk tinqered il-fratellanza.

U Alla jistaqsi: fejn hu ħuk Abel? It-tweġiba ta’ Kajin hi ironika, osserva l-Papa. ‘Ma nafx, forsi jien l-għassies ta’ ħija?’

Il-Mulej iwieġeb li demm ħuh qed isejjaħlu minn ġol-art. Kull wieħed u waħda minna – il-Papa jqiegħed lilu nnifsu fil-lista wkoll – jista’ jgħid li qatt ma qatel lil ħuh. Imma, jekk inti għandek kontra ħuk, int qtiltu xorta waħda; jekk tinsultah, inti qtiltu f’qalbek. Il-qtil jibda mill-affarijiet żgħar.

Allura, aħna nafu fejn jinsabu dawk li qed isofru l-bumbardamenti, jew li huma tturufnati? Dawn mhumiex ħutna?

U kemm setgħana tad-dinja jistgħu jgħidu: ‘Lili jinteressani dan it-territorju, dil-biċċa art u jekk il-bomba toqtol 200 tfal, mhix ħtija tiegħi, ħtija tal-bomba. Lili jinteressani biss it-territorju.’

Kollox jibda minn dak is-sentiment li bih tiddistakka ruħek, li dwar l-ieħor tibda tgħid: dan hu hekk u hekk, imma mhux ħija. U kollox jintemm fi gwerra li toqtol. Fil-fatt inti tkun qtilt qabel, meta bdejt tbejjet f’qalbek.

Dan hu l-proċess tad-demm, id-demm ta’ tant nies fid-dinja tal-lum, li jgħajjat lil Alla mill-art. Imma kollox jintrabat flimkien, jibda minn qatra demm – bl-għira tiegħi li biha qridt il-fraternità.

Jalla l-Mulej illum, temm jgħid il-Papa, jgħinna ntennu dil-mistoqsija: Fejn hu ħuk? U jgħinna naħsbu f’dawk li joqtlu bi lsienhom, f’dawk li huma ttrattati bħala oġġetti u mhux bħala aħwa….. għax aktar importanti biċċa art milli r-rabta bejn l-aħwa.

Ħajr lill-Kamra tal-Aħbarijiet ta’ Radju Marija.

  1. No comments yet.
  1. No trackbacks yet.

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out / Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out / Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out / Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out / Change )

Connecting to %s

%d bloggers like this: