Is-Seba’ Ħadd taż-Żmien ta’ Matul is-Sena

Print Friendly, PDF & Email

Qari I
Ħobb lil għajrek bħalek innifsek.
Lev 19, 1-2.17-18

Qari mill-Ktieb tal-Levitku

Il-Mulej kellem lil Mosè u qallu: “Għid lill-ġemgħa kollha ta’ wlied Iżrael: “Għandkom tkunu qaddisin, għax qaddis jien, il-Mulej Alla tagħkom.

La tbejjitx lil ħuk f’qalbek, imma lil għajrek wissih u erġa’ wissih, biex ma tkunx ħati tiegħu.
La titħallasx b’idejk, u la żżommx f’qalbek għal ulied niesek, imma ħobb lil għajrek bħalek innifsek: Jiena l-Mulej””.

Il-Kelma tal-Mulej
R/. Irroddu ħajr lil Alla

Salm Responsorjali
Salm 102 (103), 1-2.3-4.8.10.12-13

R/. (8a): Ħanin u twajjeb il-Mulej

Bierek, ruħ tiegħi, lill-Mulej!
B’qalbi kollha nbierek l-isem qaddis tiegħu.
Bierek, ruħ tiegħi, lill-Mulej,
u la tinsiex il-ġid kollu li għamel miegħek. R/.

Hu li jaħfer dnubietek kollha;
ifejjaq il-mard tiegħek kollu;
jifdi lil ħajtek mill-qabar;
iħaddnek bit-tjieba u bil-ħniena. R/.

Ħanin u twajjeb il-Mulej,
idum ma jagħdab u kollu mogħdrija.
Ma mexiex magħna skond ma ħaqqhom ħtijietna;
ma ħallasniex skond ma ħaqqha ħżunitna. R/.

Daqs kemm hu mbiegħed il-Lvant mill-Punent,
hekk hu jbiegħed minna ħtijietna.
Bħalma jħenn il-missier għal uliedu,
hekk iħenn il-Mulej għal min għandu l-biża’ tiegħu. R/.

Qari II
Kollox tagħkom; u intom ta’ Kristu, u Kristu ta’ Alla.
1 Kor 3, 16-23

Qari mill-Ewwel Ittra ta’ San Pawl Appostlu lill-Korintin

Ħuti, ma tafux li intom tempju ta’ Alla, u li l-Ispirtu ta’ Alla jgħammar fikom? Jekk xi ħadd jeqred it-tempju ta’ Alla, Alla jeqred lilu. Għax qaddis hu t-tempju ta’ Alla, li huwa intom. Ħadd ma għandu jitqarraq! Jekk xi ħadd fostkom jaħseb li hu għaref f’din id-dinja, ħa jiblieh, biex isir għaref. Għax l-għerf ta’ din id-dinja hu bluha quddiem Alla. Għax hemm miktub: “Hu li jaqbad l-għorrief fil-ħażen tagħhom”; u terġa’: “Il-Mulej jaf li fiergħa huma l-ħsibijiet tal-għorrief”.

Għalhekk ħadd ma għandu jiftaħar bil-bnedmin, għax kollox hu tagħkom: sew jekk Pawlu, sew jekk Apollo, sew jekk Kefa, sew jekk id-dinja, sew jekk il-ħajja, sew jekk il-mewt, sew jekk iż-żmien ta’ issa, sew jekk li ġej; kollox hu tagħkom, u intom ta’ Kristu, u Kristu ta’ Alla.

Il-Kelma tal-Mulej
R/. Irroddu ħajr lil Alla

Akklamazzjoni qabel l-Evanġelju
1 Ġw 2, 5

Hallelujah. R/. Hallelujah
Kull min iżomm il-kelma ta’ Kristu,
fih hemm tassew l-imħabba ta’ Alla fil-milja tagħha.
R/. Hallelujah

Evanġelju
Ħobbu lill-għedewwa tagħkom.
Mt 5, 38-48

Qari mill-Evanġelju skond San Mattew

F’dak iż-żmien, Ġesù qal lid-dixxipli tiegħu: “Smajtu xi ntqal: “Għajn b’għajn u sinna b’sinna”. Imma jiena ngħidilkom biex bniedem ħażin ma tiqfulux; anzi jekk xi ħadd jagħtik daqqa ta’ ħarta fuq ħaddek tal-lemin, dawwarlu l-ieħor ukoll; u lil min ikun irid itellgħek il-qorti u jeħodlok il-libsa, ħallilu wkoll il-mantar. U jekk xi ħadd iġagħlek timxi miegħu mil wieħed, mur miegħu tnejn. Agħti lil min jitolbok u ddawwarx spallejk lil min ikun irid jissellef mingħandek.

Smajtu xi ntqal: “Ħobb lil għajrek, u obgħod lill-għadu tiegħek”. Imma jiena ngħidilkom: Ħobbu lill-għedewwa tagħkom, u itolbu għal dawk li jippersegwitawkom, biex tkunu wlied Missierkom li hu fis-smewwiet; għax hu jtalla’ x-xemx tiegħu sew fuq il-ħżiena u sew fuq it-tajbin, u jniżżel ix-xita sew fuq min hu tajjeb u sew fuq min mhuwiex.

Għax jekk intom tħobbu lil min iħobbkom, xi ħlas jistħoqqilkom? Mhux il-pubblikani wkoll jagħmluh dan? U jekk issellmu lil ħutkom biss, xi tkunu tagħmlu żejjed? Mhux il-pagani wkoll jagħmluh dan? Kunu mela perfetti, bħalma hu perfett Missierkom li hu fis-smewwiet”.

Il-Kelma tal-Mulej
R/. Tifħir lilek Kristu

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading