Home > Il-Papa Franġisku minn Dar Santa Marta > San Ċirillu u San Metodju huma ħabbara tal-Vanġelu bil-kuraġġ, bit-talb u l-umiltà

San Ċirillu u San Metodju huma ħabbara tal-Vanġelu bil-kuraġġ, bit-talb u l-umiltà


It-Tlieta 14 ta’ Frar 2017. Omelija tal-Papa Franġisku fid-Dar Santa Marta.

Kuraġġ, talb u umiltà: dawn huma t-tliet karatteristiċi tal-ħabbara l-kbar li għenu l-Knisja tikber u tinxtered fid-dinja.

 

Fil-quddiesa fil-kappella tad-Dar Santa Marta dalgħodu, il-Papa għamel riflessjoni dwar żewġ Patruni tal-Ewropa, Ċirillu u Metodju, li llum nagħmlu t-tifkira liturġika tagħhom.

Hemm bżonn ta’ min jiżra’ l-kelma, missjunarji veri, ħabbara awtentiċi, kif kienu Ċirillu u Metodju – aħwa kuraġġużi u xhieda ta’ Alla, li saħħew l-Ewropa u li huma Patruni tagħha, qal il-Papa Franġisku.

Fir-riflessjoni tiegħu l-Papa tkellem dwar it-tliet karatteristiċi tal-personalità ta’ min hu ‘mibgħut’ biex ixandar il-Kelma t’Alla. Fl-ewwel qari nsibu l-figuri ta’ Pawlu u Barnaba filwaqt li fil-Vanġelu naqraw dwar it-72 dixxiplu mibgħutin jipprietkaw tnejn, tnejn, minn Ġesù

L-ewwel karatteristika tal-mibgħut hi l-onestà li fiha tiġbor il-forza u l-kuraġġ. Ma nistgħux inwasslu l-Kelma t’Alla qiesha xi proposta li taċċettaha jekk ifettillek. Il-Kelma t’Alla trid titwassal bl-onestà, bil-qawwa, biex tippenetra, kif jgħid San Pawl, ‘sal-għadam’.

Il-persuna nieqsa mill-kuraġġ – kuraġġ spiritwali, kuraġġ fil-qalb, li mhix innamrata ma’ Ġesù – għax minn hemm jiġi l-kuraġġ – tgħid xi ħaġa tajba, tagħmel xi att ta’ karità, imma hi nieqsa mill-Kelma t’Alla. Attitudni bħal din ma tiffurmax il-Poplu t’Alla.

Huwa biss meta l-Kelma tkun imxandra bl-onestà, bil-kuraġġ li tifforma l-Poplu t’Alla.

Iż-żewġ karatteristiċi l-oħra tal-ħabbar nisiltuhom mill-kapitlu 10 tal-Vanġelu ta’ San Luqa. Hu Vanġelu xi ftit stramb, osserva Franġisku, għax Ġesù jgħid: ‘itolbu lill-Missier biex jibgħat ħaddiema fl-għalqa tiegħu għax il-ħsad hu kbir imma l-ħaddiema huma ftit.’

Dan ifisser, kompla jgħid il-Papa, li wara l-onestà u l-kuraġġ hemm bżonn tat-talb.
Il-Kelma t’Alla teħtieġ it-talb biex tkun imxandra kif jixraq. Mingħajr it-talb tista’ tagħmel konferenza sabiħa imma dik ma tkunx il-Kelma t’Alla. Hija biss qalb li titlob li minnha tista’ tnixxi l-Kelma t’Alla. It-talb meħtieġ sabiex il-Mulej jakkumpanja l-Kelma tiegħu, isaqqiha biex tnibbet. Il-Kelma t’Alla titħabbar bit-talb ta’ min ikun ixandarha.

Fil-Vanġelu hemm karatteristika oħra interessanti: il-Mulej jgħid lid-dixxipli li se jibgħathom bħal nagħaġ qalb l-ilpup. Il-predikatur veru hu dak li jagħraf li hu dgħajjef, jaf li ma jistax jiddefendi ruħu. Mulej, allura se tibgħatni biex jikluni?
Inti mur, għax din hija t-triq, kompla Franġisku. U Kriżostmu jgħid li jekk ma tmurx bħan-nagħġa imma bħal-lupu fost l-ilpup, il-Mulej ma jipproteġikx, f’dak il-każ iddefendi ruħek waħdek.

Jekk il-predikatur jaħseb li hu intelliġenti ħafna, jispiċċa ħażin. Jekk il-Kelma t’Alla nxandruha b’mod li nħossu li aħna l-ilpup u mhux in-nagħaġ, nispiċċaw dejjem ħażin. Jekk min-naħa l-oħra aħna nammettu d-dgħufija tagħna, allura jkun il-Mulej li jiddefendina.

Għalhekk din hi l-missjonarjetà tal-Knisja u tal-ħabbara l-kbar, ta’ dawk li żergħu u għenu l-Knisja tikber fid-dinja. Kienu nies kuraġġużi, tat-talb u umli. Jalla San Ċirillu u San Metodju, temm il-Papa, jgħinuna nxandru l-Kelma t’Alla skont dawn il-kriterji, kif kienu għamlu huma.

Ħajr lill-Kamra tal-Aħbarijiet ta’ Radju Marija.

  1. No comments yet.
  1. No trackbacks yet.

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out / Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out / Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out / Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out / Change )

Connecting to %s

%d bloggers like this: