Il-Ħamis 16 ta’ Frar 2017. Omelija tal-Papa Franġisku fid-Dar Santa Marta.
Waqt l-omelija li għamel dalgħodu fil-kappella tad-Dar Santa Marta, il-Papa għamel riflessjoni dwar l-ewwel qari tal-quddiesa meħud mill-Ktieb tal-Ġenesi li jirrakkonta l-istorja ta’ Noè.
Il-Papa qal li l-ħamiema li kien telaq Noè reġgħet lura bil-werqa taż-żebbuġa f’ħalqha biex Alla juri li jrid lill-bnedmin kollha jkunu fil-paċi bejniethom.
Il-patt m’Alla jtina l-qawwa li niksbu l-paċi, imma jiddependi kif nirċevuh u naċċettawh minkejja d-dgħufija tagħna. Hi biċċa xogħol li rridu nibqgħu nagħmlu kuljum għax fina għad hemm iż-żerriegħa tad-dnub oriġinali, l-ispirtu ta’ Kajin li għall-għira u għax ried jiddomina, għamel il-gwerra.
Meta nitkellmu dwar il-patt bejn Alla u l-bniedem, issokta l-Papa, nitkellmu dwar id-demm. Fl-ewwel qari naqraw: ‘U jien nitlob kont ta’ demmkom, li hu ħajjitkom, nitolbu mingħand kull bhima, mingħand kull bniedem; mingħand kull wieħed nitħallas tal-ħajja ta’ bniedem ieħor bħalu. Kull min ixerred demm ta’ bniedem, minn bniedem ieħor jixxerred demmu.’ Għalhekk, qal il-Papa, aħna għassiesa ta’ ħutna u meta jkun hemm it-tixrid tad-demm hemm id-dnub u Alla se jitlobna kont.
Fid-dinja tal-lum id-demm jinxtered għax ninsabu fi gwerra. Ħafna ħutna, anki innoċenti, imutu għax is-setgħanin iridu biċċa art oħra, aktar poter, jew iridu jaqilgħu ftit aktar mill-bejgħ tal-armi. U l-kelma tal-Mulej hi ċara: nitlobkom kont. Lilna wkoll għad jitlobna kont; minkejja li nidhru qiegħdin fil-paċi, jitlobna kont ta’ ħutna li jinsabu fil-gwerra.
Imma jien x’irrid nagħmel biex inħares il-ħamiema, biex il-qawsalla tkun dejjem gwida għalija?, staqsa l-Papa. X’qed nagħmel biex jieqaf it-tixrid tad-demm? Dan jolqot lilna wkoll. It-talb għall-paċi mhux formalità, il-ħidma għall-paċi mhix formalità.
Il-gwerra tibda fil-qalb tal-bniedem, fid-dar, fil-familja, bejn il-ħbieb, u mbagħad tinfirex. X’qed nagħmel jiena, tenna Franġisku, meta f’qalbi nħoss xi ħaġa timbuttani biex inkisser il-paċi?
Il-gwerra tibda fil-qalb u tispiċċa ‘l bogħod. Naqraw fil-ġurnali, naraw fuq it-televixin kemm nies imutu minħabba ż-żerriegħa tal-gwerra mqanqla mill-għira, mir-regħba li hemm fil-qalb tal-bniedem. U jien jimpurtani mill-bomba li waqgħet fuq sptar, fuq skola u qatlet ħafna tfal? Id-dikjarazzjoni tal-gwerra tibda f’qalbna, fil-qalb ta’ kull wieħed u waħda minna.
Għalhekk il-ħarsien tal-paċi hu dmir li għandna nkabbru fina ta’ kuljum biex inferrxuha mad-dinja kollha.
Il-paċi tiġi mid-demm ta’ Kristu mhux mid-demm ta’ ħija, ta’ oħti, mid-demm miġjub mit-traffikanti tal-armi jew ikkawżat mis-setgħanin tad-dinja.
Il-Papa Franġisku rrakkonta li meta kien għadu żgħir, f’daqqa nstemgħu s-sireni li soltu jdoqqu meta tiġri xi traġedja kbira. Ommu ħarġet tiġri barra u sabet lill-ġara tagħhom tibki, u tgħannqu flimkien għax fil-fatt il-ħsejjes kienu jfissru li spiċċat il-gwerra.
Imma l-gwerra f’qalbi ntemmet? Il-gwerra fil-familja, fil-kwartier fejn noqgħod, fuq il-post tax-xogħol, fid-dinja, intemmet il-gwerra? Jalla l-Mulej itina l-grazzja li nkunu nistgħu ngħidu li l-ħamiema, il-qawsalla u l-ħbiberija għelbu l-gwerra, temm jgħid il-Papa.
Ħajr lill-Kamra tal-Aħbarijiet ta’ Radju Marija.