Home > Il-Papa Franġisku minn Dar Santa Marta > Jalla t-tentazzjoni tal-ambizzjoni, anke fi ħdan il-Knisja, tkun megħluba mill-mistħija qaddisa

Jalla t-tentazzjoni tal-ambizzjoni, anke fi ħdan il-Knisja, tkun megħluba mill-mistħija qaddisa


It-Tlieta 21 ta’ Frar 2017. Omelija tal-Papa Franġisku fid-Dar Santa Marta.

Jalla l-Mulej itina l-grazzja tal-‘mistħija qaddisa’ quddiem it-tentazzjoni tal-ambizzjoni li taħkem lil kulħadd, anke fil-komunità ekkleżjali. Din kienet l-eżortazzjoni li għamel il-Papa Franġisku dalgħodu waqt l-omelija tal-quddiesa fil-kappella tad-Dar Santa Marta. Il-Papa fakkar li Ġesù qalilna biex inkunu qaddejja ta’ kulħadd.

 

Ilkoll se niltaqgħu mat-tentazzjoni fil-ħajja Nisranija, qal il-Papa li kien imnebbaħ mill-qari tal-ġurnata: l-ewwel wieħed kien ifakkarna li min irid jaqdi lill-Mulej irid ikun imħejji għat-tentazzjoni, filwaqt li l-Vanġelu jirrakkuntalna li Ġesù ħabbar mewtu lid-dixxipli imma huma ma fehmux u beżgħu jistaqsuh.

Din hi t-tentazzjoni, li ma nwasslux għall-milja tagħha l-missjoni, qal Franġisku. Ġesù wkoll kellu t-tentazzjonijiet, l-ewwel għal tliet darbiet fid-deżert u mbagħad minn Pietru meta ħabbar il-mewt li kellu jgħaddi minnha.

Iżda hemm tentazzjoni oħra li jkellimna dwarha l-Vanġelu: mat-triq id-dixxipli kienu qed jiddiskutu min kien l-akbar fosthom u jibqgħu siekta meta Ġesù jistaqsihom dwar xiex kienu qed jitkellmu. Baqgħu siekta għax stħaw jgħidu x’kienu qed jiddiskutu.

Dawn kienu nies twajba, osserva l-Papa, li riedu jimxu wara l-Mulej, iservuH. Ma kinux jafu li t-triq tal-qadi tal-Mulej ma kinitx daqstant faċli, ma kinitx qiesek qed tinkiteb f’xi assoċjazzjoni tal-karità. Le, kienet ħaġ’oħra. Huma beżgħu minn dan.
Hemm it-tentazzjoni tal-mondanità: il-fatt li l-Knisja hi Knisja, sal-lum dan dejjem seħħ, għadu jseħħ u se jibqa’ jseħħ.

Naħsbu ftit dwar il-ġlied li jkun hemm fil-parroċċi: Jien irrid inkun president ta’ dik l-assoċjazzjoni, nikber ftit. Min hu l-akbar hawn?, staqsa l-Papa. Min hu l-akbar f’dil-parroċċa?… Jien inħossni aktar importanti minn dak jew minn dik għax għamilt dan u dak. Hemm tinsab il-katina tad-dnubiet!

Hemm it-tentazzjoni li nqassu dwar l-oħrajn, li nkunu rridu nikbru. Franġisku ta eżempji oħra ta’ dan l-atteġġjament:

Xi kultant – ngħiduha bil-mistħija – aħna s-saċerdoti, ikun hemm min jgħid: ‘Jien irrid din il-parroċċa, irrid dik il-parroċċa.’

Din mhix it-triq tal-Mulej, din hi t-triq tal-mondanità, tal-vanità. Ukoll fostna l-isqfijiet jiġri l-istess: il-mondanità tiġi bħala tentazzjoni meta ngħidu: ‘Jien qiegħed f’din id-djoċesi imma qed nitfa’ għajnejja fuq dik, għax aktar importanti…..’, u nibda nimbotta sakemm nasal fejn irrid.

Ix-xewqa li nħossni aktar importanti timbuttani lejn it-triq tal-mondanità.

Għalhekk, ħeġġeġ il-Papa, għandna nitolbu lill-Mulej il-grazzja li ‘jkollna l-mistħija’ kull meta nsibu ruħna f’din is-sitwazzjoni.

Infatti Ġesù jaqleb dil-loġika ta’ taħt fuq: ifakkar lit-tnax li min irid ikun l-ewwel, għandu jkun tal-aħħar u qaddej ta’ kulħadd, u jaqbad tifel, u jqiegħdu f’nofshom.
Għal dir-raġuni, il-Papa stieden it-talb għall-Knisja, ‘għalina lkoll’, żied jgħid, biex il-Mulej iħarisna mill-ambizzjonijiet, mill-mondanità li nħossuna aktar importanti mill-oħrajn.

Jalla l-Mulej itina l-grazzja tal-mistħija, il-mistħija qaddisa, meta nsibu ruħna f’sitwazzjoni bħal din. Għandi ħila naħsbu dan?

Meta nara l-Mulej tiegħi fuq is-salib, jien irrid nużaH biex nilħaq aktar?
Jalla l-Mulej itina l-grazzja tas-sempliċità tat-tfal: li nifhmu biss it-triq tal-qadi. U forsi nimmaġina l-aħħar mistoqsija, temm il-Papa Franġisku: ‘Mulej qdejtek tul ħajti kollha. Kont dejjem tal-aħħar ħajti kollha. U issa?’ X’jgħidilna l-Mulej? Jgħidilna: Għid lilek innifsek: ‘Jien qaddej bla ħila.’

Ħajr lill-Kamra tal-Aħbarijiet ta’ Radju Marija.

  1. No comments yet.
  1. No trackbacks yet.

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out / Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out / Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out / Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out / Change )

Connecting to %s

%d bloggers like this: