Is-seba’ dnubiet soċjali

Print Friendly, PDF & Email

Patri Mario Attard OFM Cap

Kulħadd jaqbel miegħi li l-konferenza li tana l-Kardinal Gianfranco Ravasi, nhar it-Tlieta 24 ta’ Jannar, fl-iskola tas-Sorijiet Agostinjani Teresa Spinelli, kienet benna u duwa. Il-mod ħafif u, fl-istess ħin, għalliem, kif Ravasi żewwaq id-diskors tiegħu, kien tabilħaqq tal-għaġeb. Jiena, li kelli l-grazzja li nkun preżenti għal dan id-diskors, laqqamtu florilegio. Jew aħjar bukkett fjuri mżewwaq ta’ ħsibijiet ġejjin minn għadd ta’ ħassieba kbar ta’ kull żmien.

Ravasi għalaq dan id-diskors mill-isbaħ tiegħu dwar It-tempju u l-pjazza: Fidi, kultura u soċjetà, bi kwotazzjoni ta’ Mahatma Ghandi. Dan il-mexxej kbir Indjan qal hekk: “Is-seba’ dnubiet soċjali huma: politika mingħajr prinċipji, il-ġid mingħajr ix-xogħol, il-pjaċir mingħajr kuxjenza, it-tagħrif mingħajr karattru, il-kummerċ mingħajr moralità, ix-xjenza mingħajr umanità, u l-kult mingħajr sagrifiċċju”.

Kif wieħed jista’ jara din il-frażi fija għerf tassew kbir. L-ewwel nett, il-polititka, jagħmilha min jagħmilha, trid tkun imsejsa fuq prinċipji li ma jċedux u ma jitgħawġux skont il-ħtieġa. Allura huma allerġiċi għall-ideja: “L-aqwa li jkonna l-maġġoranza”. Politika b’saħħitha għandha dejjem tkun mibnija fuq il-ġid komuni u d-drittijiet umani. Għandha tħaddan fiha l-prinċipji tar-rispett lejn il-ħajja umana, il-familja u l-edukazzjoni, is-saħħa, il-housing, ir-refuġjati, il-libertà reliġjuża u l-bdil tal-klima.

Imbagħad, it-tieni dnub soċjali, huwa dak tal-ġid mingħajr xogħol. L-importanti fil-ħajja mhux li jkolli l-flus fil-but, jiġu minfejn jiġu. Iżda, li dawk il-flus, jiġu b’mod leċitu u, fuq kollox, dinjituż. Ejjew ma ninsewx dak li għallem Papa Franġisku fl-Udjenza Ġenerali tad-19 t’Awwissu 2015: “Ix-xogħol huwa sagru u jagħti dinjità lin-nies. Kull persuna jew entità li tmur kontra din ir-rejaltà qed tweġġa’ lill-umanità”.

It-tielet dnub li jseħħ fis-soċjetà skont Ghandi huwa dak tal-pjaċir mingħajr kuxjenza. Qiegħdin ngħixu f’soċjetà fejn il-pjaċir sar kollox. Il-bniedem issa beda jara kollox sa mnieħru. Għada min rah? Aħseb u ara mela kemm teżiżti ħajja wara l-mewt? Allura, la wara l-mewt m’hemm xejn, gawdi issa! U x’jiġri? Il-kuxjenza, li tgħinna nwessgħu l-ħarsa tagħna lejn il-Ħallieq u lejn il-bnedmin l-oħra, u hekk tkabbarna bis-sħiħ fir-responsabbiltà tagħna lejhom it-tnejn, tibda’ tinfaga mill-egoiżmu tal-jien u ta’ dak li jaqbel lili fil-mument.

It-tħassir fis-soċjetà wassalna biex niċħdu li t-tagħrif iwassalna għall-għerf. Huwa l-għerf li għandu l-qawwa jagħtina karattru. Jiġifieri li f’ħajjitna u f’kull ċirkustanza li nkunu nagħżlu dak li hu sewwa. Irrispettivament jekk jaqbilli jew ma jaqbillix. Hija ħasra li t-tagħrif qed jiġi sempliċiment riduċut għal ideja vaga u hekk jiżvinta. Il-veru tagħrif irid iwassalna biex fil-ħajja nsibu dejjem modi ġodda ta’ kif se nwettqu l-Aqwa Ġid. Il-verità!

Dnub ieħor li qed ikisser is-soċjetajiet tallum hu l-kummerċ mingħajr moralità. Meta is-suq jivvelena liċ-ċittadini bix-xewqa li jkollhom iżjed u iżjed affarijiet il-moralità tagħhom tmur lura. Dan l-għaliex ma jibqgħux fil-kontroll tagħhom infushom u jitilfu kull sens ta’ obbligu morali. L-awtonomija u l-edoniżmu li jġibu s-suq ħieles jħassar lil dawk il-familji li m’għandhomx formazzjoni soda. Mela ejja mmorru mill-kompetizzjoni għall-koperazzjoni fl-intrapriżi ekonomiċi ħalli jkollna r-rispett reċiproku, il-ħbiberija u s-solidarjetà, u n-nies jibdew jitgħallmu kif għandhom jieħdu r-riskji tagħhom u jistabilixxu allejanzi bejniethom.

Ix-xjenza mingħajr umanità huwa dnub ieħor li qed jherri lis-soċjetà. Kif qal Papa Franġisku meta tħaddet mal-Parteċipanti tal-assembleja tal-Akkademja Pontifiċja tax-Xjenzi, nhar it-28 ta’ Novembru 2016, ix-xjenza tkun umana meta tagħżel il-ġid komuni, meta tiġġenera lilha nnifsha b’responsabbiltà u solidarjetà, meta timxi mal-valuri morali, meta tgħin bis-sħiħ fi żvilupp li hu sostenibbli u integrali.

L-aħħar dnub li jnawwar sewwa lis-soċjetà huwa meta n-nies, l-importanti għalihom hu li jipprattikaw ir-reliġjon tagħhom b’mod uffiċċjali iżda mhux lesti jpoġġu fil-prattika l-imħabba lejn il-proxxmu. Soċjetà mingħajr solidarjetà lejn il-batut tkun qabdet it-triq tal-qerda tagħha. Jalla r-reliġjonijiet kollha iwassluna biex inqisu lil xulxin bħala aħwa. Għaliex ilkoll kemm aħna għandna dinjità ta’ bnedmin.

Mulej, kabbarni u saħħaħni fil-prinċipji, fil-kuxjenza, fil-karattru, fil-moralità, fl-umanità u fl-ispirtu ta’sagrifiċċju għal għajri. Għinni ngħix u mhux neżiżti. Għinni ngawdi l-ħajja l-għaliex nagħmel is-sewwa u mhux ngħix f’aljenazzjoni li tagħha għad irrid inpatti prezz qares bil-bosta. Amen.

One thought on “Is-seba’ dnubiet soċjali”

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading