Il-kura tal-anzjani

Print Friendly, PDF & Email

Patri Mario Attard OFM Cap

Din ix-xitwa kiddet ħafna nies. Fosthom lil ħutna l-anzjani. Mill-esperjenza tiegħi fl-isptar iltqajt ma biżibilju anzjani li ġew rikoverati fl-isptar. Min irnexxielu, bil-grazzja ta’ Alla, jgħix. U min mar in-naħa l-oħra u issa qed jitlob għalina.

Il-kwistjoni tal-kura tal-anzjani toħloq diskussjoni wiesa’ u kumplikata. L-aktar fil-familja tal-anzjan u tal-anzjana. Kulħadd jifhem il-fatt li l-anzjani tagħna jistħoqqilhom l-aqwa kura. Irrispettivament mil-kura li joffri l-istat jew il-Knisja l-aqwa kura għall-anzjan u l-anzjana dejjem tinstab fil-familja tagħhom stess. Mela wieħed jifhem dik il-ħarsa, li ġġiblek ħniena, tal-anzjan u l-anzjana, li tkun trid tibqa’ f’daru u f’darha. Għal dik id-dar, mimlija b’tant tifkiriet, dak l-anzjan u dik l-anzjana taw ħajjithom. Ħallsu sal-inqas sold fil-but. U għamlu sagrifiċċji kbar.

Għalhekk, li wieħed jieħu ħsieb l-anzjani tagħna, aktar u aktar fil-familja, hija xi ħaġa mill-aktar nobbli. U, fuq kollox, qaddisa. Il-kmandament stess li tana l-Mulej fil-ktieb tal-Eżodu huwa ċar kristall: “Weġġaħ lil missierek u lil ommok, sabiex jitkattru jiemek fuq l-art li l-Mulej, Alla tiegħek, jagħtik” (Eż 20:12). Ma ninsewx li, fil-mentalità Ġudajka, il-ġenituri huma rappreżentanti primi tal-preżenza ta’ Alla fil-familja. Mela, min jieħu ħsiebhom qed jieħu ħsieb lill-Mulej innifsu. Fil-ktieb ta’ Bin Sirak hemm litanija ta’ tħeġġiġ dwar l-importanza li nieħu ħsieb lill-ġenituri tiegħi. Anki Ġesù jafferma l-importanza li nieħdu ħsieb lil dawk li jkunu ġabuna fid-dinja. Liż-żgħażugħ għani jgħidlu li biex wieħed jidħol fil-ħajja jrid iħares il-kmandamenti (ara Mt 19:17). Fosthom hemm dak li jgħid, mingħajr tlaqliq, “weġġaħ lil missierek u ‘l ommok” (Mt 19:19).

Anki t-tradizzjoni Nisranija, kif mfissra u miġbura fil-Katekiżmu tal-Knisja Kattolika, turina l-importanza li lill-ġenituri tagħna nieħdu ħsiebhom.

“Alla l-Missier hu l-bidu tal-paternità tal-bniedem (ara Ef 3,14): minn dan jiġi l-ġieħ li għandu jingħata lill-ġenituri. Ir-rispett tat-tfal, taż-żgħar jew tal-kbar għall-missier u l-omm (ara Prov. 1,8; Tob 4,3-4) jieħu l-ħajja mill-imħabba naturali li tiġi mir-rabta li tgħaqqadhom bejniethom. Dan jitolbu l-kmandament ta’ Alla (ara Eż 20,12). Ir-rispett għall-ġenituri (pietas filialis) mhux ħlief il-ħajr lil dawk li, bl-għoti tad-don tal-ħajja, b’imħabbithom u xogħolhom, ġiebu ’l uliedhom fid-dinja u ħallewhom jikbru fit-tul, fl-għerf u fil-grazzja. ‘Agħti ġieħ lil missierek b’qalbek kollha, u tinsiex uġigħ il-ħlas ta’ ommok. Ftakar li kienu huma li ġibuk fid-dinja; biex se tħallashom għal dak li tawk?’ (Sir 7, 27-28).

Ir-rispett ta’ l-ulied jidher meta tassew joqogħdu għall-ġenituri tagħhom u jobduhom ‘Ħares, ibni, l-ordnijiet ta’ missierek, u twarrbux it-tagħlim ta’ ommok. Huma jmexxuk fil-mixi tiegħek, iħarsuk meta tkun rieqed, ikellmuk meta tqum’ (Prov. 6,20-22). ‘Iben bil-għaqal jisma’ t-tagħlim ta’ missieru, imma l-insolenti ma joqgħodx għaċ-ċanfir’ (Prov 13,1). Tul iż-żmien kollu li l-iben ikun jgħix f’dar il-ġenituri tiegħu, għandu jobdihom f’kull ma jgħidulu għall-ġid tiegħu u tal-familja. ‘Intom, tfal, isimgħu mill-ġenituri tagħkom f’kollox, għax dan hu li jogħġob lill-Mulej’ (Kol 3,20; ara Ef 6,1). L-ulied għandhom ukoll jobdu dak li b’mod raġunevoli jgħidulhom l-edukaturi tagħhom u dawk kollha li lilhom ġew fdati mill-ġenituri tagħhom. Iżda jekk tifel hu konvint, fil-kuxjenza tiegħu, li hu moralment ħażin tobdi xi ordni li jingħatalu, ma għandux jagħmlu.

Meta jikbru, l-ulied għandhom ikomplu jirrispettaw lill-ġenituri tagħhom. Jikkuntentawhom f’xewqathom qabel stess jgħidulhom bihom, ifittxu bil-qalb il-pariri tagħhom, u jilqgħu t-twissijiet ġustifikati tagħhom. L-ubbidjenza lejn il-ġenituri tispiċċa malli l-ulied jieħdu l-istat tagħhom, imma mhux ir-rispett li għandu jibqa’ għal dejjem. Dan ir-rispett għandu l-għeruq tiegħu fil-biża’ ta’ Alla, wieħed mid-doni ta’ l-Ispirtu s-Santu. Ir-raba’ kmandament ifakkar lil ulied, meta jkunu kibru, fir-responsabbiltajiet li għandhom lejn il-ġenituri tagħhom. Sa fejn jistgħu, għandhom igħinuhom materjalment u moralment, fi xjuħithom, meta jkunu morda, meta jkunu waħedhom jew imdejqin. Ġesù jfakkar dan id-dmir ta’ ħajr (ara Mk 7,10-12):

Il-Mulej għolla l-missier fuq it-tfal, u saħħaħ id-dritt ta’ l-omm fuq l-ulied. Min jibża’ minn missieru jagħmel tajjeb għal dnubietu, u min iweġġaħ lil ommu qisu qed jiġma’ f’teżor. Min jibża’ minn missieru jifraħ b’uliedu u meta jitlob ikun mismugħ. Min iweġġaħ ’il missieru jkollu għomor twil, u min iserraħ lil ommu jkun qed jisma’ mill-Mulej (Sir 3,2-6). Ibni, ieqaf ma’ missierek fi xjuħitu, u ma’ tul ħajtu tweġġagħlux qalbu. Ukoll jekk moħħu jħallih, għadru, u tonqsux mill-ġieħ meta għadek mimli bis-saħħa … Daqs midgħi min jitlaq lil missieru waħdu, u misħut mill-Mulej min jgħaddab lil ommu (Sir 3,12.16).

Ir-rispett ta’ l-ulied iġib l-armonija fil-ħajja kollha tal-familja u dan jgħodd ukoll għar-relazzjonijiet bejn l-aħwa. Ir-rispett għall-ġenituri jdawwal l-ambjent kollu tal-familja. ‘Ulied l-ulied huma l-ġieħ tax-xjuħ’ (Prov. 17,6). ‘Bl-umiltà kollha, bil-ħlewwa u bis-sabar aħmlu u ħobbu ’l xulxin’ (Ef 4,2). L-insara għandhom juru gratitudni speċjali lil dawk li minn għandhom irċevew id-don tal-fidi, il-grazzja tal-Magħmudija u l-ħajja fil-Knisja. Dawn jistgħu jkunu l-ġenituri jew xi qraba oħra, in-nanniet, ir-ragħajja ta’ l-erwieħ, il-katekisti, għalliema oħra jew xi ħbieb. “Niftakar fil-fidi vera tiegħek, fidi li l-ewwel kienet ta’ nanntek Lojd, imbagħad ta’ ommok Ewniki u li ma għandi ebda dubju li hi fik ukoll” (2 Tim 1,5)” (nri 2214-2220).

B’daqshekk imma ma jfissirx li xi ħadd mill-ulied, meta l-ġenituri jkunu rikoverati fid-djar tal-anzjani jew fl-isptar jispiċċa l-ħaruf tas-sagrifiċċju. Kulħadd jgħabbilu x-xogħol. Basta huma jfarfru u m’għandhom x’jaqsmu ma xejn. L-aktar jekk l-iben u l-bint ikollhom il-familja tagħhom. Kif jista’ ikun wieħed ikisser il-familja tiegħu biex joqgħod erba’ u għoxrin siegħa ma’ ommu u ma’ missieru? Għandni niftakar qisu issa l-każ ta’ persuna barranija li għadha irrabjatha għal ommha sallum l-għaliex, meta kienet qed tikber, abbandunata biex tmur tgħin lil oħtha li kienet marida. L-omm stess tirrikonoxxi f’qalbha kemm weġġgħet lil bintha bl-aġir tagħha.

Anki min hu ġuvni jew xebba għandu ħajtu x’jgħix. L-aktar jekk għandu x-xogħol jew il-vokazzjoni tiegħu. Ejjew ma nistennewx minn dawn ħutna li jitilqu ix-xogħol biex iqattgħu erba’ u għoxrin siegħa mal-ġenituri tagħhom. Jekk din jagħmluha l-għaliex iħossu fil-kuxjenza tagħhom mod. Imma jekk isir paroli żejjed bejn l-aħwa sakemm joħolqulhom pressjoni u jġibuhom f’pożizzjoni li jkollhom jagħmlu hekk dan huwa att orribbli li qatt m’għandu jkun. Trid titneħħa l-ideja li min hu ġuvni jew xebba iridu jgħabbulu t-tagħbija fuq dahru u fuq dahraha bil-fors. U ħaddieħor jibqa’ gallarija. Jaf ġuvni u xebba jkollhom responsabbiltajiet fil-ħajja daqs mingħandu familja. U jekk mhux aktar ukoll.

Ħaġa oħra hija li bejn l-aħwa, f’sitwazzjonijiet fejn il-ġenituri huma morda, ejjew nevitaw kliem li jweġġa’. Ejjew nieqfu inferu qlub xulxin u nagħmlu pressjoni fuq xulxin fuq min għandu jieħu ħsieb ‘il min. L-idejali hu li l-ġenituri nħalluhom f’darhom. Imma jekk dan mhux possibbli nsibu toroq oħra. U, sakemm kulħadd qed jagħti sehmu mill-aħjar li jista’, ejjew ma nippretendux l-impossibbli mingħand xulxin.

Fl-aħħar nett, aħna l-ġenituri anzjani ejjew napprezzaw dak li jagħmlu magħna uliedna. Anki jekk f’għajnejna hu ftit wisq. Iż-żminijiet inbiddlu. Il-ħajja għandha l-piżijiet tagħha. Jekk napprezzaw lil uliedna, anki bil-ftit li jagħmlu magħna minn qalbhom u b’tant sagrifiċċju, inkunu qegħdin tassew nieħdu ħsieb il-familja tagħna, u nħobbuha u nipproteġuha sal-aħħar ta’ ħajjitna.

Ejjew ma ninsewx it-terminu legali Latin: Ad impossibilia nemo tenetur. Jiġifieri, ħadd m’hu obbligat li jwettaq dak li hu impossibbli.

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading